Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia

 

ĦSIBIJIET MINN MONS. JOE FARRUGIA

GĦAL MATUL L-OTTAVA TAL-GĦID

 

IT-TNEJN - Mt 28,8-15; Atti 2,14.22-32

Ta’ dan aħna lkoll xhieda

Waqt il-vġili tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, sbieħ l-Għid il-Kbir, il-Knisja semmgħatilna l-kelmiet tal-appostlu Pawlu, missierna fil-fidi: “Kif Kristu qam mill-imwiet bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6,4).

Din il-ħajja “ġdida”, li rċivejna fil-Magħmudija, hija d-don li ġeddidna fl-identita’ personali tagħna u anki fir-relazzjoni tagħna ma’ bnedmin oħra. L-identita’ ġdida li rċivejna hija dik ta’ bnedmin trasformati f’xhieda ta’ Kristu mqajjem mill-imwiet, filwaqt li r-relazzjoni ġdida ta’ bejnietna hi dik li tagħmilna, fi Kristu, qaddejja tal-ħajja ta’ Kristu f’xulxin.

Il-qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jiddeskrivi għalina t-trasformazzjoni li seħħet f’Pietru meta dan, mimli bl-Ispirtu ta’ Kristu, ħareġ f’Ġerusalemm ixandar b’ferħ u bla biża’li Ġesu’ hu tassew il-milja tal-pjan li Alla, sa mill-bidu, ħejja għas-salvazzjoni tagħna. 

Din it-trasformazzjoni fl-identita’ personali ta’ kull min jilqa’ lil Kristu u fir-responsabbilta’ tiegħu, fi Kristu, lejn l-oħrajn, seħħet, infatti, fl-appostli kollha, tant li Pietru, għal dak li xandar, qal: “Ta’ dan aħna lkoll xhieda.”

Il-qari minn San Mattew ukoll jiddeskrivi t-trasformazzjoni li, f’dal-każ, seħħet f’xi nisa li, sbieħ l-ewwel jum tal-ġimgħa, narawhom jgħaġġlu mnikkta lejn il-qabar ta’ Ġesu’, u ftit wara, nerġgħu narawhom, imma issa f’ġirja ta’ ferħ biex lill-appostli jwasslulhom l-aħbar li Ġesu’ kien qam mill-imwiet.   

Din it-trasformazzjoni li seħħet fl-appostli u fin-nisa, flimkien magħhom, dixxipli ta’ Kristu, trid tidher ukoll fina. L-aħbar tagħna hi dik tagħhom. L-aħbar tagħhom hi dik tal-Knisja: “Il-Mulej qam mill-imwiet, kif kien qal; nifirħu lkoll u nithennew, għax qiegħed isaltan għal dejjem, hallelujah.”


IT-TLIETA - Ġw 20,11-18; Atti 2,36-41

Indmu u tgħammdu

Is-sejħa ta’ l-appostlu Pawlu f’Ħadd il-Għid, sejħa biex ngħixu “ħajja ġdida”, tissoponi li l-ħajja ta’ qabel, jiġifieri l-ħajja mgħixa lil hemm mill-fidi fi Kristu, hija “ħajja qadima”. Għaddha żmienha u m’għadhiex flokha.

Għalhekk tagħmel sens is-sejħa li, kif nisimgħu fl-ewwel qari tallum, l-appostlu Pietru għamel lin-nies tal-Lhudija meta qalilhom: “Indmu, u kull wieħed minnkom jitgħammed fl-isem ta’ Ġesu’ Kristu”. Indmu mill-ħajja l-qadima u tgħammdu fil-ħajja l-ġdida.

Il-ħajja l-ġdida li ngħatatilna, permezz tal-magħmudija, fl-isem ta’ Ġesu’ Kristu, hija ħajja ta’ ndiema għall-imgħoddi u ta’ ħeġġa għal ġejjieni fi Kristu.

Għalhekk, f’dawn il-jiem ejjew bħal ngħixu mill-ġdid l-esperjenza tal-magħmudija li rċivejna meta konna żgħar, bħallilkieku qed nirċevuha issa. Ejjew inġeddu l-indiema għal dnubietna, bħallikienu qed immutu għalihom issa.  Ejjew nilqgħu b’mod reali – u mhux biss intellettwali – il-fidi ta’ Kristu li diġa’ għandna, u fuq kollox ejjew nidħlu fir-realta’ ta’ dak Kristu li diġa’ qiegħed realment jgħammar fina.

Biex iseħħilna nagħmlu dan hemm bżonn li lil Kristu infittxuh bil-ħeġġa li biha fettxitu Marija ta’ Magdala, imma mhux bil-biki u n-niket tagħha.

Marija ta’ Magdala fettxet lil Kristu fost il-mejtin għax ħasbet li kien mejjet, u għalhekk ma setax jonqos li dan tagħmlu b’qalb imnikkta. Imma aħna nfittxu lil Ġesu’ waqt li nafu li se niltaqgħu miegħu ħaj, u għahekk infittxuh bil-ferħ, għax nafu li se nsibuh bi driegħu merfugħ biex iseddaq l-indiema tagħna bil-mafra tiegħu.  Aħna meta nfittxu lil Kristu nafu fejn għandna nfittxuh u nafu wkoll li jrid jiltaqa’ magħna biex jisqina bid-don tal-Ispirtu tiegħu.

Bir-raġun li tkanta l-Knisja llum: “Sqiehom l-ilma tad-dehen li wettaqhom, u ma jogħtrux, isebbaħhom għal dejjem, hallelujah.”


L-ERBGĦA - Lq 24,13-13; Atti 3,1-10

Fl-isem ta’ Ġesu’, imxi.

Nhar Ħadd il-Għid lill-appostlu Pawlu smajnih jgħidilna li bħalma Kristu kiseb ħajja ġdida mill-Missier, hekk ukoll aħna, permezz ta’ Kristu, ksibna ħajja ġdida (Rum 6,4). Illum, din il-verita’ qed narawha sseħħ fil-magħtub tat-tempju. L-appostlu Pietru qallu: “Fidda u deheb m’għandix, imma se nagħtik minn dak li għandi: fl-isem ta’ Ġesu’ Kristu ta’ Nazaret, imxi!”

Għall-kelma li Pietru lissen “fl-isem” ta’ Ġesu’, il-magħtub ġie meħlus mill-ħakma tal-mard u rikostruwit fiżikament u spiritwalment. 

Hekk ukoll, għall-kelma li, f’isem Kristu, il-Knisja ttenni fiċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija u tas-sagramenti l-oħra, aħna wkoll niġu meħlusa mill-ħajja l-qadima u niġu mibnija mill-ġdid – b’risq tagħna nfusna u b’risq il-bnedmin l-oħra.

B’risq tagħna nfusna għax bil-qawmien ta’ Ġesu’ mill-imwiet, Il-“jien” tagħna nbidel, l-imgħoddi midneb tagħna tħassar u u d-dgħufija tagħna mtliet bis-setgħa li nimxu, li nagħtu direzzjoni ġdida lil ħajjitna, li nidħlu fit-tempju ta’ Alla – mhux fit-tempju l-qadim imma fil-preżenza ġdida ta’ Alla.

B’risq tal-oħrajn għax, bħalma ġara fil-kas tal-magħtub li tfejjaq, in-nies li  jaraw lilna wkoll spiritwalment imfejqa, jistagħġbu u jfaħħru lil Alla.

Hekku r-rispons li rridu nfittxu għax-xhieda ta’ ħajja ġdida li nagħtu: bnedmin li jaraw lil Alla, jistagħġbu b’Alla u jfaħħru lil Alla.

U bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, li ltaqgħu ma’ Kristu rxuxtat, ma nehdewx nitħeġġu u nifirħu għall-kelmiet tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja, hallelujah.”


IL-ĦAMIS - Lq 24,35-48; Atti 3,11-26 

Lilu isimgħu f’kulma jgħidilkom

Il-ħajja ġdida li fuqha kellimna l-appostlu Pawlu (Rum 6,4) nhar Ħadd il-Għid, tiġbor fiha l-grazzji kollha tal-istorja tas-salvazzjoni. 

Alla ta’ Abraham hu l-istess Alla li wiegħdna l-ħajja ġdida permezz tal-profeti u hu l-istess Alla li sebbaħ lil Ġesu’ ta’ Nazaret billi għamlu l-għajn għalina ta’ din il-ħajja ġdida. Hu għalhekk li, fil-qari tallum mill-Atti tal-Appostli, Pietru jsejħilna biex nisimgħu lil Ġesu’ f’kulma jgħidilna. Għax il-verita’ hi li biss jekk aħna nisimgħu lil Ġesu’ f’kulma jgħidilna, aħna ngawdu l-ħajja ġdida li rċivejna fil-magħmudija.

B’dak li jgħidilna, Ġesu’ jiftħilna moħħna, kif fetaħ moħħ id-dixxipli ta’ Għemmaws u moħħ l-appostli miġbura fiċ-ċenaklu.

X’qed jgħidilna llum Ġesu’?  Qed jgħidilna: Jiena tassew ħaj u ninsab f’nofskom. Jiena hu! Missuni! Qed jgħidilna: Indmu, biex dnubietkom jinħafrulkom u tkunu tistgħu tgawdu l-faraġ tal-ħajja ġdida. Qed jgħidilna: Għixu f’ismi u dan ikun ta’ saħħa għalikom bħalma kien għall-magħtub. Intom – item jgħidilna – xhieda ta’ dan.

Aħna xhieda f’żewġ sensi. L-ewwelnett għax, permezz tal-fidi fi Kristu, aħna naraw u nagħrfu personalment il-verita’ li Ġesu’ ma qamx mill-mewt biss b’mod spiritwali, u għahekk mhux fantażma imma hu l-istess Ġesu’ li kien u baqa’ jiekol mal-appostli tiegħu.

Aħna xhieda wkoll in kwantu nwettqu s-sejħa li, bħal Pietru, b’fommna nippridkaw lil Kristu, b’ilsienna nxandu l-Bxara t-Tajba tiegħu u b’ħajjitna nikkomunikaw il-grazzja tiegħu ta’ ħajja ġdida.

“Il-ġusti, Mulej, faħħru għalenija l-id tiegħek li ħarsithom, għax l-Għerf fetaħ fomm l-imbikkmin u ħall l-ilsien tat-trabi, hallelujah.”


IL-ĠIMGĦA - Ġw 21,1-14; Atti 4,1-12

Ma felħux jisimgħuhom

Fl-Ottava tal-Għid jidwi fina t-tagħlim tal-appostlu San Pawl lir-Rumani u lilna:  “Bħalma Kristu … hekk ukoll aħna…” (ara Rum 6,4). Bħalma Kristu qam għal ħajja ġdida, hekk ukoll aħna fil-magħmudija dħalna f’ħajja ġdida 

Id-diskors tal-appostlu Pietru quddiem is-Sinedriju, kif ukoll l-istess arrest li ġarrbu l-appostli, ifakkruna li x-xebh ma’ Kristu fil-ħajja ġdida jissoponi x-xebħ ma’ Kristu fil-persekiuzzjoni.  Fid-dinja l-ħajja ġdida li rċivejna m’aħniex se nitħallew ingawduha mingħajr tiġrib. Qabel sofra l-passjoni, lill-appostli tiegħu Ġesu’ kien wissihom li fid-dinja kien se jkollhom ibatu.

Dak li llum nisimgħu mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli hu dak li għadu jiġri. Kristu, preżenti fid-dinja permezz tal-Knisja tiegħu, huwa l-“ġebla tax-xewka” li għadha tiġi mwarrba, hu l-Mibgħut t’Alla li għadu jiġi maqtul, huwa s-Sid li għadu jsofri l-intolleranza; id-dixxipli tiegħu għadhom jiġu arrestati u l-kelma tiegħu fuq fommhom għadha tiġi msikkta.

Dan ifisser li aħna, kostitwiti xhieda ta’ Kristu u fdati minnu bil-missjoni tiegħu, m’għandna qatt naħsbu li l-ħajja l-ġdida li rċivejna hija xi passaport għat-trankwillita’. Dik tiġi, imma fid-dinja l-oħra. Bħalissa, dment li għadna hawn, irridu nitħabtu biex nissaħħu f’din il-ħajja ġdida.

Dan iseħħ billi jkollna l-istess fiduċja li kellhom l-appostli fuq id-dgħajsa, dawk li għall-kmand ta’ Kristu tefgħu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa minkejja l-esperjenza tagħhom li fuq dik in-naħa ma kienx hemm ħut. Imma obdew, żguri kif kienu minn Kristu, u l-obbedjenza itagħhom issarfet f’qabda li ma felħux itellgħuha

“Il-Mulej qiegħed lill-poplu tiegħu fiż-żgur imma l-għedewwa tagħhom għattihom il-baħar, hallelujah.”

 


IS-SIBT - Mk 16,9-15; Atti 4,13-21

Baqgħu mistagħġbin bihom

Hawn kważi terz tal-popolozzjoni tad-dinja li jemmnu li bil-mewt tiegħu Ġesu’ qered il-mewt tagħna u tana ħajja ġdida. L-Insara mxerrdin mad-dinja jistgħu ma jaqblux fuq xi dottrina u morali, imma lkoll nilqgħu t-tagħlim ta’ l-appostlu Pawlu lir-Rumani: “Kif Kristu qam mill-imwiet bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6,4).

Dat-tagħlim ta’ l-appostlu tal-ġnus, tagħlim li jixxandar ta’ kull sena fl-Għid il-Kbir, hu t-tagħlim ta’ l-appostli kollha, ewlieni fosthom Pietru. Kien infatti Pietru li ħareġ miċ-ċenaklu bih. Pietru ta l-ewwel prova tiegħu bil-fejqan tal-magħtub tat-tempju. Pietru sostnih bil-kelma tal-profeti u flimkien ma’ Ġwanni ddefendih quddiem is-Sanhedrin. U għal dat-tagħlim Pietru u l-appostli l-oħra, fi tmiem il-missjoni tagħhom, ċarċru demmhom.

Mhux inqas mill-appostli, aħna d-dixxipli ta’ Kristu, imsejħin biex inxandru dil-grazzja ta’ ħajja ġdida li rċivejna fil-magħmudija. Għax tabilħaqq jinvolvi lilna wkoll il-mandat ta’ Kristu lill-appostli tiegħu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15).

Xejn ma jeħlisna minn dan l-obbligu u xejn ma jiskużana mill-kont li jkollna nħallsu jekk naħarbu minnu. Lanqas l-iskuża li “ma nafx nitkellem” jew li “hemm min hu aħjar minni”. Naqraw fl-ewwel qari tallum mill-Atti tal-Appostli li Pietru u Ġwanni “kienu nies bla skola u bla tagħlim”, madankollu tant taw xhieda konvinċenti li l-kapijiet tal-Lhud “baqgħu mistagħġbin bihom”. 

Nifirħu għal dan! U nifirħu wkoll li, f’kull kas, ikun l-Ispirtu ta’ Ġesu’ li jitkellem fina u li jaħdem permezz tagħna ħalli l-bnedmin joħorġu minn taħt il-ħakma tal-ħajja “mejta” ta’ qabel u jidħlu fil-“ħajja ġdida” ta’ Kristu Rxuxtat. 

Għax, tassew li: “Il-Mulej ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu, b’għajat ta’ ferħ lill-magħżulin tiegħu, hallelujah.”