QUDDIESA GĦALL-KLARISSI U L-BAŻILJANI F’CASTEL GANDOLFO
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
It-Tlieta, 14 ta’ Awissu 1979
Għeżież Ħuti fil-Mulej!
Huwa ferħ kbir għalija u
kommozzjoni ħajja li niċċelebra din il-Quddiesa Mqaddsa hawn, magħkom u għalikom,
li tgħixu l-eżistenza kontemplattiva tagħkom propju hawn, qrib ir-residenza
sajfija tiegħi!
Fost il-persuni kollha li
l-Papa jħobb u jqarraeb lejhom, intom bla dubju intom l-iktar prezzjużi, għaliex
il-Vigarju ta’ Kristu għandu bżonn estrem tal-għajnuna spiritwali tagħkom u
jorbot b’mod speċjali fuqkom, li bħala vokazzjoni divina għażiltu “l-aħjar parti”
(Lq 10,42) jiġifieri is-skiet, it-talb, il-kontemplazzjoni, l-imħabba
esklussiva ta’ Alla.
Intom ma abbandunajtux
lid-dinja sabiex ma jkollkomx is-slaleb tad-dinja jew biex ma tinteressawx
ruħkom fil-problemi li jitturmentaw lill-umanità: anzi! Intom iġġorruhom kollha
fil-qalb u fix-xenarju mqalleb tal-istorja intom takkumpanjaw lill-umanità
bit-talb tagħkom u bl-ansjetà tagħkom ta’ perfezzjoni u ta’ salvazzjoni.
Għal din il-preżenza
tagħkom, moħbija imma awtentika fis-soċjetà, u ferm iktar fil-Knisja, jiena
wkoll inħares b’fiduċja lejn idejkom magħquda u nafda liż-żelu tal-karità
tagħkom il-missjoni assillanti tal-pontefikat Suprem.
U huwa għażiz għalija li
nimmedita magħkom it-tagħlim li l-ħsibijiet, li l-liturġija tallum iġġiegħel
tgelgel mill-Kelma ta’ Alla. Li għadna kemm smajna fil-Vanġelu Mqaddes.
1. Ġesù jfakkarna qabel
kollox ir-realtà konsolanti tas-Saltna tas-Smewwiet. Il-mistoqsija li l-appostli
jagħmlu lil Ġesu hija tassew sintomatika: “Min hu mela l-ikbar fis-Saltna
tas-smewwiet?”.
Jidher li kienu ddiskutew
bejnniethom, dwar kwestjonijiet ta’ preċedenza, ta’ karriera, ta’ merti,
b’mentalità għadha terrena u interessata, riedu jkunu jafu min kien l-ewwel
dis-Saltna tas-smewwiet, li dwarha kien dejjem jitkellem l-Imgħallem.
Ġesù Jieħu l-okkażjoni
biex jippurifika l-kunċett żbaljat li għandhom l-Appostli u biex jittrasportahom
fil-veru kontenut tal-messaġġ tiegħu: is-Saltna tas-smewwiet hija l-Verita
feddejja minnu rrivelata; hija l-“grazzja” jew aħjar il-ħajja ta’ Alla minnu
miġjuba lil-umanità mal-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni; hija l-Knisja, Ġismu
Mistiku, il-poplu ta’ Alla li jħobbu u jsegwih; u fl-aħħarnett il-glorja eterna
tal-ġenna, li għaliha hija msejħa l-umanità kollha.
Ġesù, waqt li jitkellem
dwar is-Saltna tas-sema, irid jgħallimna li l-eżistenza umana għandha valur biss
fil-prospettiva tal-verità, tal-grazzja u tal-glorja futura. Kollox għandu jkun
aċċettat u migħux b’imħabba u għall-imħabba fir-realtà eskatoloġika minnu
rrivelata: “Biegħ kull m’għandek u agħti kollox karità’ agħmel ġwielaq li ma
jeqdimux, teżor li ma jintemmx fis-smewwiet…” (Lq 12,33). “Kunu lesti
biċ-ċinturin ma’ genbejkom u bil-lampi taż-żejt jixegħlu” (Lq 12,35).
2. Ġesù jgħallimna l-mod
ġust biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet. Jirrakkonta l-evanġelista San Mattew
li “Ġesù sejjaħ ħdejh tfajjel ċkejken, Qiegħdu f’nofshom u qal: “Fis-seewa
ngħidilkom; jekk ma tikkonvertux u ssiru bħat-tfal, ma tidħlux fis-saltna
tas-smewwiet. Għalhekk kull min isir żgħir bħal dan it-tfajjel, ikun l-ikbar
wieħed fis-saltna tas-smewwiet”” (Mt 18,2-4).
Din hija t-tweġiba
xokkanti ta’ Ġesù: biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet il-kundizzjoni
ndispensabbli hija li nagħmlu lilna nfusna żgħar u umli bħat-tfal!
Huwa ċar li Ġesù ma jridx
jobbliga lin-nisrani biex jibqà f’sitwazzjoni ta’ infantiliżmu perpetwu, ta’
injoranza sodisfatta, ta’ insensibiltà għall-problemi taż-żminijiet.
Għall-kuntrarju! Iżda hu jġib lit-tfajjel bħala mudell biex nidħlu fis-Saltna
tas-smewwiet għall-valur simboliku li t-tfajjel jiġbor fih.
Qabel kollox it-tfajjel
huwa nnoċenti, u biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet l-ewwel rekwiżit huwa
l-ħajja tal-“grazzja”, jiġifieri l-innoċenza, ritenuta jew miksuba mill-ġdid,
l-esklużkoni tad-dnub, li huwa dejjem att ta’ kburija u ta’ egoiżmu.
Fit-tieni post, it-tfajjel
jgħix bil-fidi, u bil-fiduċja fil-ġenituri tiegħu u jintelaq b’dispożizzjoni
totali lejn dawk li jiggwidawh u jħobbuh. Hekk in-nisrani għandu jkun umli u
jitlaq ruħu b’fiduċja totali fi Kristu u fil-Knisja. Il-periklu l-kbir, l-għadu
l-kbir huwa dejjem il-kburija, u Ġesù jinsisti fuq il-virtù tal-umiltà, għaliex
quddiem l-infinit ma nistgħux inkunu għajr umli, l-umiltà hija verità u hija
sinjal ta’ intelliġenza u sors ta’ serenità.
Fl-aħħarnett, it-tfajjel
jikkuntenta ruħu bl-affarijiet żgħar, li huma biżżejjed biex jikkuntentawh;
suċċess ċkejken, vot sabiħ u meritat, tifħira riċevuta jġegħluh jaqbeż bil-ferħ.
Biex nidħlu fis Saltna
tas-smewwiet hemm bżonn li jkollna sentimenti kbar, immensi, universali: imma
għandna nkunu nafu nikkuntentaw ruħna bil-ħwejjeġ żgħar, bl-impenji ordnati
mill-ubbidjenza, bir-rieda ta’ Alla kif tesprimi ruħha fil-waqt li jtir,
fil-ferħ ta’ kuljum offrut mill-Providenza; hemm bżonn nagħmlu minn kull xogħol,
għalkemm moħbi u mudest, kapulavur ta’ mħabba u ta’ perfezzjoni.
Hemm bżonn li nikkonvertu
għaż-żgħorija biex nidħlu fis-saltna tas-smewwiet! Ejjew niftakru l-intuwizzjoni
ġenjali ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux, meta mmeditat il-versett tal-Iskrittura
Mqaddsa: “Jekk xi ħadd huwa tassew ċkejken, ħalli li jiġi għandi” (S. Teresa ta’
Lisieux, Pr. 9,4). Skopriet li s-sens taż-“żgħorija” kien bħal lift lì
b’iktar għaġġla setà jwassalha għall-quċċata tal-qdusija: “Dirgħajk, o Ġesù,
huma l-lift li għandu jgħollini sas-sema! Minħabba dan jien m’għandix affattu
bżonn li nsir kbira; anzi għandi bżonn li nibqà żgħira, li nsir hekk dejjem
iktar” (S. Teresa ta’ Lisieux, Storia di un’anima, Manoscritto C, cap.
X).
3. Fl-aħħarnett, Ġesù
jagħtina l-kuraġġ għas-Saltna ta’ Alla. “X’jidhrilkom? – jgħid Ġesù – Jekk raġel
għandu mitt nagħġa u tintiliflu waħda ma jħallix jewwilla id-disgħa u disgħin
fuq l-għoljiet, biex imur ifittex lil dik mitlufa? U jekk jirnexxilu jsibha,
fis-sewwa ngħidilkom, jifraħ biha iktar milli għad-disgħa u disgħin li ma
ntilfulux. Hekk ukoll il-Missier tagħkom ċelesti ma jridx li jintiliflu linqas
wieħed minn dawn iż-żgħar” (Mt 18,12-14).
Dan huwa kliem drammatiku
u konsolanti fl-istess ħin: Alla ħalaq il-bniedem biex jirrendih parteċipi mill-glorja
tiegħu u mill-feliċità tiegħu infinita; u minħabba f’hekk riedu ntelliġenti u
liberu, “xbiha u xebħ tiegħu”. Sfortunatament nassistu bi dwejjaq
għall-inkwinament morali li jħarbat l-umanità, waqt li jiddisprezza b’mod
speċjali liċ-ċkejknin, li dwarhom jitkellem Ġesù.
X’hemm bżonn nagħmlu?
Nimitaw lir-Ragħaj it-Tajjeb u naħdmu bla heda għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Mingħajr ma ninsew il-karità materjali u l-ġustizzja soċjali, hemm bżonn li
nkunu konvinti li l-karità l-iktar sublimi hija dik spiritwali, jew aħjar l-impenn
għas-salvazzjoni tal-erwieħ. U l-erwieħ isalvaw bit-talb u bis-sagrifiċċju. Din
hija l-missjoni tal-Knisja!
B’mod partikolari intom,
klawstrali u erwieħ ikkonsagrati, hemm bżonn li tħossukom bħal Abraham fuq
il-muntanja, biex jitlob ħniena u salvazzjoni mit-tjubija nfinità tal-Iktar
Għoli! U jkun il-ferħ tagħkom li ssiru tafu li bosta erwieħ isalvaw propju
minħabba l-propizzjazzjoni tagħkom.
Għeżież Huti, fl-atmisfera
ħelwa u mistika ta’ dan il-Vġili tas-Sollennità tat-Tlugħ ta’ Marija Santissma
fis-sema, nafdakom kollha fil-ħsieb matern tagħha u nikkonkludi bil-kliem li
Pawlu VI ta’ tifkira meqjuma, kien esprima fil-bidu tal-pontifikat tiegħu:
“Il-Madonna tidhrilna llum bħal qatt qabel, bid-dawl tagħha mill-għoli, mgħallma
tal-ħajja nisranija. Tgħidilna: għixu sewwa intom ukoll; u kunu afu li l-istess
destin antiċipat lili, fis-siegħa li fiha l-mixja temporali tiegħi ingħalqet,
ikun għalikom ilkoll f’waqtu… L-Omm Ċelesti tinsab hemm fuq, tarana u
testenniena b’ħarsitha tenerissma… Propju għajnejha l-iktar ħelwin
jikkuntemplawna b’mod amoruż u b’imħabba materna tinkuraġġina… (Paolo VI, Allocutio,
15 agosto 1963).
Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|