| 
				
				
				NITOLBU 
				BIL-KANT 
Fis-skiet tal-Monasteru San Pietru u fil-ħemda ta’ 
l-Imdina 
  
IL-KOR TAL-MONASTERU SAN PIETRU 
minn 
PETER PAUL CIANTAR 
  
Nhar ta’ Tnejn filgħaxija, wara tmiem il-ġimgħa, l-aktar fix-xhur 
xitwin, il-ħemda tal-Imdina taqtagħha b’sikkina. Is-silenzju perfett f’din il-belt 
kapitali antika tagħna tħossu sewwa.  
  
Il-fanali, b’dik id-dehra tal-imgħoddi, huma mwaħħlin mad-diversi 
kantunieri tal-bini għoli tal-Imdina, u b’dak id-dawl dgħajjef u safrani ħiereġ 
minnhom, idawlu d-diversi rkejjen tat-toroq dojoq u mudlama tagħha ... toroq  magħġunin 
sewwa mal-istorja antika ta’ pajjiżna. Din ix-xena ta’ ħemda titkattar aktar 
fix-xhur kesħin u xitwin ta’ pajjiżna. Dan l-ambjent, li jiena nħobb insejjaħlu 
wieħed ta’ riflessjoni, tħossu jħalli sensazzjoni qawwija fik. 
  
  
Il-mara u jien, flimkien ma’ grupp żgħir ta’ koppji oħra, 
niltaqgħu flimkien kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija, biex  nagħmlu siegħa ta’ talb 
permezz tal-kant, kant l-aktar Gregorjan, fis-skiet tal-Monasteru San Pietru 
tas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura fl-Imdina’. Dan il-monasteru, l-aktar 
antik u kbir, huwa wkoll marbut mal-Beata Marija Adeodata Pisani, il-Beata li 
għexet proprju f’dan il-bini tal-monasteru li minnu jfawwar talb kontinwu mid-diversi 
sorijiet Benedittini tal-Klawsura li għexu kważi ħajjithom kollha fih. 
 
  
Qegħdin grupp żgħir, imsejħin ‘Il-Kor tal-Monasteru  San Pietru 
tal-Imdina’: ilkoll ’il fuq mis-60 sena u mmexxijin minn Joseph Flask, li għandu 
karriera sabiħa mhux biss fil-qasam tax-xandir u fil-qasam tal-kitba, iżda wkoll 
fit-taħriġ tal-korijiet. Ilna nagħmlu dan kważi għaxar snin.  Fil-fatt huwa l-appuntament 
tagħna li ta’ kull nhar ta’ Tnejn niltaqgħu flimkien, u mal-organista żagħżugħa 
Ann Marie Mifsud, ngħaddu repertorju bbażat l-iktar fuq il-kant Gregorjan u l-kant 
tas-Salmi.   
  
Dan il-kor żgħir jagħti importanza lill-kant Gregorjan u b’hekk 
inkunu wkoll qegħdin mixjin max-xewqa tal-Papa preżenti, il-Papa Benedittu XVI. 
Il-Papa tkellem ħafna drabi dwar l-importanza li għandu dan il-kant uffiċjali 
tal-knisja u biex dan il-kant jerġa’ jsib postu fil-liturġija. 
 
  
Tassew li nkunu qed nitħarrġu fil-kant għad-diversi funzjonijiet 
liturġiċi li jsiru fil-knisja tal-Monasteru, iżda fl-istess ħin inkunu wkoll qed 
nitolbu flimkien; għax bħalma jgħid Santu Wistin, “meta nkantaw inkunu qegħdin 
nitolbu darbtejn”. 
  
Il-Kor jieħu sehem fil-Festa tal-Beata M.Adeodata Pisani OSB, kif 
ukoll fl-Anniversarji tat-twelid, tad-dħul fil-Monasteru, tal-Professjoni 
Monastika u tal-Beatifikazzjoni tagħha mill-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II fid-9 ta' 
Mejju 2001. Minbarra dawn l-okkażjonijiet, il-kor jieħu sehem ukoll 
fil-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u Ħadd il-Għid; fil-festa ta’ San Benedittu; 
fil-Milied u f’okkażjonijiet oħra - funzjonijiet li jsiru f’din il-knisja fejn 
jiddomina it-Titular dedikat lil San Pietru li tpitter mill-famuż Mattia Preti. 
  
Xħin aħna l-membri tal-kor, (għaxra b’kollox), bil-permess speċjali tal-Badessa 
Madre M. Adeodata Testaferrata de Noto OSB nidħlu fil-monasteru, inħossu fina 
bħal paċi kbira fil-qalb. Il-kwiet, is-serenità u l-ġabra jinħassu sewwa f’dan 
il-post li jiena nħobb insejjaħlu ‘qaddis’.  F’dak il-ħin tagħna, il-ftit 
sorijiet Benedittini tal-Klawsura li għad fadal  ikunu miġburin quddiem 
tabernaklu ċkejken, b’xi xemgħa tpetpet quddiemu, jitolbu fil-kor, filwaqt li 
aħna nippreparaw l-orgni u l-mużika għall-provi tagħna li jsiru fil-kappella, (ritratt 
lemin), taħt id-dell tan-niċċa 
fejn hemm il-fdalijiet qaddisa 
tal-Beata M. Adeodata Pisani; naturalment dejjem b’repertorju mużikali  ġdid 
skont l-okkażjoni.  
  
Ma ndumux aktar minn siegħa: iżda tkun siegħa ta’ talb u 
riflessjoni permezz tal-kant, għax meta tkanta tkun qed titlob.  |