Viżjoni ta’
Knisja
għall-Knejjes
Lokali ta’ Malta u ta’ Għawdex
għas-snin 2020-2030
Dokument
imħejji mill-Kummissjoni
Dottrinali
tal-Konferenza Episkopali
Maltija
Fejn ninsabu
u ħarsa ’l quddiem
Il-Knisja
fil-gżejjer tagħna tirringrazzja
lil Alla għal dak kollu li
kienet, matul il-medda
tas-sekli, u dak kollu li hi
għas-soċjetà tagħna. Hija
tagħraf – kif jirrikonoxxu bosta
istituzzjonijiet oħra, flimkien
ma’ settur sinifikattiv
tal-poplu – li hi tat, u qed
tkompli tagħti, kontribut
f’ħafna oqsma tas-soċjetà, bħal
dak spiritwali, edukattiv,
karitattiv, kulturali, tal-midja
u tal-isport.
Nifhmu li
s-soċjetà għaddiet minn bosta
bidliet, l-aktar fl-aħħar ħamsin
sena, fejn ħafna bidliet saru
b’pass imgħaġġel ħafna, u
f’kuntest ta’ sekularizzazzjoni
qawwija. Fil-fatt, illum
il-Knisja qed tħabbat wiċċha ma’
bosta sfidi. Insemmu xi wħud
minnhom:
o
il-vuċi
tal-Knisja li titqies biss bħala
vuċi fost ħafna oħrajn;
o
ix-xandir
tal-Bxara t-Tajba, il-valuri
tal-Evanġelju u l-kelma “Alla”
jistonaw f’bosta ambjenti
lokali;
o
ekkleżjoloġiji konfliġġenti;
o
analfabettiżmu reliġjuż qawwi;
o
il-preżentazzjoni tal-fidi
Nisranija liż-żgħażagħ;
o
diffikultajiet serji li qed
jolqtu l-familja, iż-żwieġ
Nisrani u t-tħejjija għalih;
o
iċ-ċelebrazzjoni awtentika
tal-liturġija b’mod dinjituż
mingħajr ma tkun teatrali, u
l-firda bejn il-liturġija u
l-għixien tagħha fil-ħajja ta’
kuljum;
o
l-eċċessi
f’ċerti festi parrokkjali u
oħrajn;
o
Insara li ma
jsibux bi tqila biex jagħtu
sehemhom fi strutturi tad-dnub
li jżebilħu d-dinjità
tal-bniedem.
Nifhmu tajjeb
li s-soċjetà tagħna m’għadhiex
waħda omoġenea: perċentwal mhux
żgħir tal-popolazzjoni, li issa
qed toqrob in-nofs miljun, huwa
magħmul minn nies ġejjin minn
pajjiżi, kulturi u reliġjonijiet
oħra. Filwaqt li għal bosta
sekli, il-kultura tagħna kienet
waħda essenzjalment Nisranija, u
f’ħafna aspetti, magħġuna
mal-fidi Nisranija, illum dan
m’għadux hekk. Però, minkejja
dan, il-Knisja tibqa’ tħares ’il
quddiem b’fiduċja kbira f’Alla,
anke jekk tiltaqa’ ma’
oppożizzjoni, spiss sottili,
fil-konfront tagħha. Fil-qari
attent ta’ dawn is-sinjali
taż-żminijiet, il-Knisja ġġedded
l-impenn tagħha li tara sinjal
tal-bniedem maħluq xbieha ta’
Alla, u l-possibiltà li tkompli
tixxandar il-Bxara t-Tajba
f’kull qasam tal-ħajja u f’kull
rokna tas-soċjetà.
Il-Knisja tesprimi
l-preokkupazzjoni tagħha quddiem
fenomeni soċjali li qed idgħajfu
s-sinsla morali tal-poplu
tal-gżejjer tagħna, fi kliem
ieħor, strutturi tad-dnub li qed
jiddominaw il-psike
tal-poplu tagħna, p.eż. in-numru
allarmanti ta’ persuni
dipendenti fuq id-droga,
l-effett tas-separazzjoni u
d-divorzju fuq it-tfal u
l-adoloxxenti, il-korruzzjoni,
il-qerda tal-ambjent naturali,
iż-żjieda tal-priġunieri
fil-ħabs,
u ż-żjieda fl-attentati ta’
suwiċidju kull ġimgħa.
B’fiduċja
sħiħa fil-Mulej u b’fiduċja
fir-rieda tajba tal-bniedem
maħluq fis-sura u x-xbieha ta’
Alla, il-Knisja f’Malta u
f’Għawdex tikkommetti
ruħha mill-ġdid li tibqa’ tagħti
xhieda qalbiena b’sens ta’
responsabiltà lejn il-poplu li
jgħammar f’dawn il-gżejjer.
Aktar minn qatt qabel, il-membri
tal-Poplu ta’ Alla huma msejħa
biex jifhmu aħjar u jħaddnu
bis-sħiħ il-kliem ta’ Ġesù:
“Intom il-melħ tal-art ... Intom
id-dawl tad-dinja” (Mt 5:13-14).
Hija u tirrifletti fuqha nfisha,
il-Knisja f’pajjiżna tagħraf li
l-profil tagħha huwa wieħed
Marjan, Pawlin, u Konċiljari.
Mingħajr ma nintilfu f’xi sens
ta’ nostalġija, din il-viżjoni
ta’ Knisja tirrikonoxxi
l-aspetti sbieħ u forsi inqas
sbieħ tal-passat, imma, fuq
kollox, tisħaq fuq l-ittra
u l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan
II, l-aktar
fil-kostituzzjonijiet
Sacrosanctum concilium,
Lumen gentium, Dei Verbum
u Gaudium et spes.
Aħna nħarsu u ngħożżu dak kollu
li għallmuna l-Papiet reċenti,
partikolarment San Pawlu VI (f’Ecclesiam
suam u Evangelii
nuntiandi), San Ġwanni Pawlu
II (f’Novo millennio ineunte),
Benedittu XVI (f’Deus caritas
est, Sacramentum
caritatis u Verbum Domini)
u Franġisku. It-triq tal-Knisja
llum hija dik li nsibu f’dak li
l-Papa Franġisku jgħallimna –
frott id-dixxerniment personali
tiegħu u dak ekkleżjali –
fl-Eżortazzjonijiet Appostoliċi
Evangelii gaudium,
Amoris laetitia, Gaudete
et exsultate u Christus
vivit. Fl-istess ħin, huwa
d-dmir tagħna li ngħożżu l-wirt
pastorali tar-Rgħajja
tal-Knejjes tagħna, u dak li
ħareġ fis-Sinodi Djoċesani li
saru wara l-Konċilju, ġewwa
Malta u Għawdex.
1.
Knisja missjunarja: Knisja “li
toħroġ” u tmur “lil hinn”
Il-Knisja
fil-gżejjer tagħna tifraħ li
ġiet imwaqqfa minn San Pawl,
fatt storiku u spiritwali li
jgħabbina bir-responsabiltà.
Fuq l-eżempju tiegħu, aħna
msejħin biex inkunu Nsara mħeġġa
għall-Mulej, ħabbara tiegħu u
bennejja tal-komunità Nisranija,
kif kien jagħmel hu, kulfejn
terraq u baħħar. Aħna
nirringrazzjaw lil Alla ta’
ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Nsara
impenjati li, bħall-Appostlu
Missierna, taw xhieda, anke fi
żminijiet ta’ sfida kbira. Huma
taw xhieda siekta, imma
effettiva, fil-ħajja
tal-familja, fil-ħajja
saċerdotali u kkonsagrata,
fl-ambjenti tax-xogħol, u
fl-impenn ekkleżjali
fil-parroċċi u fl-għaqdiet, kif
ukoll fil-ħajja pubblika u
kulturali fl-oqsma u l-livelli
kollha, fosthom anke
fil-politika, fix-xjenza u
fil-kummerċ etiku.
Nirringrazzjaw lil Alla ta’ xi
wħud minn ħutna li ħallew xtutna
u taw xhieda Nisranija sabiħa
f’artijiet oħra, fejn marru
bħala missjunarji jew bħala
emigranti.
Ma rridux
lanqas ninsew li fostna hawn
eluf kbar ta’ turisti u ta’
barranin li jgħixu fostna, xi
wħud membri tal-Knisja Kattolika
jew ta’ Knejjes oħra, u
saħansitra ta’ reliġjonijiet
oħra. Lil dawn ukoll aħna
msejħin li nagħtu xhieda, bħala
dixxipli ferħana u impenjati ta’
Ġesù. Nifhmu għalhekk il-ħtieġa
ta’ djalogu ekumeniku u djalogu
inter-reliġjuż, dejjem
fl-ispirtu li għallmitna
l-Knisja minn żmien il-Konċilju
Vatikan II. Għandna niddjalogaw
ma’ dawn ħutna minn Knejjes u
Tradizzjonijiet Insara oħra, kif
ukoll minn Reliġjonijiet oħra, u
naraw fihom aspetti pożittivi,
kif ukoll elementi ta’ qdusija u
verità.
Il-Knisja
fil-gżejjer tagħna tispira ruħa
mis-silta dwar il-laqgħa
tad-dixxipli ta’ Għemmaws ma’
Kristu Rxoxt (Lq 24:13-35).
Il-Knisja tibqa’ dejjem imsejħa
li tfassal ħajjitha fuq il-mejda
tal-Kelma u l-mejda
tal-Ewkaristija. Ittrasformati u
msaħħin mil-laqgħa mal-Kelma ta’
Alla u mal-Ġisem u d-Demm ta’
Kristu Rxoxt, l-Insara Maltin u
Għawdxin ikollhom is-saħħa
spiritwali biex ikomplu jagħtu
xhieda Nisranija f’kull aspett
tal-ħajja. Kif jgħallimna l-Papa
Franġisku, aħna għandna nkunu
Knisja li toħroġ u tmur lil hinn.
Wara l-laqgħa straordinarja
tagħhom mal-Mulej fil-Kelma u
fil-qsim tal-ħobż, iż-żewġ
dixxipli ħargu minnufih minn
fejn kienu għall-kenn u
l-mistrieħ, u reġgħu lura
Ġerusalemm: “Il-Knisja li
toħroġ hi l-komunità ta’
dixxipli missjunarji li jieħdu
inizjattiva, li jinvolvu ruħhom,
li jsieħbu lil oħrajn, li
jagħmlu l-frott u jiffesteġġjaw”
(Evangelii gaudium, 24).
Dawn il-ħames azzjonijiet
għandhom ikunu fil-qalba ta’
kull komunità Nisranija.
Għandu jsir
kull sforz biex ngħixu
l-evanġelizzazzjoni l-ġdida
permezz ta’ laqgħa dejjem ħajja
mal-Kelma, speċjalment waqt
iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u
tas-sagramenti l-oħra.
Flimkien – isqfijiet, saċerdoti,
membri tal-Istituti tal-ħajja
kkonsagrata u lajċi – għandna
nagħmlu minn kollox biex
iċ-ċelebrazzjonijiet
tal-liturġija, speċjalment
is-sagramenti, ikunu laqgħat
trasformattivi u trasformanti
ma’ Kristu Rxoxt. Il-Papa
Franġisku jiddeskrivi
l-evanġelizzazzjoni b’dawn
il-kelmiet, meta jfakkarna li
għandha tkun “iżjed entużjasta,
ferrieħa, ġeneruża, qalbiena,
mimlija b’imħabba minn ġewwa u
b’enerġija li tittieħed” (Evangelii
gaudium, 261).
Il-Kummissjonijiet djoċesani u
inter-djoċesani afdati
mix-Xandir tal-Kelma u
mil-Liturġija għandhom jagħmlu
kull sforz biex dawn iż-żewġ
imwejjed ikunu dejjem imfawra
għall-ġid tal-Poplu ta’ Alla u
għal dawk kollha li huma
miġbudin lejn il-Mulej, frott
tal-grazzja ta’ Alla u frott
ix-xhieda awtentika li nagħtu.
2.
Knisja li hi komunità ta’
komunitajiet
Il-Knisja
lokali, kif ukoll il-parroċċa,
hija komunità ta’ komunitajiet.
L-esperjenza dejjem għallmitna,
saħansitra minn dak li nsibu
fl-Atti tal-Appostli, li l-aktar
mod effikaċi biex persuna
tiltaqa’ ma’ Kristu u ma’ ħutha
Nsara huwa fl-ambjent
personalizzat ta’ komunità
żgħira (ara Evangelii gaudium,
29), u mhux fil-massa anonima.
Huwa mħeġġeġ il-ħolqien ta’
komunitajiet żgħar li fil-pern
tagħhom hemm l-esperjenza
diretta tal-Iskrittura u
l-Ewkaristija.
L-evanġelizzazzjoni
kollha tista’
sseħħ
kemm-il
darba li
kull membru jimpenja ruħu
biex iħalli
lilu nnifsu jitħabbeb
u jħobb
lil
Ġesù
tal-Evanġelju
li huwa persuna ħajja.
Dan hu l-pedament li fuqu jistgħu
jinbnew komunitajiet
żgħar.
Huwa u
jitkellem dwar il-valur għoli
tal-komunità, il-Papa Franġisku
jistqarr li “meta naqsmu l-Kelma
u niċċelebraw flimkien
l-Ewkaristija, dan jagħmilna
iktar aħwa u ftit ftit jibdilna f’komunità qaddisa u
missjunarja” (Gaudete et
exsultate, 142). Dawn
il-komunitajiet fi ħdan
il-parroċċa jistgħu jkunu
komunitajiet marbutin ma’ żona
pastorali territorjali jew ma’
kategorija karatterizzata minn
xi kariżma spiritwali jew li
tiġbor fiha persuni minn xi
periferija soċjali. Filwaqt li
dawn il-komunitajiet ikollhom xi
forma ta’ awtonomija pastorali,
tibqa’ dejjem importanti u
vitali r-rabta tagħhom
mal-parroċċa. Komunitajiet żgħar
oħra li qed iħallu ħafna ġid
huma dawk marbutin ma’ għaqdiet
u movimenti ekkleżjali li xi
drabi jilħqu persuni li mhumiex
f’kuntatt dirett mal-istruttura
parrokkjali.
3.
Knisja qaddejja
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma u
tal-Ewkaristija – kemm fuq
livell wiesa’ (djoċesan u
parrokkjali), kif ukoll fuq
livell kapillari (komunitajiet
żgħar) – għandha dejjem twassal
għall-qadi tal-aħwa kollha.
Il-laqgħa mal-Mulej Ġesù,
jekk hi laqgħa tassew ħajja u
qawwija, għandha dejjem
tissarraf fil-qadi,
speċjalment ta’ dawk li huma
emarġinati jew żvantaġġjati jew
għaddejjin minn xi diffikultà,
għal raġuni jew oħra (ara
Amoris laetitia, 49, 84,
291; Christus vivit, 75).
Kif nitolbu fil-Ħames Talba
Ewkaristika, aħna msejħin biex
nagħrfu fid-dawl tal-fidi
s-sinjali taż-żminijiet, biex fi
qbil mal-fidi li nistqarru
nimpenjaw ruħna sewwa fil-qadi
tal-Evanġelju. Dan jagħmilna
“ħerqana għall-ħtiġjiet
tal-bnedmin kollha, biex, aħna u
nissieħbu fin-niket u t-tiġrib
tagħhom, fil-ferħ u t-tamiet
tagħhom, inwasslulhom
bil-fedeltà kollha l-Bxara
t-tajba tas-salvazzjoni, u
flimkien magħhom, nimxu fit-triq
li twassal għas-saltna tiegħek.”
4.
Knisja profetika
Sabiex
il-Knisja tibqa’ kredibbli
f’pajjiżna llum, trid tgħix dak
li hija tipprietka.
Dan il-kliem ma jgħoddx biss
għal dawk li għandhom
pożizzjonijiet ta’ tmexxija
ekkleżjali f’kull livell, imma
jgħodd għal kull wieħed u waħda
minna. Nibqgħu Knisja kredibbli
u vuċi stmata u mismugħa
fis-soċjetà, kemm-il darba
nkunu profetiċi fl-għażliet li
nagħmlu u fl-istil ta’ ħajja li
nħaddnu, u ma nintilfux
f’għażliet li jagħlquna
“fis-sagristija.”
Biex inkunu
Knisja kredibbli, għandna
nkomplu nitolbu maħfra – lil
Alla u lil ħutna l-bnedmin – ta’
żbalji li għamilna fil-passat
jew li għadna qed nikkommettu.
Konverżjoni awtentika u
on-going hija sinjal ta’
Knisja li tieħu bis-serjetà
s-sejħa dejjiema tal-Mulej,
“Indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk
1:15).
Għandna
nibqgħu komunità ta’ aħwa
mgħammdin li nfittxu
d-djalogu, l-aktar meta
fil-pajjiż jinqalgħu issues
kontroversjali ta’ natura
soċjali, etika, politika,
ekonomika jew kulturali. Ma
nistgħux nkunu Knisja li tidher
u tinħass dommatika jew
fondamentalista fil-manjiera kif
titkellem u ġġib ruħha. Jeħtieġ
inkunu dejjem lesti li
niddjalogaw ta’ aħwa –
fl-ispirtu tal-“Bitħa
tal-Ġentili” – ma’ min ma
jaqbilx magħna, billi b’fedeltà
sħiħa lejn l-Evanġelju u
l-Maġisteru, inwasslu l-messaġġ
tagħna li huwa dejjem favur
il-bniedem u d-dinjità sħiħa
tiegħu.
5.
Knisja li tikkommetti ruħha
għall-għażla tal-faqar u
tas-sempliċità
Kif spiss
ifakkarna Papa Franġisku,
għandna nkunu Knisja fqira,
dejjem lesta li tagħti s-servizz
tagħha lill-foqra ta’ kull
kategorija. Biex inkunu
Knisja kredibbli, għandna
nagħmlu ħilitna biex ninfatmu
minn kull kilba għall-poter jew
privileġġ. Għandna npoġġu
fil-ġenb kull xorta ta’
anakroniżmu jew nostalġija għal
passat li kien jidher
trijunfanti, imma li llum
m’għadux żmienu. Il-Papa jgħid
dan: “Nitolbu lill-Mulej jeħles
lill-Knisja minn dawk li jridu
jxejħuha, iżommuha mwaħħla
fil-passat, iwaqqfuha, ma
jħalluhiex tiċċaqlaq” (Christus
vivit, 35).
6.
Knisja akkoljenti
L-akbar
sfida biex
inkunu
Knisja
akkoljenti
tibqa’ fil-mentalità tribali ta’
“aħna”
u “huma”: aħna
kollha midinba u
lkoll
neħtieġu
l-ħniena
ta’Alla,
iżda
spiss
nibqgħu
bil-mentalità li
“dawk
tal-Knisja”
huma “t-tajbin” filwaqt li
“l-midinba” u “l-bierda”
huma dawk li ma
jmorrux
għall-quddies.
Din
it-tip ta’ mentalità tant hi
fonda fil-mens Kattoliku
li diffiċli
ħafna li
jkollna
Knisja akkoljenti jekk diġà
hemm dal-preġudizzju
– li
sfortunatament hi l-aktar
attitudni li tbiegħed
lin-nies.
Għalhekk,
il-Knisja f’Malta u f’Għawdex
għandha tagħmel minn kollox biex
tibqa’ post u esperjenza fejn
il-midneb jew il-bniedem li
bired jew li jaħseb li mhux
aċċettat għal raġuni jew oħra,
iħossu milqugħ u mhux iġġudikat.
Huwa minn din l-akkoljenza li
dawn il-persuni jkomplu l-mixja
tal-konverżjoni kontinwa li
għaliha huwa msejħin minn Alla.
Fil-fatt, “il-Knisja hi msejħa
biex tkun id-dar miftuħa
tal-Missier” (Evangelii
gaudium, 46), fejn kulħadd
huwa milqugħ, hi x’inhi
s-sitwazzjoni jew il-passat
tal-persuna.
7.
Knisja pellegrina
Fl-isfond
tan-narrativa tad-dixxipli ta’
Għemmaws u l-laqgħa tagħhom ma’
Kristu Rxoxt, għandna dejjem
niftakru li aħna poplu
pellegrin. Għalkemm xi
kultant, bħal dawn id-dixxipli,
ninħakmu mid-dlamijiet
tad-dubju, tal-qtigħ il-qalb,
tal-infedeltà u tal-inkoerenza,
aħna konvinti li l-Mulej qiegħed
jimxi magħna biex jismagħna,
jifhimna u jqawwilna qalbna biex
imbagħad – trasformati minnu –
niftħulu beraħ il-qlub tagħna,
id-djar tagħna u r-realtajiet
kollha fejn ninsabu biex, hemm,
inkomplu niskopru l-qawwa tiegħu
li ddawwal, li tiggwida u li
teħles lill-persuni,
lill-komunitajiet Insara u
lis-soċjetà.
8.
Knisja kontemplattiva
In-Nisrani li
jinsab imħabbat minn forzi
qawwijin ta’ ħażen jista’ jsib
kenn fl-eżerċizzju
tal-kontemplazzjoni u
l-meditazzjoni. Il-Knisja
kontemplattiva li bħal Marija
tgħozz dak li tgħaddi minnu u
taħseb fuqu twassal lin-Nisrani
biex isib is-sens veru tal-ħajja
tiegħu moħbi fil-pjagi divini
ta’ Ġesù Msallab mid-dnub
tad-dinja.
Konklużjoni:
Ma’ Marija u bħal Marija, inkunu
tassew dixxipli tal-Mulej
Aħna,
il-Poplu t’Alla ġewwa Malta u
Għawdex, nixtiequ nkomplu
nkunu ispirati mill-preżenza
ħajja u sabiħa ta’ Marija, Omm
Alla u Omm il-Knisja
(ara Christus vivit, 43).
Għax hi “l-qaddejja tal-Mulej”
(Lq 1:38), Marija timxi magħna u
tgħallimna kif inkunu dejjem
aktar attenti biex nisimgħu
l-Kelma ta’ Alla u ngħixuha, u
biex niċċelebraw is-sagramenti
li huma laqgħa ħajja ma’ Binha,
Kristu Rxoxt. Din l-esperjenza
tassew Nisranija twassalna biex
inkunu dixxipli awtentiċi ta’
Ġesù, u għalhekk ħmira (ara Mt
13:33) fis-soċjetà fil-bidu
tat-tielet millennju.
Aħna npoġġu
din il-Viżjoni ta’ Knisja –
viżjoni profetika, kritika,
analitika u trasparenti –
f’riġlejn l-Verġni Marija li
hija oħtna u ommna. Hekk inkunu
tabilħaqq “il-Poplu ta’ Alla
miġbur flimkien fl-għaqda
tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu
s-Santu” (San Ċiprijanu, Fuq
it-Talba tal-Missierna, 23;
ara Lumen gentium, 4).
Proposti
prattiċi:
I.
Jiġi ppreżentat Pjan ta’
evanġelizzazzjoni u katekeżi
għas-snin 2020-2030 (jew perjodu
iqsar). Dan il-pjan ikun fih
proposti li jistgħu jiġu attwati
fuq livell djoċesan, parrokkjali
u ta’ għaqdiet u movimenti
ekkleżjali. It-twettiq tal-Pjan
ikun evalwat professjonalment
fuq bażi annwali. Huwa ssuġġerit
li l-Pjan jibda “mill-qiegħ”,
b’enfasi fuq il-Kelma ta’ Alla,
jagħti esperjenza ta’ Alla u ma
jiqafx fit-teorija.
II.
Emfasi fuq l-evanġelizzazzjoni
fit-tħejjija għas-sagrament
taż-Żwieġ.
III.
Re-thinking
qawwi dwar kif nifhmu
s-Sagramenti, kif
namministrawhom u kif
niċċelebrawhom.
IV.
Il-Kummissjoni Liturġika
Nazzjonali tkun ri-kostitwita
biex tinkludi aktar aspetti ta’
expertise, bħal dak
teoloġiku, antropoloġiku,
simboliku/filosofiku u
komunikattiv, bis-sehem ukoll
ta’ persuni ta’ esperjenza jew
kariżmi spiritwali li jgħinu
biex il-liturġija ma tibqax biss
ritwal, imma li tgħin biex
il-poplu tassew jiltaqa’ ma’
Alla. Issir emfasi ukoll dwar
formazzjoni teoloġika fil-qasam
tal-liturġija.
V.
It-tisħiħ tal-identità Kristjana
fl-iskejjel tal-Knisja.
VI.
Il-ħolqien ta’ pastoral
chaplaincy teams fl-iskejjel
tal-Istat, Indipendenti u
tal-Knisja.
VII.
Il-formazzjoni teoloġika
kontinwa tal-kleru (ongoing
theological formation), u li
din il-formazzjoni tkun aktar
ħolistika, u mhux iċċentrata
biss fuq materji ta’ morali jew
pastorali parrokkjali.
VIII.
Ikomplu jiġu promossi esperjenza
spiritwali fi gruppi żgħar,
bħalma huma lectio divina,
talb ta’ interċessjoni,
adorazzjoni u l-Liturġija
tas-Sigħat. Dawn huma għejjun
qawwija għal kulma qed jiġi
propost hawnhekk.
Dun Hector
Scerri,
f’isem
il-Kummissjoni Dottrinali
tal-Konferenza Episkopali
Maltija
6
ta' Ottubru
2019
Hemm
ċifri li huma
inkwetanti: fil-1950
kien hemm 60 priġunier,
illum hemm 600!
Statistika mhux
uffiċċjali tgħid li hemm
6 attentati ta’
suwiċidju fil-ġimgħa
(kważi wieħed kuljum).
Saru
diversi eżerċizzji
validi, tul is-snin,
fejn sar dixxerniment
ekkleżjali permezz
tad-dokumenti li tħejjew
frott dawn l-esperjenzi
tal-Knejjes lokali
tagħna. Tibqa’ dejjem
sfida l-implimentazzjoni
pastorali ta’ dak li
kien propost, u kemm dan
kien tassew effettiv.
|