Patris Corde hija moqrija bil-Malti minn Gabriel Vella

Ara wkoll ġabra ta' riżorsi oħra dwar San Ġużepp ...

ITTRA APPOSTOLIKA

PATRIS CORDE

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAL-150 ANNIVERSARJU

MID-DIKJARAZZJONI TA’ SAN ĠUŻEPP

BĦALA PATRUN TAL-KNISJA UNIVERSALI

 

1. B’qalb ta’ missier: hekk Ġużeppi ħabb lil Ġesù, imsejjaħ “bin Ġużeppi”[1] fl-erba’ Evanġelji kollha.

 

Iż-żewġ Evanġelisti li xeħtu dawl fuq il-figura tiegħu, Mattew u Luqa, ftit jirrakkuntawlna, imma biżżejjed biex juruna xi kwalità ta’ missier kien u l-missjoni li fdatlu f’idejh il-Providenza.

 

Nafu li hu kien mastrudaxxa umli (ara Mt 13:55), l-għarus imwiegħed ta’ Marija (ara Mt 1:18; Lq 1:27); “raġel ġust” (Mt 1:19), dejjem lest biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla li dehret fil-Liġi tiegħu (ara Lq 2:22,27,39) u permezz ta’ mhux inqas minn erba’ ħolmiet (ara Mt 1:20; 2:13,19,22). Wara vjaġġ twil u ta’ taħbit minn Nazaret għal Betlehem, ra lill-Messija jitwieled fi stalla, għax “ma kienx hemm post għalihom” (Lq 2:7). Kien xhud tal-adorazzjoni tar-ragħajja (ara Lq 2:8-20) u tal-Maġi (ara Mt 2:1-12), li kienu jirrappreżentaw il-poplu ta’ Iżrael u l-popli pagani, rispettivament.

 

2. Kellu l-kuraġġ jieħu fuqu l-paternità legali ta’ Ġesù, li lilu tah l-isem li tarraflu l-Anġlu: “Inti ssemmih Ġesù: għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21). Kif nafu, għall-popli tal-qedem, li tagħti isem lil xi persuna jew xi ħaġa kien ifisser li dik tappartieni lilek, kif għamel Adam fir-rakkont tal-Ġenesi (ara 2:19-20).

 

Fit-Tempju, erbgħin jum wara t-twelid, flimkien mal-omm Ġużeppi offra t-Tarbija lill-Mulej u sema’ mistagħġeb il-profezija li Xmun għamel dwar Ġesù u Marija (ara Lq 2:22-35). Biex iħares lil Ġesù minn Erodi, mar jgħix barrani fl-Eġittu (ara Mt 2:13-18). Lura f’art twelidu, għex moħbi fir-raħal ċkejken u minsi ta’ Nazaret fil-Galilija – mnejn, kien jingħad, “ebda profeta ma jqum” u “ma tista’ toħroġ ebda ħaġa tajba” (ara Ġw 7:52; 1:46) –, bogħod minn Betlehem, belt missirijietu, u minn Ġerusalemm, fejn kien hemm it-Tempju. Meta, proprju waqt pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm, tilfu lil Ġesù ta’ tnax-il sena, hu u Marija fittxewh inkwetati u reġgħu sabuh fit-Tempju jiddiskuti mal-għalliema tal-Liġi (ara Lq 2:41-50).

 

3. Wara Marija, Omm Alla, ebda Qaddis ma ħa daqshekk wisa’ mill-Maġisteru tal-Papiet daqs żewġha Ġużeppi. Il-Predeċessuri tiegħi niżlu fil-fond tal-messaġġ li nsibu fil-ftit tagħrif li għaddewlna l-Evanġelji biex juru iżjed ir-rwol ċentrali tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni: il-Beatu Piju IX iddikjarah “Patrun tal-Knisja Kattolika”,[2] il-Venerabbli Piju XII ippreżentah bħala “Patrun tal-ħaddiema”,[3] u San Ġwanni Pawlu II bħala “Ħarries tal-Feddej”.[4] Il-poplu jsejjaħlu bħala “Patrun tal-mewt it-tajba”.[5]

 

Għalhekk, fil-150 anniversarju minn meta ġie ddikjarat Patrun tal-Knisja Kattolika mill-Beatu Piju IX, fit-8 ta’ Diċembru 1870, nixtieq – kif jgħid Ġesù – li “fommi jesprimi dak li bih mimlija qalbi” (ara Mt 12:34), biex naqsam magħkom xi riflessjonijiet personali fuq din il-figura straordinarja, tant qrib tal-qagħda umana ta’ kull wieħed u waħda minna. Din ix-xewqa kibret matul dawn ix-xhur tal-pandemija, li fihom nistgħu nduqu, qalb il-kriżi li qed tolqotna, li “l-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. […] Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd”.[6] Kulħadd jista’ jsib f’San Ġużepp, il-bniedem li jgħaddi mingħajr ħadd ma jagħti kasu, il-bniedem tal-preżenza fil-ħajja ta’ kuljum, diskreta u moħbija, interċessur, għajnuna u gwida fil-waqtiet ibsin. San Ġużepp ifakkarna li dawk kollha li jidhru moħbija jew fit-“tieni post” għandhom protagoniżmu li m’hemmx ieħor bħalu fl-istorja tas-salvazzjoni. Għalihom kollha din il-kelma ta’ rikonoxximent u ta’ gratitudni.

 

Kap. 1. Missier maħbub

 

4. Il-kobor ta’ San Ġużepp qiegħed fil-fatt li hu kien ir-raġel ta’ Marija u l-missier ta’ Ġesù. Bħala tali, “ingħata għall-qadi tal-pjan kollu tas-salvazzjoni”, kif jistqarr San Ġwann Kriżostmu.[7]

 

San Pawlu VI josserva li l-paternità tiegħu dehret konkretement “f’li għamel minn ħajtu qadi, sagrifiċċju, għall-misteru tal-inkarnazzjoni u għall-missjoni tal-fidwa li ġiet magħha; f’li ħaddem l-awtorità legali, li kienet tmiss lilu fuq il-Familja Mqaddsa, biex jingħata kollu kemm hu għaliha, jagħtiha ħajtu, ix-xogħol tiegħu; f’li bidel il-vokazzjoni umana tiegħu għall-imħabba tad-dar fl-offerta divina tiegħu nnifsu, ta’ qalbu u ta’ kull ħila tiegħu, fl-imħabba mqiegħda għas-servizz tal-Messija li warrdet fid-dar tiegħu”.[8]

 

5. Għal dan ir-rwol tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni, San Ġużepp hu missier li dejjem kien maħbub mill-poplu Nisrani, kif juri l-fatt li fid-dinja kollha ġew iddedikati lilu għadd bla tarf ta’ knejjes; li ħafna Istituti reliġjużi, Fratellanzi u gruppi fil-Knisja ġew imnebbħa mill-ispiritwalità tiegħu u jġorru ismu; u li f’ġieħu ilhom għal sekli sħaħ isiru bosta rappreżentazzjonijiet sagri. Tant qaddisin kienu devoti appassjonati tiegħu, fosthom Tereża ta’ Avila, li għażlitu bħala avukat u interċessur, irrikkmandat ruħha ħafna lilu u rċiviet il-grazzji kollha li kienet titolbu; imqawwija mill-esperjenza tagħha, il-qaddisa kienet tipperswadi oħrajn biex ikunu devoti tiegħu.[9]

 

6. F’kull manwal ta’ talb issib xi talba lil San Ġużepp. Invokazzjonijiet partikulari jsirulu kull nhar ta’ Erbgħa u speċjalment tul ix-xahar ta’ Marzu, tradizzjonalment iddedikat lilu.[10]

 

Il-fiduċja tal-poplu f’San Ġużepp tinġabar fl-espressjoni Ite ad Ioseph”, li tirreferi għaż-żmien ta’ ġuħ fl-Eġittu meta n-nies kienet titlob il-ħobż lill-Fargħun u hu kien iweġibha: “Morru għand Ġużeppi, u agħmlu li jgħidilkom” (Ġen 41:55). Dan kien Ġużeppi bin Ġakobb, li ġie mibjugħ minħabba l-għira ta’ ħutu (ara Ġen 37:11-28) u li – jekk inżommu mar-rakkont bibliku – imbagħad sar viċi-re tal-Eġittu (ara Ġen 41:41-44).

 

Bħala dixxendent ta’ David (ara Mt 1:16,20), li mir-rimja tiegħu kellu jitnissel Ġesù skont il-wegħda li saret lil David mill-profeta Natan (ara 2 Sam 7), u bħala r-raġel ta’ Marija ta’ Nazaret, San Ġużepp hu ċ-ċappetta li tgħaqqad it-Testment il-Qadim u l-Ġdid.

 

Kap. 2. Missier fil-ħlewwa

 

7. Ġużeppi ra jikber lil Ġesù jum wara jum “fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:52). Kif għamel il-Mulej ma’ Iżrael, hekk hu “għallmu jimxi, refgħu fuq dirgħajh: kien għalih bħal missier li jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha jmil jitmagħha” (ara Hos 11:3-4).

 

Ġesù ra b’għajnejh il-ħlewwa ta’ Alla li dehret f’Ġużeppi: “Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu” (Salm 103:13).

 

Min jaf Ġużeppi kemm sema’ jidwi mal-ħitan tas-sinagoga, waqt it-talb tas-Salmi, li Alla ta’ Iżrael hu Alla ta’ ħniena,[11] li hu twajjeb ma’ kulħadd u “tjubitu fuq kulma għamel” (Salm 145:9).

 

8. L-istorja tas-salvazzjoni titwettaq “fit-tama kontra kull tama” (ara Rum 4:18) permezz tad-dgħufijiet tagħna. Wisq drabi naħsbu li Alla jafda biss fil-parti tajba u rebbieħa tagħna, meta fir-realtà l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet tiegħu jitwettqu permezz u minkejja d-dgħufija tagħna. Huwa dan li jġagħal lil San Pawl jgħid: “U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx. Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef’” (2 Kor 12:7-9).

 

Jekk din hi l-perspettiva tal-ekonomija tas-salvazzjoni, jeħtieġ nitgħallmu nilqgħu d-dgħufija tagħna bi ħlewwa liema bħalha.[12]

 

9. Il-Ħażin iġagħalna nħarsu b’ġudizzju negattiv lejn id-dgħufija tagħna, imma l-Ispirtu jixħet dawl ħelu fuqha. Hija l-ħlewwa l-aħjar mod kif immissu dak li hu dgħajjef fina. Is-saba’ ppuntat u l-ġudizzju li nużaw għall-oħrajn spiss huma sinjal tan-nuqqas ta’ ħila tagħna li nilqgħu fina l-istess dgħufija tagħna. Il-ħlewwa biss tista’ ssalvana mill-għemil tal-Akkużatur (ara Apok 12:10). Għalhekk hu importanti li niltaqgħu mal-Ħniena ta’ Alla, speċjalment fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, u nagħmlu esperjenza tal-verità u l-ħlewwa. Paradossalment anki l-Ħażin jista’ jgħidilna l-verità, imma, jekk jagħmel hekk, dan jagħmlu biex jikkundannana. Imma aħna nafu li l-Verità li tiġi minn Alla ma tikkundannaniex, imma tilqagħna, tgħannaqna, tweżinna, taħfrilna. Il-Verità tippreżenta ruħha lilna dejjem bħall-Missier ħanin tal-parabbola (ara Lq 15:11-32): jiġi jiltaqa’ magħna, iroddilna d-dinjità, jerġa’ jerfagħna fuq riġlejna, jagħmel festa għalina, għaliex “dan ibni kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (v. 24).

 

Imqar mill-ansjetà ta’ Ġużeppi tgħaddi r-rieda ta’ Alla, l-istorja tiegħu, il-pjan tiegħu. Ġużeppi hekk jgħallimna kif il-fiduċja tagħna f’Alla tiġbor fiha wkoll il-fidi li Hu jista’ jaħdem imqar bil-biżgħat tagħna, id-dgħufijiet tagħna, in-nuqqasijiet tagħna. U jgħallimna li, qalb il-maltempati tal-ħajja, m’għandniex nibżgħu nħallu f’idejn Alla t-tmun tad-dgħajsa tagħna. Xi drabi nkunu rridu nikkontrollaw kollox, imma hu dejjem għandu ħarsa ikbar minn tagħna.

 

Kap. 3. Missier fl-ubbidjenza

 

10. Bl-istess xebh ma’ dak li Alla għamel ma’ Marija, meta wrieha l-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni, hekk ukoll lil Ġużeppi wrieh il-pjanijiet tiegħu; u dan għamlu permezz tal-ħolm, li fil-Bibbja, bħal fil-popli kollha tal-qedem, kien meqjus bħala wieħed mill-mezzi li bihom Alla juri xi jrid.[13]

 

Ġużeppi tħawwad bil-kbir quddiem it-tqala ta’ Marija li hu ma setax jifhem: ma riedx “ixandarha quddiem kulħadd”, imma qatagħha li “jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Fl-ewwel ħolma l-anġlu jgħinu jsolvi d-dilemma serja tiegħu: “Xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:20-21). It-tweġiba tiegħu kienet immedjata: “Meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24). Bl-ubbidjenza hu għeleb it-tħassib tiegħu u salva lil Marija.

 

11. Fit-tieni ħolma l-anġlu jamar lil Ġużeppi: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). Ġużeppi ma qagħadx itella’ u jniżżel biex jobdi, bla ma qagħad jistaqsi fuq id-diffikultajiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom: “Qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi” (Mt 2:14-15).

 

Fl-Eġittu Ġużeppi, b’fiduċja u sabar, stenna mill-anġlu l-avviż imwiegħed biex jirritorna f’pajjiżu. Malli l-ħabbar divin, fit-tielet ħolma, wara li għarrfu li kienu mietu dawk li kienu qed ifittxu t-tifel biex joqtluh, ordnalu jqum, jaqbad it-tifel u lil ommu u jirritorna fl-art ta’ Iżrael (ara Mt 2:19-20), hu għal darb’oħra jobdi bla ma jitnikker: “Qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael” (Mt 2:21).

 

Imma fil-vjaġġ tar-ritorn, “billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret” (Mt 2:22-23).

 

12. L-evanġelista Luqa, min-naħa tiegħu, jgħidilna li Ġużeppi kellu jħabbat wiċċu mal-vjaġġ twil u skomdu minn Nazaret għal Betlehem, skont il-liġi tal-imperatur Ċesari Awgustu minħabba ċ-ċensiment, biex imur jinkiteb fil-belt tal-oriġni tiegħu. U proprju f’din iċ-ċirkustanza twieled Ġesù (ara 2:1-7), u ġie mniżżel fir-reġistru tal-Imperu, bħat-trabi l-oħra kollha.

 

San Luqa, b’mod partikulari, irid jurina li l-ġenituri ta’ Ġesù osservaw il-preskrizzjonijiet kollha tal-Liġi: ir-riti taċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù, tal-purifikazzjoni ta’ Marija wara l-ħlas, tal-offerta tal-ewwel wild lil Alla (ara 2:21-24).[14]

 

F’kull ċirkustanza ta’ ħajtu, Ġużeppi għaraf ilissen il-“fiat” tiegħu, bħal Marija fit-Tħabbira u bħal Ġesù fil-Ġetsemani.

 

13. Ġużeppi, fir-rwol tiegħu ta’ kap tal-familja, għallem lil Ġesù joqgħod għall-ġenituri tiegħu (ara Lq 2:51), skont il-kmandament ta’ Alla (ara Eż 20:12).

 

Fil-ħajja moħbija ta’ Nazaret, fl-iskola ta’ Ġużeppi, Ġesù tgħallem iwettaq ir-rieda tal-Missier. Din ir-rieda saret l-ikel tiegħu ta’ kuljum (ara Ġw 4:34). Imqar fl-aktar mument diffiċli ta’ ħajtu, li għex fil-Ġetsemani, għażel li jagħmel ir-rieda tal-Missier u mhux tiegħu[15] u “obda sal-mewt […] tas-salib” (Fil 2:8). Għalhekk, l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jikkonkludi li Ġesù “tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza” (5:8).

 

Minn dawn il-ġrajjiet kollha jirriżulta li Ġużeppi “ġie msejjaħ minn Alla biex jaqdi ’l Ġesù fil-persuna u l-missjoni tiegħu, billi jkun il-missier putattiv tiegħu. B’hekk fil-milja taż-żminijiet ta l-għajnuna tiegħu fil-misteru kbir tal-Fidwa u kien verament ‘ministru tas-salvazzjoni’”.[16]

 

Kap. 4. Missier li jilqa’

 

14. Ġużeppi jilqa’ lil Marija mingħajr ma jpoġġi ebda kundizzjonijiet minn qabel. Jafda fil-kelmiet tal-Anġlu. “Il-kobor tal-qalb tiegħu jġagħlu jqiegħed għas-servizz tal-imħabba dak li kien tgħallem fil-liġi; u llum, f’din id-dinja fejn il-vjolenza psikoloġika, verbali u fiżika fuq il-mara hi evidenti, Ġużeppi jidher bħala figura ta’ bniedem tar-rispett, delikat li, imqar jekk ma kellux f’idejh it-tagħrif kollu, jiddeċiedi favur ir-reputazzjoni, id-dinjità u l-ħajja ta’ Marija. U fid-dubju tiegħu dwar kif għandu jġib ruħu l-aħjar, Alla jgħinu jagħżel billi jdawwallu l-ġudizzju tiegħu”.[17]

 

Tant drabi, fil-ħajja tagħna, iseħħu ġrajjiet li ma nifhmux xi jfissru. L-ewwel reazzjoni tagħna spiss tkun waħda ta’ delużjoni u ribelljoni. Ġużeppi jwarrab għall-ġenb ir-raġunamenti tiegħu biex jagħmel wisa’ għal dak li jseħħ u, jidher kemm jidher misterjuż f’għajnejh, huwa jilqgħu, jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jirrikonċilja ruħu mal-istorja tiegħu. Jekk ma nirrikonċiljawx ruħna mal-istorja tagħna, bilkemm jirnexxilna nagħmlu pass ieħor ’il quddiem, għax nibqgħu dejjem ostaġġi tal-aspettattivi tagħna u tad-delużjonijiet li jirriżultaw minnhom.

 

15. Il-ħajja spiritwali li jurina Ġużeppi mhijiex triq li tfisser, imma triq li tilqa’. Huwa biss jekk nitilqu minn din il-laqgħa, minn din ir-rikonċiljazzjoni, li nistgħu nħossu li hemm storja wisq ikbar, tifsira iktar profonda. Donnhom jidwu mill-ġdid il-kelmiet jaħarqu ta’ Ġob, li għall-istedina ta’ martu biex jirribella minħabba d-deni kollu li jiġri f’ħajtu, iwieġeb: “Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?” (Ġob 2:10).

 

Ġużeppi ma huwiex xi raġel irrassenjat b’mod passiv. Dan tiegħu hu protagoniżmu kuraġġjuż u qawwi. Li nilqgħu lil ħaddieħor hu mod kif nuru fil-ħajja tagħna d-don tal-qawwa li ġej mill-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej waħdu jista’ jagħtina l-qawwa li nilqgħu l-ħajja hekk kif inhi, li nagħmlu wisa’ għal dik il-parti kontradittorja, mhux mistennija, deludenti tal-eżistenza.

 

16. Kif qal Alla lill-qaddis tagħna: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’” (Mt 1:20), donnu qed itenni lilna wkoll: “La tibżgħux!”. Jeħtieġ inneħħu r-rabja u d-delużjoni tagħna u nagħmlu wisa’, mhux b’rassenjazzjoni mondana imma b’qawwa mimlija tama, għal dak li m’għażilniex aħna imma jeżisti. Meta nilqgħu l-ħajja b’dan il-mod nibdew nifhmu t-tifsira moħbija. Il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna mirakolożament tista’ terġa’ tibda, jekk insibu l-kuraġġ li ngħixuha skont dak li jurina l-Evanġelju. U ma jimpurtax jekk issa kollox donnu qabad triq ħażina u jekk xi ħwejjeġ issa ma hemmx triq lura għalihom. Alla jista’ jwarrad il-fjuri minn qalb il-blat. Anki jekk qalbna ċċanfarna, huwa “aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox” (1 Ġw 3:20).

 

Jerġa’ mill-ġdid ir-realiżmu Nisrani, li ma jarmi xejn minn dak li jeżisti. Ir-realtà, fl-irriduċibbiltà u l-kumplessità misterjuża tagħha, iġġorr fiha sens tal-eżistenza bid-dwal u d-dellijiet tagħha. Dan hu li jwassal lill-Appostlu Pawlu biex jgħid: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28). U Santu Wistin iżid: “anki dak li jissejjaħ ħażin (etiam illud quod malum dicitur).[18] F’din il-perspettiva sħiħa, il-fidi tagħti tifsira lil kull ġrajja hienja jew kiebja.

 

17. Għaldaqsant għandna nbiegħdu minna l-ħsieb li l-fidi tfisser li nsibu soluzzjonijiet faċli biex ifarrġuna. Il-fidi li għallimna Kristu hi dik li naraw f’San Ġużepp, li ma jfittixx toroq faċli, imma jaffronta “b’għajnejh miftuħa” dak li qed jiġri f’ħajtu, u jerfa’ fuqu stess kull responsabbiltà.

 

L-akkoljenza ta’ Ġużeppi tistedinna nilqgħu lill-oħrajn, mingħajr esklużjoni, hekk kif inhuma, b’għożża partikulari għad-dgħajfin, għax Alla jagħżel dak li hu dgħajjef (ara 1 Kor 1:27), hu “Missier l-iltiema u difensur tar-romol” (Salm 68:6) u jikkmandana biex inħobbu lill-barrani.[19] Nixtieq nistħajjel li mill-imġiba ta’ Ġużeppi Ġesù ħa spunt għall-parabbola tal-iben il-ħali u tal-missier ħanin (ara Lq 15:11-32).

 

Kap. 5. Missier ta’ kuraġġ kreattiv

 

18. Jekk l-ewwel pass lejn fejqan interjuri veru hu li naċċettaw l-istorja tagħna, jew aħjar nagħmlu wisa’ fina nfusna anki għal dak li m’għażilniex aħna fil-ħajja tagħna, imma hemm bżonn inżidu karatteristika oħra importanti: il-kuraġġ kreattiv. Dan jidher l-ewwel u qabel kollox meta niltaqgħu ma’ diffikultajiet. Fil-fatt, quddiem diffikultà nistgħu neħlu u nabbandunaw kollox, jew b’xi mod immiddu għonqna għax-xogħol. Xi kultant huma sewwasew id-diffikultajiet li joħorġu minn kull wieħed u waħda minna riżorsi li mank konna naħsbu li għandna.

 

Ħafna drabi, aħna u naqraw l-“Evanġelji tal-infanzja”, jiġina li nistaqsu għaliex Alla ma ndaħalx b’mod dirett u ċar. Imma Alla jindaħal permezz ta’ ġrajjiet u persuni. Ġużeppi huwa l-bniedem li permezz tiegħu Alla jieħu ħsieb tal-bidu tal-istorja tal-fidwa. Huwa l-veru “miraklu” li bih Alla jsalva lit-Tarbija u lil ommha. Is-Sema jindaħal billi jafda fil-kuraġġ kreattiv ta’ dan ir-raġel, li meta wasal Betlehem u ma sabx post għalihom fejn Marija setgħet teħles, jirranġa l-istalla u jorganizzaha mill-ġdid, biex jagħmilha kemm jista’ jkun post li jista’ jilqa’ fih lill-Iben ta’ Alla huwa u ġej fid-dinja (ara Lq 2:6-7). Quddiem il-periklu imminenti ta’ Erodi, li ried joqtol lit-Tarbija, għal darb’oħra fil-ħolm Ġużeppi jiġi msejjaħ jiddefendi lit-Tarbija, u fil-qalba tal-lejla jorganizza l-ħarba lejn l-Eġittu (ara Mt 2:13-14).

 

19. Jekk naqraw biss il-qoxra ta’ dawn ir-rakkonti, dejjem nibqgħu bl-impressjoni li d-dinja hi mitluqa f’idejn il-qawwija u s-setgħana, imma l-“aħbar tajba” tal-Evanġelju qiegħda f’li nuru kif, minkejja l-prepotenza u l-vjolenza tal-ħakkiema ta’ din l-art, Alla dejjem isib mod kif iwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu. Anki l-ħajja tagħna xi drabi tidher mitluqa f’idejn il-poteri qawwija, imma l-Evanġelju jgħidilna li dak li jiswa, Alla dejjem jirnexxilu jsalvah, bil-kundizzjoni li nużaw l-istess kuraġġ kreattiv tal-mastrudaxxa ta’ Nazaret, li jaf jibdel problema f’opportunità, billi npoġġu dejjem l-ewwel il-fiduċja fil-Providenza.

 

Jekk xi drabi Alla jidher li mhux qed jgħinna, dan ma jfissirx li telaqna waħidna, imma li hu jafda fina, f’dak li kapaċi nipproġettaw, nivvintaw, insibu aħna.

 

20. Dan hu l-istess kuraġġ kreattiv li wrew dawk il-ħbieb tal-magħtub li, biex iwassluh quddiem Ġesù, niżżluh minn fuq il-bejt (ara Lq 5:17-26). Id-diffikultà ma waqqfitx il-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ dawk il-ħbieb. Huma kienu konvinti li Ġesù seta’ jfejjaq lill-marid u billi “ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih […] telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù. Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: ‘Ħabib, dnubietek maħfura’” (vv. 19-20). Ġesù jagħraf il-fidi kreattiva li biha dawk l-irġiel fittxew li jġibulu quddiemu lil ħabibhom marid.

 

L-Evanġelju ma jagħtiniex tagħrif dwar iż-żmien li Marija u Ġużeppi u t-Tifel għaddew fl-Eġittu. Imma żgur li riedu jieklu, isibu dar, xogħol. Ma tridx wisq immaġinazzjoni biex timlieh dak is-skiet tal-Evanġelju dwar dan. Il-Familja Mqaddsa kellha tħabbat wiċċha ma’ problemi konkreti bħall-familji l-oħra kollha, bħal ħafna ħutna migranti li llum ukoll qed jirriskjaw ħajjithom minħabba fit-traġedji u l-ġuħ. F’dan is-sens, nemmen li San Ġużepp hu tabilħaqq patrun speċjali għal dawk kollha li jkollhom iħallu arthom minħabba l-gwerer, il-mibegħda, il-persekuzzjoni u l-faqar.

 

21. Fi tmiem kull ġrajja li tara lil Ġużeppi bħala protagonista, l-Evanġelju jniżżel li hu jqum, jieħu miegħu lit-Tifel u lil ommu, u jagħmel dak li ordnalu Alla (ara Mt 1:24; 2:14,21). Fil-verità, Ġesù u Ommu Marija huma t-teżor l-aktar prezzjuż tal-fidi tagħna.[20]

 

Fil-pjan tas-salvazzjoni ma tistax tifred l-Iben mill-Omm, minn dik li “mxiet ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha ta’ fidi u żammet bil-fedeltà l-għaqda tagħha ma’ Binha sas-salib”.[21]

 

22. Għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nipproteġu b’ħilitna kollha lil Ġesù u Marija, li b’mod misterjuż ġew fdati fir-responsabbiltà tagħna, fl-għożża tagħna, fil-ħarsien tagħna. L-Iben ta’ Dak li jista’ kollox jiġi fid-dinja u jieħu qagħda ta’ dgħufija kbira. Jagħmel lilu nnifsu fil-bżonn ta’ Ġużeppi biex dan jiddefendih, jipproteġih, jieħu ħsiebu, irabbih. Alla jafda f’dan ir-raġel, l-istess kif tagħmel Marija, li f’Ġużeppi ssib lil dak li mhux biss irid isalvalha ħajjitha, imma li dejjem se jipprovdi għaliha u għat-Tifel. F’dan is-sens San Ġużepp ma jistax ma jkunx il-Ħarries tal-Knisja, għax il-Knisja qed tissokta tkun il-Ġisem ta’ Kristu fl-istorja, u fl-istess waqt fil-maternità tal-Knisja hemm moħbija l-maternità ta’ Marija.[22] Ġużeppi, meta jissokta jħares lill-Knisja, jissokta jħares lit-Tifel u lil ommu, u anki aħna meta nħobbu lill-Knisja qed nissoktaw inħobbu lit-Tifel u lil ommu.

 

Dan it-Tifel hu Dak li għad jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hekk kull min hu fil-bżonn, kull fqir, kull batut, kull moribond, kull barrani, kull ħabsi, kull marid hu “t-Tifel” li Ġużeppi jkompli jieħu ħsieb u jħares. Huwa għalhekk li San Ġużepp hu msejjaħ bħala protettur tal-imsejknin, ta’ dawk fil-bżonn, tal-eżiljati, tal-maħqurin, tal-foqra, tal-moribondi. U għalhekk li l-Knisja ma tistax ma tħobbx qabelxejn lil dawk li huma fl-aħħar post, għax Ġesù ppreferiehom, identifika ruħu magħhom. Minn Ġużeppi rridu nitgħallmu l-istess għożża u responsabbiltà: li nħobbu lit-Tifel u lil ommu; li nħobbu s-Sagramenti u l-karità; li nħobbu lill-Knisja u l-foqra. Kull waħda minn dawn ir-realtajiet dejjem hi t-Tifel u ommu.

 

Kap. 6. Missier ħaddiem

 

23. Aspett li jikkaratterizza lil San Ġużepp u li dejjem ġie enfasizzat sa minn żmien l-ewwel Enċiklika soċjali, ir-Rerum novarum ta’ Ljun XIII, hu r-relazzjoni tiegħu max-xogħol. San Ġużepp kien mastrudaxxa li ħadem b’mod onest biex jiżgura l-għajxien tal-familja tiegħu. Mingħandu Ġesù tgħallem il-valur, id-dinjità u l-ferħ ta’ xi jfisser tiekol il-ħobż frott l-għaraq ta’ ġbinek.

 

F’dan iż-żmien tagħna, fejn ix-xogħol donnu reġa’ beda jirrappreżenta kwistjoni soċjali urġenti u l-qgħad xi drabi jilħaq livelli tal-biża’, anki f’dawk il-pajjiżi li għal għexieren ta’ snin gawdew ċertu ġid, hemm bżonn li, b’għarfien imġedded, nifhmu t-tifsira tax-xogħol li jagħti dinjità u li tiegħu l-Qaddis tagħna hu patrun eżemplari.

 

24. Ix-xogħol isir sehem fl-istess opra tas-salvazzjoni, okkażjoni biex inħaffu l-miġja tas-Saltna, niżviluppaw il-potenzjalitajiet u l-kwalitajiet tagħna, billi nqegħduhom għas-servizz tas-soċjetà u tal-komunjoni; ix-xogħol isir okkażjoni ta’ realizzazzjoni mhux biss għalina nfusna, imma fuq kollox għal dik il-qalba li minnha toħroġ is-soċjetà li hi l-familja. Familja li jonqosha x-xogħol iktar hi esposta għal diffikultajiet, tensjonijiet, tifrik u saħansitra għat-tentazzjoni ddisprata u ta’ qtigħ il-qalb li titmermer. Kif nistgħu nitkellmu dwar id-dinjità umana mingħajr ma nħabirku biex kulħadd ikollu l-possibbiltà ta’ għajxien denn?

 

Il-persuna li taħdem, hu x’inhu x-xogħol tagħha, qed tikkollabora ma’ Alla nnifsu, issir xi ftit jew wisq ħallieq tad-dinja ta’ madwarna. Il-kriżi ta’ żmienna, li hi kriżi ekonomika, soċjali, kulturali u spiritwali, tista’ ssir għalina lkoll sejħa biex niskopru mill-ġdid il-valur, l-importanza u l-ħtieġa tax-xogħol biex nagħtu bidu għal “normalità” ġdida, fejn ħadd ma jiġi mwarrab. Ix-xogħol ta’ San Ġużepp ifakkarna li Alla nnifsu magħmul bniedem ma stmerrx jaħdem. It-telfien tax-xogħol li qed jolqot lil tant ħutna, u li żdied fl-aħħar żminijiet tal-pandemija tal-Covid-19, għandu jfakkarna mill-ġdid biex nirrevedu l-prijoritajiet tagħna. Nitolbu lil San Ġużepp ħaddiem biex nistgħu nsibu toroq li jimpenjawna ħalli ngħidu: l-ebda żagħżugħ jew żagħżugħa, l-ebda persuna, l-ebda familja mingħajr xogħol!

 

Kap. 7. Missier fid-dell

 

25. Il-kittieb Pollakk Jan Dobraczyński, fil-ktieb tiegħu Id-dell tal-Missier,[23] irrakkonta f’għamla ta’ rumanz il-ħajja ta’ San Ġużepp. Bix-xbieha suġġestiva tad-dell ifissrilna l-figura ta’ Ġużeppi, li għal Ġesù hi d-dell tal-Missier tas-Sema fuq din l-art: iħarsu, jipproteġih, ma jitilqu qatt biex isegwi l-passi tiegħu. Jiġina f’moħħna dak li Mosè jfakkar lil Iżrael: “Fid-deżert […] rajtu kif il-Mulej, Alla tagħkom, refagħkom bħalma bniedem jerfa’ lil ibnu, fit-triq kollha li mxejtu” (Dewt 1:31). Hekk Ġużeppi ħaddem il-paternità tiegħu tul ħajtu kollha.[24]

 

Aħna ma nitwildux missirijiet, imma nsiru. U ma nsirux biss għax inġibu wild fid-dinja, imma għax nieħdu ħsiebu b’responsabbiltà. Kull darba li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà tal-ħajja ta’ xi ħadd ieħor, f’ċertu sens ikun iħaddem il-paternità tiegħu fuqu.

 

26. Fis-soċjetà tal-lum, spiss l-ulied jidhru bħal iltiema minn missier. Anki l-Knisja tal-lum għandha bżonn ta’ missirijiet. Hi dejjem attwali t-twissija ta’ San Pawl lill-Korintin: “Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet” (1 Kor 4:15); u kull saċerdot jew isqof għandu jkun jista’ jżid bħall-Appostlu: “Jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù” (ibid.). U lill-Galatin jgħidilhom: “Uliedi, għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom” (4:19).

 

Li nkunu missirijiet ifisser nintroduċu lill-iben għall-esperjenza tal-ħajja, għar-realtà. Ma nżommuhx għalina, ma njassruhx, ma nipposseduhx, imma nagħmluh kapaċi jagħżel, ikun liberu, jitlaq. Forsi għalhekk, flimkien mal-isem ta’ missier, lil Ġużeppi t-tradizzjoni qegħditlu wkoll dak ta’ “kastissmu”. Din mhijiex biss indikazzjoni affettiva, imma l-ġabra ta’ mġiba li tesprimi l-maqlub ta’ pussess. Il-kastità hija l-libertà mill-pussess f’kull qasam tal-ħajja. L-imħabba hi tassew imħabba biss meta hi safja. L-imħabba li trid tippossedi, fl-aħħar issir dejjem perikoluża, tjassar, tifga, tnikket. Alla nnifsu ħabb lill-bniedem bi mħabba safja, ħallieh liberu anki li jiżbalja u li jeħodha kontrih. Il-loġika tal-imħabba hi dejjem loġika ta’ libertà, u Ġużeppi għaraf iħobb b’mod straordinarjament liberu. Qatt ma poġġa lilu nnifsu fiċ-ċentru. Għaraf jitwarrab miċ-ċentru, u jqiegħed fiċ-ċentru tal-istess ħajtu lil Marija u Ġesù.

 

27. Il-ferħ ta’ Ġużeppi mhuwiex fil-loġika tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, imma tal-għotja tiegħu nnifsu. F’dan il-bniedem qatt ma nħossu li hemm frustrazzjoni, imma biss fiduċja. Is-skiet persistenti tiegħu ma jikkontemplax tgergir imma dejjem ġesti konkreti ta’ fiduċja. Id-dinja għandha bżonn ta’ missirijiet, u ma tridx sidien, jiġifieri ma tridx lil min irid juża l-pussess tiegħu fuq l-ieħor biex jimla l-vojt tiegħu nnifsu; ma tridx lil dawk li jifxlu l-awtorità ma’ awtoritarjaniżmu, is-servizz ma’ serviliżmu, il-konfront ma’ oppressjoni, il-karità ma’ assistenzjaliżmu, il-qawwa mal-qerda. Kull vokazzjoni vera titwieled mill-għotja tagħna nfusna, li hi l-maturazzjoni tas-sempliċi sagrifiċċju. Anki fis-saċerdozju u fil-ħajja kkonsagrata hi mitluba din l-għamla ta’ maturità. Hemm fejn vokazzjoni, fiż-żwieġ, fiċ-ċelibat jew verġinali, ma tilħaqx il-maturazzjoni tal-għotja tagħna nfusna, imma tieqaf biss mal-loġika tas-sagrifiċċju, allura flok issir sinjal tal-ġmiel u tal-ferħ tal-imħabba, tirriskja li tesprimi nuqqas ta’ kuntentizza, dwejjaq u frustrazzjoni.

 

28. Il-paternità li ma taqax għat-tentazzjoni li l-ħajja tal-ulied tgħixha hi għalihom, dejjem tiftaħ beraħ spazji għall-ġdid. Kull wild dejjem iġib miegħu misteru, il-ġdid li jista’ jinkixef biss bl-għajnuna ta’ missier li jirrispetta l-libertà tiegħu jew tagħha. Missier li jaf li jista’ jwettaq għalkollox l-azzjoni edukattiva tiegħu u jgħix b’mod sħiħ il-paternità tiegħu biss meta jsir “inutli”, meta jara lil ibnu jsir awtonomu u miexi waħdu fit-toroq tal-ħajja, meta jpoġġi lilu nnifsu fis-sitwazzjoni ta’ Ġużeppi, li dejjem fehem li dak it-Tifel ma kienx tiegħu, imma sempliċiment kien ġie fdat fil-ħarsien tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu li jrid jgħidilna Ġesù meta jgħid: “U ssejħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet” (Mt 23:9).

 

Kull darba li nsibu ruħna fil-qagħda li nħaddmu l-paternità tagħna, għandna dejjem niftakru li dan qatt mhu xi tħaddim ta’ pussess, imma “sinjal” li jindikalna paternità ogħla. F’ċertu sens, aħna dejjem ninsabu fiż-żarbun ta’ Ġużeppi: dell tal-Missier waħdieni tas-Sema, li “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5:45); u dell li jimxi wara l-Iben,

 

* * *

 

29. “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu” (Mt 2:13), jgħid Alla lil San Ġużepp.

 

L-għan ta’ din l-Ittra Appostolika hu dak li tkebbes iktar l-imħabba lejn dan il-Qaddis kbir, biex nitħeġġu ħa nsejħu l-interċessjoni tiegħu u nixbhu l-virtujiet tiegħu u l-ħeġġa tiegħu.

 

Fil-fatt, il-missjoni speċifika tal-qaddisin mhijiex biss dik li jaqilgħu mirakli u grazzji, imma li jidħlu għalina quddiem Alla, kif għamlu Abraham[25] u Mosè,[26] kif jagħmel Ġesù, “medjatur waħdieni” (1 Tim 2:5), li quddiem Alla l-Missier hu l-“avukat” (1 Ġw 2:1) tagħna, “għal dejjem ħaj biex jidħol għalina” (Lhud 7:25; ara Rum 8:34).

 

Il-qaddisin jgħinu lill-fidili kollha “jfittxu l-qdusija u l-perfezzjoni tal-istat tagħhom”.[27] Ħajjithom hija prova konkreta li hu possibbli ngħixu l-Evanġelju.

 

30. Ġesù qal: “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), u huma min-naħa tagħhom huma eżempji ta’ ħajja biex nimitawha. San Pawl espliċitament talabna: “Ixbhu lili!” (1 Kor 4:16).[28] San Ġużepp dan jgħidu bis-skiet elokwenti tiegħu.

 

Quddiem l-eżempju ta’ tant qaddisin, Santu Wistin staqsa: “Ma tistax inti wkoll tagħmel kif għamlu dawn?”. U hekk wasal għall-konverżjoni defenittiva u esklama: “Domt ma ħabbejtek, ġmiel hekk antik u hekk ġdid!”.[29]

 

Ma baqa’ xejn ħlief nitolbu lil San Ġużepp il-grazzja tal-grazzji kollha: il-konverżjoni tagħna.

 

F’riġlejh inressqu din it-talba tagħna:

 

Sliem għalik, ħarries tal-Feddej,

u għarus tal-Verġni Marija.

Lilek Alla fdalek lil Ibnu:

fik Marija qiegħdet il-fiduċja tagħha;

miegħek Kristu trawwem bħala raġel adult.

 

O Mqaddes Ġużeppi, kun missier għalina wkoll,

u mexxina fit-triq tal-ħajja.

Aqlgħalna l-grazzja, il-ħniena u l-kuraġġ,

u ħarisna minn kull deni. Amen.

 

Ruma, f’San Ġwann Lateran, it-8 ta’ Diċembru, Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, tas-sena 2020, it-tmien waħda tal-pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Lq 4:22; Ġw 6:42; ara Mt 13:55; Mk 6:3.

[2] S. Rituum Congreg., Quemadmodum Deus (8 ta’ Diċembru 1870): ASS 6 (1870-71), 194.

[3] Ara Diskors lill-ACLI fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ San Ġużepp Ħaddiem (1 ta’ Mejju 1955): AAS 47 (1955), 406.

[4] Eżortazzjoni appostolika Redemptoris custos (15 ta’ Awwissu 1989): AAS 82 (1990), 5-34.

[5] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1014.

[6] Meditazzjoni fi żmien il-pandemija (27 ta’ Marzu 2020): L’Osservatore Romano, 29 ta’ Marzu 2020, p. 10.

[7] In Matth. Hom, V, 3: PG 57, 58.

[8] Omelija (19 ta’ Marzu 1966): Insegnamenti di Paolo VI, IV (1966), 110.

[9] Ara Ktieb il-ħajja, 6, 6-8.

[10] Ta’ kuljum, issa ilni fuq erbgħin sena, wara l-Lawdi, ngħid talba lil San Ġużepp meħuda minn ktieb Franċiż ta’ devozzjonijiet, tas-seklu dsatax, tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Ġesù u Marija, li tesprimi qima, fiduċja, u ċerta sfida lil San Ġużepp: “O Glorjuż Patrijarka, li l-qawwa tiegħek taf tagħmel possibbli l-ħwejjeġ impossibbli, għinni inti f’dawn il-mumenti ta’ tbatija u diffikultà. Ħu taħt il-ħarsien tiegħek is-sitwazzjonijiet hekk gravi u ibsin li qed nafdalek, biex twassalhom għal tmiem hieni. Missier maħbub tiegħi, inqiegħed fik il-fiduċja kollha tiegħi. Biex ma jgħidux li sejjaħtlek għalxejn, u ladarba int kollox tista’ tikseb mingħand Ġesù u Marija, urini li t-tjieba tiegħek hi kbira daqs setgħetek. Amen”.

[11] Ara Dewt 4:31; Salm 69:17; 78:38; 86:5; 111:4; 116:5; Ġer 31:20.

[12] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 88; 288: AAS 105 (2013), 1057; 1136-1137.

[13] Ara Ġen 20:3; 28:12; 31:11,24; 40:8; 41:1-32; Num 12:6; 1 Sam 3:3-10; Dan 2; 4; Ġob 33:15.

[14] Ara Lev 12:1-8; Eż 13:2.

[15] Ara Mt 26:39; Mk 14:36; Lq 22:42.

[16] San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Redemptoris custos (15 ta’ Awwissu 1989), 8: AAS 82 (1990), 14.

[17] Omelija fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni, Villavicencio – il-Kolombja (8 ta’ Settembru 2017): AAS 109 (2017), 1061.

[18] Enchiridion de fide, spe et caritate, 3.11: PL 40, 236.

[19] Ara Dewt 10:19; Eż 22:20-22; Lq 10:29-37.

[20] Ara S. Rituum Congreg., Quemadmodum Deus (8 ta’ Diċembru 1870): ASS 6 (1870-71), 193; Pii IX, Inclytum Patriarcham (7 ta’ Lulju 1871): l.c., 324-327.

[21] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 58.

[22] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 963-970.

[23] Edizzjoni oriġinaliCień Ojca, Warszawa 1977.

[24] Ara San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Redemptoris custos, 7-8: AAS 82 (1990), 12-16.

[25] Ara Ġen 18:23-32.

[26] Ara Eż 17:8-13; 32:30-35.

[27] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 42.

[28] Ara 1 Kor 11:1; Fil 3:17; 1 Tess 1:6.

[29] Stqarrijiet, 8, 11; 10, 27: PL 32, 761; 10, 27, 38: PL 32, 795.