Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

"Id-dmir tan-Nisrani li jkun protagonista fil-politika, għaliex jista’ jgħin biex id-demokrazija terġa’ tikseb ir-ruħ tagħha. ...

"Filwaqt li n-Nisrani huwa konvint li d-demokrazija hija s-sistema li l-aktar tiggarantixxi l-partiċipazzjoni taċ-ċittadin fil-ħajja politika, huwa jemmen li ma jistax ikun hemm demokrazija vera jekk ma tkunx isserraħ fuq viżjoni retta ta’ min hu l-bniedem. ...

"In-Nisrani qatt ma jista’ jagħmel kompromess fuq dan il-prinċipju għax inkella jiġu kompromessi x-xhieda tal-fidi Nisranija fid-dinja u l-istess għaqda u koerenza interjuri li hemm bejn l-Insara nfushom."

IN-NISRANI FIL-POLITIKA

Lekċer pubbliku tal-Isqof ta' Għawdex,

Mons. Mario Grech

fl-“Iskola Fortunato Mizzi”

31 ta’ Ottubru 2009

 

In-nies tagħna qed jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi.  Għalkemm għandna parti mill-poplu li għandha alleanza ma’ xi partit politiku jew ieħor minħabba dak kollu li din l-alleanza tista’ ssarraf għall-gwadann personali, ma jidhirx li għandna daqstant nies li huma interessati fil-politika.  Hemm dawk li huma partiġġjani imma m’humiex politiċi!  Hu probabbli li wieħed mill-motivi għaliex dan qed iseħħ huwa għax id-demokrazija rappreżentattiva tinsab fi kriżi, liema kriżi tikxef problema aktar wiesgħa u serja: il-kriżi tal-kultura u taċ-ċiviltà f’din il-fażi ta’ tranżizzjoni minn epoka moderna għal epoka post-moderna.  Meta l-valuri li fuqhom iserraħ l-ekwilibriju istituzzjonali jinbidlu jew jevaporaw, l-istituzzjonijiet (il-familja, l-iskejjel, ix-xogħol, is-sistema politika, eċċ) jibdew juru konsenturi.  Il-kriżi strutturali tindika li qed nitilfu s-sens etiku tal-ħajja.

 

Dan josservah il-Papa Benedittu XVI meta jikteb li “minħabba l-influwenza ta’ fatturi ta’ ordni kulturali u ideoloġiku, is-soċjetà ċivili u sekulari llum hija mitlufa – tinsab f’sitwazzjoni ta’ fixla u konfużjoni.  Intilfet l-evidenza oriġinarja tal-fundament tal-essri uman u tal-imġieba etika tiegħu.  Id-duttrina fuq il-liġi morali naturali qed tiskontra ruħha ma’ fehmiet li huma ċ-ċaħda diretta tagħha.  Dan kollu għandu konsegwenzi gravi fuq l-ordni ċivili u soċjali”.[1]

 

Jekk id-demokrazija tirrisolvi ruħha bħala sempliċi inġinerija amministrattiva jew riżorsa ta’ poter fih innifsu; jekk il-politiċi, li huma atturi prinċipali fit-tħaddim tad-demokrazija rappreżentattiva, jittraskuraw il-kuntatt ġenwin tagħhom maċ-ċittadini u, flok jaqdu liċ-ċittadin, jinqdew bih; jekk il-casta politika tkun strumentalizzata minn min għandu s-saħħa (politika, finanzjarja kif ukoll reliġjuża!), jew minn interessi ta’ xi grupp partikulari, allura s-sistema demokratika tkun marida u hemm bżonn ta’ intervent urġenti.

 

Huwa fatt li fil-passaġġ mill-modernità għall-post-modernità l-bniedem tilef il-viżjoni traxxendentali tal-ħajja u għalhekk dgħajjef kull riferiment veritattiv.  Sentenza ta’ Nietzsche tiġbor dan kollu: “Aħna rridu nkunu dak li aħna: ġodda, irripetibbli, ma jista’ għalina ħadd, leġislaturi tagħna nfusna, dawk li jivvintaw il-liġi għalihom infushom, dawk li joħolqu lilhom infushom”.[2]  Ċertament li dan il-ħsieb ta’ Nietzsche jirrifletti l-klima li fiha jinsab il-bniedem illum: klima fejn il-bniedem jimxi ma’ kull riħ!

 

Filfatt il-punt l-aktar dgħajjef tal-kultura politika kurrenti jinsab fir-rabta li ntisġet bejn id-demokrazija u r-relattiviżmu etiku.  Konsegwenza ta’ dan il-fehmiet politiċi, kulturali, morali u reliġjużi huma meqjusa tal-istess valur u kollha leġittimi.  Fl-istess waqt il-libertà saret tfisser li wieħed jista’ jagħżel dak li jrid, sakemm jirrispetta l-libertà ta’ ħaddieħor.  F’konfront ma’ dan il-kunċett ta’ demokrazija permissiva u individwalista rridu nippreċiżaw li l-libertà politika la hija u anqas ma tista’ sserraħ fuq l-idea relattivista li l-ideat kollha fuq x’inhu ta’ ġid għall-bniedem huma veri u għandhom l-istess valur.  Kieku kien hekk il-ħajja demokratika kienet tkun ridotta għal sempliċi pragmatiżmu; f’dan il-każ ma jibqax lok għall-istituzzjonijiet pubbliċi, għax flok ma dawn iservu bħala strumenti biex iħarsu l-ġid komuni, jinbidlu fi strutturi ta’ poter u ta’ interessi korporattivi.  Għaldaqstant ma nkunux ’il bogħod mill-verità jekk ngħidu li llum il-kwistjoni demokratika essenzjalment hija kwistjoni morali.

 

Kif kien innota Alexis de Tocqueville, id-despotiżmu m’għandux bżonn tar-reliġjon; imma l-libertà u d-demokrazija iva.  Quddiem l-inkapaċità li jagħraf x’inhu l-veru u t-tajjeb, faċli li l-bniedem jaqa’ f’dak li huwa irrazzjonali, iċedi għall-passjonijiet diżordinati, u jimxi b’etika emottiva.  Il-bniedem sajjem fuq x’inhu l-għan aħħari tiegħu nnifsu jsir vittma ta’ etika utilitarista.  “Jekk ma jkunx hemm verità aħħarija, li torjenta l-azzjoni politika, allura huwa faċli li l-istess ideat jiġu strumentalizzati għal skop ta’ poter.  Demokrazija mingħajr valuri faċilment tista’ tinbidel f’totalitarjaniżmu, kif tixhed l-istorja”.[3]

 

Huwa f’dan il-kuntest li nara d-dmir tan-Nisrani li jkun protagonista fil-politika, għaliex jista’ jgħin biex id-demokrazija terġa’ tikseb ir-ruħ tagħha.  Filwaqt li n-Nisrani huwa konvint li d-demokrazija hija s-sistema li l-aktar tiggarantixxi l-partiċipazzjoni taċ-ċittadin fil-ħajja politika, huwa jemmen li ma jistax ikun hemm demokrazija vera jekk ma tkunx isserraħ fuq viżjoni retta ta’ min hu l-bniedem.  In-Nisrani qatt ma jista’ jagħmel kompromess fuq dan il-prinċipju għax inkella jiġu kompromessi x-xhieda tal-fidi Nisranija fid-dinja u l-istess għaqda u koerenza interjuri li hemm bejn l-Insara nfushom.  L-istess struttura demokratika li l-istat modern jixtieq iwaqqaf tkun ħafna dgħajfa jekk ma tqegħidx fil-bażi ta’ kollox iċ-ċentralità tal-bniedem.  Fuq kollox huwa r-rispett lejn il-persuna li jagħmel possibbli l-partiċipazzjoni demokratika.  “Għax il-ħarsien tal-jeddijiet tal-persuna huwa kundizzjoni meħtieġa biex iċ-ċittadini, sew bħala individwi u sew bħala membri ta’ għaqdiet, jistgħu jieħdu sehem attiv fil-ħajja u t-tmexxija tal-ħajja pubblika”.[4]

 

Imma rridu ngħidu wkoll li l-impenn tan-Nisrani fil-politika ħiereġ mhux biss mill-bżonn li għandha s-soċjetà, imma wkoll min-natura stess tal-Vanġelu.  Filfatt, meta tliet snin ilu kien qed jindirizza kungress nazzjonali tal-Knisja fl-Italja, il-Papa Benedittu XVI osserva li ma nistgħux ma nagħtux kontenuti konkreti u prattikabbli lix-xhieda Nisranija billi nistħarrġu kif din il-fidi tista’ titwettaq u tiżviluppa f’dawk l-ambjenti fejn tiżvolġi l-esperjenza umana.  Hemm bżonn li l-Insara jsibu għajnuna biex bl-azzjoni pastorali tagħhom tinħoloq rabta bejn il-fidi u l-ħajja ta’ kuljum, bejn il-proposta tal-Vanġelu u t-tħassib u x-xewqat li hemm fil-qalb tan-nies.  F’dan l-istess kuntest il-Papa jindika xi ftit eżempji fejn jidher li huwa meħtieġ il-kontribut tan-Nisrani: fil-ħajja affettiva u tal-familja, fid-dinja tax-xogħol u tal-mistrieħ,[5] fil-kamp tal-edukazzjoni u tal-kultura, fl-impenn kontra l-faqar u l-mard, u f’dak li għandu x’jaqsam mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħajja soċjali u politika.[6]  Il-Knisja għandha l-missjoni li tkun melħ tal-art, u għalhekk, imdawla mill-Vanġelu, hija toffri dan il-kontribut lill-bniedem u lis-soċjetà.  B’lealtà lejn Kristu u lejn il-bniedem il-Knisja tkun tonqos jekk tassenti ruħha minn dan il-proċess soċjali!

 

Bl-ebda mod dan ma jfisser li Knisja għandha tindaħal fil-politika.  Bħal kull realtà oħra temporali l-politika hija realtà lajka, fis-sens li għandha bħala għan il-ġid temporali tal-komunità ċivili.  Biex jilħaq dan l-għan il-politiku jħaddem regoli u strumenti propji u awtonomi, u li m’humiex relatati mal-fidi.  Darba Ġwanni Pawlu II osserva li jekk in-norma reliġjuża tkun identifikata ma’ dik ċivili, effettivament dan ikun qed joħnoq l-istess libertà reliġjuża; anzi, ikun jillimita jew saħansitra jiċħad il-jeddijiet umani inaljenabbli.  L-għarfien tad-drittijiet ċivili u politiċi, u t-tqassim tas-servizzi pubbliċi, ma jistgħux jibqgħu kkundizzjonati minn konvinzjonijiet ta’ natura reliġjuża min-naħa taċ-ċittadini.

 

Fl-enċiklika Deus caritas est il-Papa Benedittu XVI jgħallem li “il-Knisja ma tistax u m’għandhiex tieħu f’idejha l-ġlieda politika biex toħloq soċjetà kemm jista’ jkun ġusta.  La tista’ u lanqas għandha tieħu post l-istat.  Iżda hi la tista’ u lanqas għandha twarrab fil-ġenb mit-tħabrik biex ikollna l-ġustizzja…  Id-dmir dirett li wieħed jaħdem għal ordni ġust fis-soċjetà huwa… propju tal-lajċi li jgħixu l-fidi.  Bħala ċittadini tal-istat huma msejħin biex personalment jieħdu sehem minn ta’ quddiem fil-ħajja pubblika.  Għalhekk ma jistgħux jiċħdu sehemhom ‘fil-ħafna attivitajiet differenti ekonomiċi, soċjali, leġislattivi, amministrattivi u kulturali, maħsuba biex b’mod organizzat u b’liġijiet stabbiliti jkattru l-ġid komuni’.  Għal din ir-raġuni l-lajċi li jgħixu l-fidi għandhom ifasslu sewwa l-ħajja soċjali, jistmaw l-awtonomija leġittima tagħha, u jikkoperaw maċ-ċittadini l-oħra skond is-setgħat rispettivi tagħhom, waqt li jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom”.[7]

 

Konvint li l-Knisja m’għandhiex mudelli ta’ ħajja politika x’tipproponi,[8] fl-istess enċiklika l-Papa Benedittu jkompli jistqarr li billi t-tagħlim soċjali tal-Knisja jargumenta billi jibda mir-raġuni u mid-dritt naturali, jiġifieri minn dak li jaqbel man-natura ta’ kull bniedem, il-Knisja tagħraf sewwa li m’hix responsabbiltà tagħha li hija stess tagħti saħħa lit-tagħlim tagħha b’mod politiku; hija trid tgħin il-formazzjoni tal-kuxjenza fil-politika u tagħti sehemha u tistinka biex jikbru sew l-għarfien tal-esiġenzi veri tal-ġustizzja kif ukoll il-ħeffa biex dawn jitwettqu, anki meta dan imur kontra interessi personali.  Dan ifisser li t-twaqqif ta’ ordni soċjali u ċivili ġust, li bih jingħata lil kull wieħed dak li jmissu, huwa l-aqwa dmir li kull ġenerazzjoni għandha taqbad mill-ġdid.  Billi din hija responsabbiltà politika, dan ma jistax ikun inkarigu immedjat tal-Knisja.  Iżda, billi fl-istess ħin huwa responsabbiltà primarja tal-bniedem, il-Knisja għandha d-dmir toffri s-sehem partikulari tagħha permezz tat-tisfija tar-raġuni u l-formazzjoni etika, biex l-esiġenzi tal-ġustizzja jkunu magħrufa u jistgħu jsiru fil-qasam politiku.[9]

 

Filfatt, fi kliem il-filosfu Augusto Del Noce, dik li tissejjaħ “la rinascita cattolica”, li diġà kien ħaseb fiha Ljun XIII meta ħarġet l-enċiklika Rerum novarum, “doveva essere inscindibilmente religiosa, filosofica e politica”.  Fi kliem ieħor, in-Nisrani li jrid iwettaq missjoni fil-politika jrid ikun bniedem ta’ fidi u kapaċi biżżejjed biex din il-fidi jgħinha tiġġenera kultura; għax, fi kliem Ġwanni Pawlu II, fidi li ma ssirx kultura hija fidi li m’hix milqugħa b’mod sħiħ, fidi li m’hix maħsuba u lanqas hija megħjuxa b’fedeltà.[10]  Sfortunatament għal ħafna minna f’Malta u Għawdex dan m’hux impenn faċli, għax it-twemmin tagħna huwa kultura qabel m’huwa esperjenza tal-misteru; l-adeżjoni tagħna għal Kristu aktar hija frott tal-ambjent li tlajna fih, milli għax aħna ħallejna l-ġmiel ta’ Kristu jsaħħarna warajh!

 

Awtonomija mill-kamp reliġjuż ma tfissirx awtonomija mill-kamp tal-morali.  Il-fatt li ċerti valuri morali fundamentali (ħajja soċjali, ġustizzja, libertà, paċi, rispett tal-ħajja, żwieġ u familja) jaqblu mat-tagħlim Nisrani ma jfissirx li dawn il-valuri issa saru “konfessjonali”; dan lanqas m’għandu jimplika ċaħda ta’ leġittimità ċivili tal-impenn politiku ta’ dawk li jirrikonoxxuhom!  Huwa skorrett u jfixkel min isejjaħ “ġlieda konfessjonali” dawk id-dibattiti fuq punti etiċi li jintervienu fihom l-Insara, meta dawn huma purament dibattiti ċivili u umani.

 

Jien konvint li l-“lajċisti” Maltin f’pajjiżna għandhom lezzjoni importanti x’jitgħallmu mill-Palazz Élysées f’Pariġi: id-definizzjoni korretta ta’ xi tfisser lajċità.  Il-President Franċiż, Nicolas Sarkozy, meta f’Settembru 2008 laqa’ lill-Papa stqarr: The dialogue with religions is legitimate for democracy and respects the principle of laïcité.  Religions – and in particular Christianity, with which we share a long history – are legacies, living legacies of debate and reflection, not only about God, but also about mankind, society, and even that key concern today: nature and environmental protection.  It would be madness to deprive ourselves of it, quite simply an offence against culture and against thought.

 

This is why I call for positive laïcité, a laïcité which respects, an inclusive laïcité, one which debates, not one which exludes or condemns.  Nowadays when doubt and their absorption with their own problems challenge our democracies to address the problems of our time, positive laïcité offers our consciences the possibility of comparing ideas – going beyond beliefs and rituals – about the meaning we want to give our existence; the quest for meaning”.

 

Meta sena qabel din iż-żjara tal-Papa fi Franza, f’Diċembru 2007 Nicholas Sarkozy iltaqa’ mal-Papa f’Ruma, fil-bażilika ta’ San Giovanni Laterano, il-President Franċiż kien tenna l-istess ħsieb: il-lajċità hija ħtieġa u opportunità…  Fir-repubblika lajka l-politiku m’għandux jagħmel għażliet minħabba kunsiderazzjonijiet reliġjużi.  Imma huwa importanti li r-riflessjoni u l-kuxjenza tiegħu jkunu mdawla b’mod speċjali minn normi u konvinzjonijiet ħielsa minn kontinġenzi immedjati.  L-intelliġenza u l-ispiritwalità kollha li għandna fin-nazzjon għandhom jieħdu sehem.  Inkunu ħafna aktar għaqlin jekk ngħaqqdu flimkien ir-rikkezza li għandhom it-tradizzjonijiet differenti.  Huwa għalhekk li nappella mill-qalb biex ikollna lajċità pożittiva, fis-sens li jkollna lajċità li, filwaqt li tħares il-libertà tal-ħsieb, kemm ta’ min jemmen u kemm ta’ min ma jemminx, ma tqisx ir-reliġjonijiet bħala xkiel imma pjuttost bħala vantaġġ.[11]

 

Fid-diskors ta’ tweġiba li għamel fl-Élysées l-Papa, Benedittu XVI fisser kemm huwa meħtieġ li s-soċjetà tikseb għarfien korrett ta’ x’inhi l-lajċità: “I am firmly convinced that a new reflection on the true meaning and importance of laïcité is now necessary.  In fact, it is fundamental, on the one hand, to insist on the distinction between the political realm and that of religion in order to preserve both the religious freedom of citizens and the responsibility of the State towards them; and, on the other hand, to become more aware of the irreplaceable role of religion for the formation of consciences and the contribution which it can bring to – among other things – the creation of a basic ethical consensus in society”.[12]

 

Il-“basic ethical consensus” li jsemmi l-Papa f’dan id-diskors ifakkarni fi proposta ta’ “progetto di etica mondale” li snin ilu kien għamel it-teologu Hans Küng, liema proposta dakinhar kienet intlaqgħet tajjeb minn ħafna: Ix-xjenza u l-pożittiviżmu ta’ żmienna ma jistgħux jiġġeneraw ethos.  Hija l-filosofija li għandha takkumpanja b’mod kritiku d-dibattitu xjentifiku u tanalizza jekk il-konklużjonijiet li tasal għalihom ix-xjenza humiex tajba jew le.  Huwa għalhekk li Ratzinger jgħid li l-politika hija arti marbuta mar-ratio: dik ir-raġuni naturali u komuni għal kulħadd.[13]

 

Stat lajk jeskludi kull riħa ta’ teokrazija u l-idea ta’ xi politika ddettata minn xi twemmin partikulari.  It-twemmin jaf idawwal il-politika, imma wieħed ma jistax jittrasferixxi argument ta’ fidi fil-kamp politiku.  Il-politika għandha bħala gwida r-raġuni u l-virtujiet naturali li huma l-prudenza, it-temperanza, il-ġustizzja u l-qawwa.  Politika bla bażi filosofika ma toffrix azzjoni politika imma azzjoni teknika.  Politika li ma tirrispettax il-verità oġġettiva, li l-bniedem jista’ jiskopri bir-raġuni, ma tibnix l-ordni imma tbejjet l-anarkija, u flok ma tkun mezz biex il-bniedem igawdi l-ħelsien, tkompli tjassru.

 

F’dan il-kuntest, fl-impenn politiku tiegħu n-Nisrani għandu jevita żewġ perikli: li jitkellem ta’ teologu meta huwa politiku, u li jagħmel ideoloġija mir-reliġjon.  Imma l-fidi fi Kristu hija dawl kbir għall-kuxjenza tal-politiku Nisrani: il-Vanġelu, imsieħeb mill-Maġisteru tal-Knisja, huwa utli ħafna għax idawwal ir-raġuni tal-bniedem biex jagħraf il-verità.

 

Barra minn hekk hemm teologi, fosthom De Lubac, li jitkellmu wkoll fuq l-aspett soċjali tad-domma.  Il-misteri li aħna l-Insara niċċelebraw fil-liturġija fihom implikazzjonijiet antropoloġiċi, soċjali u ekoloġiċi!  Dan allura huwa l-element speċifiku li jista’ jikkontribwixxi l-politiku Nisrani.

 

Ma jistax ikun hemm tħaddim tas-sistema demokratika jekk ma jkunx hemm spazju għall-pluraliżmu, biex hekk tinstab l-aħjar tweġiba għal sitwazzjonijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi.  Imma dan il-pluraliżmu huwa leġittimu meta qed nitkellmu fuq għażliet politiċi u mhux fir-rigward tal-etika!  Il-pluraliżmu etiku m’hux ħlief relattiviżmu etiku.  Iċ-ċittadini Nsara huma ħielsa li jagħmlu l-għażliet politiċi tagħhom sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-fidi u l-liġi morali naturali.  F’dan ir-rigward in-nota duttrinali tal-Kongregazzjoni tal-Fidi fuq l-impenn tal-Kattoliċi fil-politika tippreċiża li hemm “esigenze etiche fondamentali e irrinunciabili”, bħal dawk li huma marbuta mal-abort, l-ewtanasja, il-ħarsien tal-familja mibnija fuq iż-żwieġ u l-edukazzjoni tal-ulied.[14]

 

Il-Papa Benedittu XVI għamel riferenza għal dawn l-esigenze etiche fondamentali e irrinunciabili f’diskors li għamel lill-membri tal-Partit Popolari Ewropew fl-2006.  Hawnhekk il-Papa fisser li dawn il-prinċipji m’humiex verità ta’ fidi, anki jekk il-fidi toffri dawl fuqhom u tikkonfermahom.  Huma prinċipji miktuba fin-natura umana u għalhekk huma komuni għall-umanità kollha.  Meta l-Knisja tiddifendihom hija ma tkunx qed tagħmel azzjoni konfessjonali, imma l-azzjoni tagħha hija indirizzata lill-bnedmin kollha, irrispettivament mill-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom.[15]

 

Bħal kull Nisrani ieħor il-politiku Nisrani għandu d-dmir li jifforma l-kuxjenza tiegħu anki fid-dawl tal-Maġisteru tal-Papa u tal-isqfijiet: “Evidently, this is true for all the baptised, yet it is especially incumbent upon those who, by virtue of their social or political position, must make decisions regarding fundamental values, such as respect for human life, its defence from conception to natural death, the family built upon marriage between a man and a woman, the freedom to educate ones children and the promotion of the common good in all its forms (230).  These values are not negotiable.  Consequently, Catholic politicians and legislators, conscious of their grave responsibility before society, must feel particularly bound, on the basis of a properly formed conscience, to introduce and support laws inspired by values grounded in human nature”.[16]

 

Jekk hija responsabbiltà tar-rgħajja spiritwali li jgħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenza, huwa dritt ukoll tal-Insara li jsibu gwida fir-rgħajja tagħhom.  “Meta l-isqfijiet jgħallmu f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma huma għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u Kattolika; l-Insara għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-isqof tagħhom, mogħti f’isem Kristu, fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali, u joqogħdu għalih b’qima reliġjuża”.[17]  Kull politiku għandu piż enormi fuq spallejh, għax bl-għażliet li jagħmel fil-kamp tiegħu huwa jkun qed jibni jew iħott ċiviltà sħiħa; bil-liġijiet li l-politiku jaħmi fil-parlament huwa jkun qed jolqot mhux biss il-ħajja tal-individwi imma tas-soċjetà kollha kemm hi.  Għalhekk il-politku m’għandu qatt jieqaf ifittex il-verità.

 

Hemm bżonn li l-“moviment Kattoliku” ikun aktar preżenti fil-politika lokali, la l-identità Kattolika m’hix ristretta għal identità partitika; u għalhekk il-preżenza trasversali tal-politiku Nisrani għandha tkompli tissaħħaħ.  Dan l-imperattiv m’hux biss ħiereġ mit-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu, imma wkoll għax is-soċjetà, partikularment l-istituzzjonijiet demokratiċi nazzjonali u Ewropej, jeħtiġuh.  Meta fl-arena politika l-għajta irrazzjonali tinstema’ tidwi, mhux dejjem ikun hemm eku qawwi biżżejjed tal-vuċi razzjonali; anzi, xi drabi meta dan il-leħen jinstema’ jkun iżarżar.  Imma huwa fatt li bħala dixxiplu ta’ Kristu l-politiku Nisrani ma jistax jagħti kontribut politiku ġenwin jekk ma jkunx qed jagħmel esperjenza ta’ fidi.  Il-politiku Nisrani matur huwa n-Nisrani matur.


 

[1] “A motivo dell’influsso di fattori di ordine culturale e ideologico, la società civile e secolare oggi si trova in una situazione di smarrimento e di confusione: si è perduta l’evidenza originaria dei fondamenti dell’essere umano e del suo agire etico e la dottrina della legge morale naturale si scontra con altre concezioni che ne sono la diretta negazione.  Tutto ciò ha enormi e gravi conseguenze nell’ordine civile e sociale”, Diskors lill-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, 5 ta’ Ottubru 2007, f’Osservatore Romano, 6 ta’ Ottubru 2007.

[2] “Noi vogliamo diventare quello che siamo: i nuovi, gli irrepitibili, gli inconfutibli, i legislatori di noi stessi, quelli che si danno da sè la legge, che si creano da sè”, La Gaia Scienza, Milan 2003, 335.

[3] Ġwanni Pawlu II, Centesimus annus, 46.

[4] Konċilju Vatikan II, Il-Knisja fid-dinja tal-lum, 74; ara wkoll Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, Nota dottrinale circa alcune questioni riguardanti l’impegno e il comportamento dei cattolici nella vita politica, 24 ta’ Novembru 2002, 3.

[5] F’dawn il-ġimgħat f’Għawdex qed isir il-Kungress Ewkaristiku Djoċesan li għandu bħala tema ċentrali l-bżonn li niskopru mill-ġdid il-valur tal-Jum tal-Ħadd, li huwa jum ta’ mistrieħ!

[6] [È] indispensabile dare alla testimonianza cristiana contenuti concreti e praticabili, esaminando come essa possa attuarsi e svilupparsi in ciascuno di quei grandi ambiti nei quali si articola lesperienza umana.  Saremo aiutati, così, a non perdere di vista nella nostra azione pastorale il collegamento tra la fede e la vita quotidiana, tra la proposta del Vangelo e quelle preoccupazioni e aspirazioni che stanno più a cuore alla gente.  In questi giorni avete riflettuto perciò sulla vita affettiva e sulla famiglia, sul lavoro e sulla festa, sulleducazione e la cultura, sulle condizioni di povertà e di malattia, sui doveri e le responsabilità della vita sociale e politica, Diskors fir-Raba’ Konvenju tal-Knisja Taljana, Verona, 19 ta’ Ottubru 2006.

[7] Benedittu XVI, Deus caritas est, 28-29.

[8] Ara Ġwanni Pawlu II, Centesimus annus, 43.

[9] Benedittu XVI, Deus caritas est, 28.

[10] “Una fede che non diventa cultura è una fede non pienamente accolta, non interamente pensata, non fedelmente vissuta”, Ġwanni Pawlu II fl-1982.

[11] “Dans la République laique, l’homme politique que je suis n’a pas à décider en function de considérations religieses.  Mais il importe que sa réflexion et sa coscience soient éclairées notament par des avis qui font reférence à des norms et à des convictions libres des contingences immèdiates.  Toutes les intelligences, toutes les spiritualités qui existent dans notre pays doivent y prender part.  Nuos serons plus sages si nuos conjuguons la richesse de nos différentes traditions.  C’est poiurquoi j’appelle de mes voeux l’avènement d’une laicité positive, c’està-dire d’une laicité qui, tout en veillant à la liberté de penser, à celle de croire et de ne pas criore, ne considére pas que les religions sont un danger, mais plutòt un atout”, Allocution de M. Le Président de la République dans La sale de la Signature du palais du Latran, Ruma, 20 ta’ Diċembru 2007.

[12] Benedittu XVI, Diskors fil-Palazz Élysée, Pariġi, 12 ta’ Settembru 2008.

[13] La politica appartiene alla sfera della ragione, che è la ragione naturale e ragione comune a tutti”, Joseph Ratzinger waqt tavola rotunda li saret fl-Università tal-Lateran, 23 ta’ April 2003.

[14] Artiklu 4: In the face of fundamental and inalienable ethical demands, Christians must recognize that what is at stake is the essence of the moral law, which concerns the integral good of the human person.  This is the case with laws concerning abortion and euthanasia (not to be confused with the decision to forge extraordinary treatments, which is morally legitimate).  Such laws must defend the basic right to life from conception to natural death.  In the same way, it is necessary to recall the duty to respect and protect the rights of the human embryo.  Analogously, the family needs to be safeguarded and promoted, based on monogamous marriage between a man and a woman, and protected in its unity and stability in the face of modern laws on divorce: in no way can other forms of cohabitation be placed on the same level as marriage, nor can they receive legal recognition as such.  The same is true for the freedom of parents regarding the education of their children; it is an inalienable right recognised also by the Universal Declaration on Human Rights.  In the same way, one must consider society’s protection of minors and freedom from modern forms of slavery (drug abuse and prostitution, for example).  In addition, there is the right to religious freedom and the development of an economy that is at the service of the human person and of the common good, with respect for social justice, the principles of human solidarity and subsidiarity, according to which the rights of all individuals, families, and organisations and their practical implementation must be acknowledged.  Finally, the question of peace must be mentioned.  Certain pacifistic and ideological visions tend at times to secularize the value of peace, while, in other cases, there is the problem of summary ethical judgments which forget the complexity of the issues involved.  Peace is always the work of justice and the effect of charity.  It demands the absolute and radical rejection of violence and terrorism and requires a constant and vigilant commitment on the part of all political leaders”.

[15] “Questi principi non sono verità di fede anche se ricevono ulteriore luce e conferme dalla fede.  Essi sono iscritti nella natura umana stessa e quindi sono comuni a tutta l’umanità.  L’azione della Chiesa nel promuoverli non ha dunque carattere confessionale, ma è rivolta a tutte le persone, prescindendo dalla loro affiliazione religiosa”, Diskors li sar f’Ruma, 30 ta’ Marzu 2006.

[16] Benedittu XVI, Sacramentum caritatis, 83.

[17] Konċilju Vatikan II, Lumen gentium, 28

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta