John Henry Newman u l-Irlanda: tamiet u fallimenti

 

Kull min qara, imqar fuq fuq, il-ħajja tal-Kardinal, illum qaddis, John Henry Newman tal-Ingilterra, jaf li f’nofs il-medda ta’ ħajtu, huwa kellu relazzjoni partikulari mal-Irlanda, dik il-gżira fil-punent tal-Ingilterra li matul is-sekli kellha relazzjoni mhux daqstant sabiħa ma’ oħtha l-kbira, l-aktar minħabba raġunijiet etniċi u reliġjużi. 

 

Ir-relazzjoni ta’ Newman mal-Irlanda tmur lura għas-sena 1853 jew ftit qabel.  Bil-kemm kienu għaddew ħames snin mit-tmiem tal-mewġa kbira ta’ ġuħ  u nuqqas kbir ta’ ikel li kien kważi qered il-popolazzjoni tal-pajjiż.  Kien żmien meta bir-raġun kollu, anke l-Knisja Kattolika fil-gżira kienet għaddejja minn żmien qawwi ta’ prova.  Newman keien xtaq jagħti bidu għal universita’ Kattolika fil-belt kapitali Dublin sabiex il-Knisja Kattolika jkollha tal-inqas universita’ waħda tagħha fil-gżejjer Brittaniċi.  Il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż fil-ħamsinijiet tas-seklu dsatax kienu tassew foqra.  Kien jinħass nuqqas ta’ kandidati Irlandiżi Kattoliċi adattati għal universita’ bħal din u allura l-Kattoliċi fl-Ingilterra ma tantx kienu imħeġġa sabiex jaraw it-twaqqif ta’ istituzzjoni ta’ din it-tip fl-Irlanda. 

 

Kien l-Arċisqof Paul Cullen ta’ Dublin li talab lil Newman sabiex isir rettur tal-Universita’ Kattolika.  Imma l-istorja turina li Newman qatt ma ħassu appoġġjat minn dan l-isqof.  Madankollu, ma nistgħux ngħidu li din kienet kwistjoni ta’ xi animożita’ personali.  In-nuqqas ta’ qbil bejn it-tnejn kienet ta’ natura fundamentali; Newman kellu f’moħħu universita’ tixbah lil dik ta’ Oxford fejn kien għex bħala Anglikan, studja u anke għallem u pprietka bħala kjeriku Protestant; Cullen kellu f’moħħu istituzzjoni li tkun ikkontrollata mil-isqfijiet Irlandiżi u li tkun tixbah lis-seminarji Kattoliċi.  Mela l-punt tat-tluq diġa ma kienx wieħed komuni.  Newman u Cullen kienu jipperċepixxu l-affarijiet minn perspettivi totalment differenti.   Il-ġerarkija Kattolika lanqas qablet li tippermetti li l-universita’ tkun immexxija minn kumitat ta’ persuni lajċi.  Newman kien jemmen ħafna fir-rwol tal-lajċi; fil-fatt jibqa’ magħrufa għat-teżi tiegħu bl-isem On Consulting the Faithful in Mattes of Doctrine.   Newman ħassu frustrat mill-attitudni tal-isqfijiet Irlandiżi lejn il-lajċi u r-rwol tagħhom fil-Knisja.  Hu ħass li l-isqfijiet kienu qed jitrattawhom qishom tfal.  Filwaqt li Newman dejjem ħassu milqugħ mill-Irlandiżi, mhux ċar kemm kien iħossu mifhum minnhom.

 

L-aktar biċċa xogħol ta’ Newman fl-Irlanda apparti il-Knisja Universitarja ta’ St Stephen’s Green, hija ċertament il-ktieb tiegħu The Idea of a University.  Dan il-ktieb huwa bbażat fuq lectures li hu ta f’Dublin fis-sena 1852 bi tħejjija għat-twaqqif tal-imsemmija universita’.  Newman kellu kunċett speċifiku ta’ universita’: post ta’ tagħlim aktar milli riċerka u b’kurrikulu wiesa’ aktar milli post għal speċjalizzazzjoni dejqa u kostretta.  Sabiex nifhmu x’kellu f’moħħu Newman, irridu naraw kif kien jifhimha fil-konvinzjonijiet politiċi tiegħu.  Fl-Irlanda, Newman ġie wiċċ imbwiċċ mal-moviment nazzjonalista tal-Irlanda Żagħżugħa; din l-inkontru wasslu sabiex jirrevedi l-opinjoni tiegħu ta’ kif għandu jifhem lill-poplu tal-Irlanda.  Newman kien għadu kbir tal-idea tal-emanċipazzjoni Kattolika, liema opinjoni kien qed jippromwovi l-mexxej magħruf u politiku Daniel O’Connell.  Dan ma jfissirx li Newman kien ipokrita imma jfisser biss li hu kellu biża’ li jekk isiru konċessjonijiet lill-Kattoliċi, ir-Renju Unit kien se jitlef il-karattru Anglikan tiegħu li kien safa ssiġġilat fis-sena 1800.  Newman kien Ingliż daqs kemm kien Kattoliku.

 

Wieħed irid jifhem li Newman għex f’Ingilterra fejn il-Knisja Kattolika kienet assoċjata mal-barrani, mal-frustier jew aħjar ma’ min huwa ostili għall-idea nazzjonali Ingliża.  Il-Protestanti Ingliżi kienu jaħsbu li ma tistax tkun Kattoliku fl-Ingilterra u twiegħed ubbidjenza lir-Re u lill-patrija għax skont huma, il-Kattoliċi kienu ilsiera tal-Papa.  Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax, jiġifieri wara li Newman daħal fil-Knisja Kattolika fis-sena 1845, eluf ta’ Irlandiżi ssetiljaw fl-Ingilterra l-aktar fl-inħawi ta’ Manchester u Liverpool.  Kien biss wara ż-żmien li hu qatta’ f’Dublin li Newman beda jifhem aħjar l-isfidi bejn dawn iż-żewġ gżejjer qodma tal-Ingilterra u l-Irlanda.  Ftit qabel ma miet, Newman kiteb lill-poeta Gerard Manley Hopkins li kien qed jgħix f’Dublin u prova joffrilu sentimenti ta’ konsolazzjoni.  Dan għaliex Hopkins kien qed iħossu stramb jgħix fl-Irlanda bħala ċittadin Ingliż.  F’waħda mill-ittri li kitiblu, Newman qallu ċar u tond illi li kieku kellu jkun hu li qed jgħix f’Dublin, ‘kien ikun ribell’. 

 

Newman kien sensittiv għall-ħtiġijiet tal-Irlanda wara l-ġuħ kbir li għaddiet minnu.  Kien sema’ wisq kritika kontra l-gvern ta’ Westminster f’Londra.  Imma hu kiteb b’sens kbir profetiku dwar ir-rwol tal-Ewropa u l-Amerika fl-iżvilupp sussegwenti tal-Irlanda u fuq il-prosperita’ li kellha tgawdi aktar ‘il quddiem.  L-Irlandiżi jibqgħu sal-lum imdejna lejn Newman għaliex kien bil-ħila tiegħu li kienet se titwaqqaf din l-universita’ u anke jekk illum nafu li din l-idea ma kisbitx suċċess, ilkoll naqblu li Newman emmen fl-Irlanda ħafna qabel ma hi stess emmnet fiha nfisha.  Ir-rabta ta’ Newman mal-Irlanda hija waħda dejjiema.

 

Kitba ta’ Fr Geoffrey George Attard

 

Riferenza;

Fr Francis Gavin, An Englishman in Ireland f’ Catholic Herald 11 t’Ottubru 2019, 22-23.