Messaġġ tal-Papa Franġisku

għall-Jum ta' Talb

għall-Vokazzjonijiet

3 ta' Mejju 2020

 
Il-Kelmiet tal-Vokazzjoni

 

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦAS-57 JUM DINJI TA’ TALB

GĦALL-VOKAZZJONIJIET

(3 ta’ Mejju 2020)

 

Il-kelmiet tal-vokazzjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-4 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra, fil-160 anniversarju mill-mewt tal-Kurat qaddis ta’ Ars, offrejt Ittra lis-saċerdoti, li qed jiddedikaw ħajjithom ta’ kuljum għas-sejħa li l-Mulej għamlilhom, għall-qadi tal-Poplu ta’ Alla.

 

F’dik l-okkażjoni, kont għażilt erba’ kelmiet-muftieħ – uġigħ, gratitudni, kuraġġ u tifħir – biex irrodd ħajr lis-saċerdoti u nwieżen il-ministeru tagħhom. Inħoss li llum, f’dan is-57 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, nista’ nerġa’ naqbad dawk il-kelmiet u ntennihom lill-Poplu kollu ta’ Alla, fl-isfond tas-silta tal-Vanġelu li tirrakkontalna l-esperjenza unika ta’ Ġesù u Pietru f’dak il-lejl ta’ maltempata fuq l-għadira ta’ Tiberija (ara Mt 14:22-33).

 

Wara t-tkattir tal-ħobż, li kien ħeġġeġ tant lill-folla, Ġesù jordna lid-dixxipli tiegħu biex jitilgħu fuq id-dgħajsa u jaqsmu qablu għax-xatt l-ieħor, waqt li hu kellu jibgħat lin-nies. Ix-xbieha ta’ dan il-qsim fuq l-għadira tevoka b’xi mod il-vjaġġ tal-ħajja tagħna. Fil-fatt, id-dgħajsa ta’ ħajjitna miexja bil-mod, dejjem bla kwiet għax qed tfittex port hieni, lesta biex taffronta r-riskji u l-opportunitajiet tal-baħar, imma mixtieqa wkoll li tilqa’ mingħand dak li qiegħed fuq it-tmun bidla fid-direzzjoni li saflaħħar twassal għar-rotta t-tajba. Imma xi drabi jista’ jiġrilha li tintilef, li jgerfxuha l-illużjonijiet flok timxi mad-dawl tal-fanal li jwassalha għal port żgur, jew li tħoss kontriha l-irjieħ tas-saram, tad-dubji u tal-biża’.

 

Hekk ukoll jiġri fil-qalb tad-dixxipli, li, imsejħin biex jimxu wara r-Rabbi ta’ Nazaret, iridu jiddeċiedu li jaqsmu għax-xatt l-ieħor, jagħżlu bil-kuraġġ li jħallu warajhom iċ-ċertezzi tagħhom u jibdew mexjin wara l-Mulej. Din l-avventura mhijiex xi waħda paċifika: jasal il-lejl, jonfoħ ir-riħ kontrihom, id-dgħajsa tispiċċa titqalleb fil-mewġ, u hemm ir-riskju li jintrebħu mill-biża’ li mhux ħa jaslu qawwijin u sħaħ u li mhumiex kapaċi jwieġbu għas-sejħa kif imiss.

 

Imma l-Vanġelu jgħidilna li fl-avventura ta’ dan il-vjaġġ xejn faċli m’aħniex waħidna. Il-Mulej, donnu kważi kważi jrid jisforza ż-żerniq fil-qalba tal-lejl, jimxi fuq l-ilmijiet imħarrka u jilħaq lid-dixxipli, jistieden lil Pietru biex jiġi jiltaqa’ miegħu fuq il-mewġ, isalvah meta jarah ħa jegħreq, u fl-aħħar jirkeb id-dgħajsa u jsikket ir-riħ.

 

Allura l-ewwel kelma tal-vokazzjoni hi gratitudni. Li nsalpaw lejn ir-rotta t-tajba mhix xi biċċa xogħol fdata biss lill-isforzi tagħna, lanqas tiddependi biss mit-toroq li aħna nagħżlu li naqbdu. Ir-realizzazzjoni tagħna nfusna u tal-pjanijiet ta’ ħajjitna mhijiex ir-riżultat matematiku ta’ dak li niddeċiedu aħna f’“jien” iżolat; bil-maqlub, hija qabelxejn it-tweġiba għal sejħa li taslilna mill-Għoli. Huwa l-Mulej li qed jurina x-xatt li fuqu jeħtieġ naslu u li, qabel dan, jagħtina l-kuraġġ li nitilgħu fuq id-dgħajsa; huwa hu li, waqt li jsejħilna, isir ukoll it-tmunier tagħna biex iseħibna, jurina d-direzzjoni, ma jħallix li ninkaljaw fuq xi skoll tad-dubji tagħna u jagħtina l-ħila saħansitra li nimxu fuq l-ilmijiet imqallba.

 

Kull vokazzjoni tinbet mill-ħarsa kollha mħabba li biha l-Mulej ġie jiltaqa’ magħna, forsi sewwasew waqt li d-dgħajsa tagħna kienet f’ħalq it-tempesta. “Aktar milli għażla tagħna, hija risposta għal sejħa gratwita tal-Mulej” (Ittra lis-saċerdoti, 4 ta’ Awwissu 2019); għalhekk, jirnexxilna niskopruha u nħaddnuha meta l-qalb tagħna tinfetaħ għall-gratitudni u tagħraf tifhem kif Alla jgħaddi minn ħajjitna.

 

Meta d-dixxipli lemħu lil Ġesù riesaq lejhom fuq l-ilma, għall-bidu ħasbu li kien xi fantażma u twerwru. Imma minnufih Ġesù għamlilhom il-qalb b’kelma li dejjem għandna nżommuha magħna fil-ħajja tagħna u tul il-mixja vokazzjonali tagħna: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” (v. 27). Proprju din hija t-tieni kelma li nixtieq ngħaddilkom: kuraġġ.

 

Dawk li spiss iżommuna milli nimxu, nikbru, nagħżlu t-triq li l-Mulej ħejja għalina, huma l-fantażmi li hemm jitqallbu fil-qalb tagħna. Meta aħna msejħin inħallu x-xatt żgur tagħna u nħaddnu stat ta’ ħajja – bħaż-żwieġ, is-saċerdozju ordnat, il-ħajja kkonsagrata –, l-ewwel reazzjoni spiss tkun irrappreżentata mill-“fantażma tan-nuqqas ta’ fidi”: Ma jistax ikun li din il-vokazzjoni hi għalija; imma din hi tassew it-triq it-tajba? Proprju dan qed jitlob il-Mulej minni?

 

U, ftit ftit, joktru ġo qalbna dawk il-ħsibijiet kollha, dawk il-ġustifikazzjonijiet u dawk il-kalkoli li jtellfulna l-entużjażmu kollu, iħawduna u jħalluna mwaħħlin fejn aħna fuq ix-xatt mnejn suppost tlaqna: nibdew nemmnu li ħadna xi żball, li m’aħniex kapaċi biżżejjed, li sempliċiment rajna fantażma li għandna nkeċċuha minn quddiemna.

 

Il-Mulej jaf li għażla fundamentali fil-ħajja – bħalma hi dik li niżżewġu jew nikkonsagraw ruħna b’mod speċjali għall-qadi tiegħu – titlob il-kuraġġ. Hu jaf x’inhuma l-mistoqsijiet, id-dubji u d-diffikultajiet li jċaqilqu d-dgħajsa ta’ qalbna, u għalhekk jiżgurana: “La tibżax, jiena miegħek!”. Il-fidi fil-preżenza tiegħu li jiġi jiltaqa’ magħna u jimxi magħna, anki meta l-baħar ikun imqalleb, teħlisna minn dik it-telqa li jien diġà sejjaħtilha “dwejjaq ħelu” (Ittra lis-saċerdoti, 4 ta’ Awwissu 2019), jiġifieri dak il-qtigħ ta’ qalb ġewwa fina li jimblukkana u ma jħalliniex niggustaw il-ġmiel tal-vokazzjoni.

 

Fl-Ittra lis-saċerdoti tkellimt anki fuq l-uġigħ, imma hawnhekk nixtieq nittraduċi din il-kelma b’mod differenti u nirriferi għat-taħbit. Kull vokazzjoni ġġib magħha impenn. Il-Mulej isejħilna għax irid jagħmilna bħal Pietru, kapaċi “nimxu fuq l-ilma”, jiġifieri nieħdu l-ħajja tagħna f’idejna biex inqegħduha għas-servizz tal-Vanġelu, b’modi konkreti u ta’ kuljum kif jurina hu, u speċjalment fid-diversi għamliet ta’ vokazzjonijiet lajkali, presbiterali u ta’ ħajja kkonsagrata. Imma aħna iktar qisna l-Appostlu: għandna x-xewqa u l-ħeġġa, imma, fl-istess waqt, aħna mimlijin dgħufijiet u biżgħat.

 

Jekk nitkaxkru mill-ħsieb tar-responsabbiltajiet li hemm jistennewna – fil-ħajja taż-żwieġ jew fil-ministeru saċerdotali – jew mid-diffikultajiet li se niltaqgħu magħhom, allura ma ndumux ma nwarrbu għall-ġenb ħarsitna minn fuq Ġesù u, bħal Pietru, nirriskjaw li negħrqu. Bil-maqlub, imqar fid-dgħufija u fil-faqar tagħna, il-fidi tippermettilna nimxu biex niltaqgħu mal-Mulej Irxoxt u negħlbu mqar it-tempesti. Fil-fatt hu jnewlilna idu meta minħabba l-għeja jew il-biża’ nirriskjaw li negħrqu, u jagħtina l-ħeġġa meħtieġa biex ngħixu l-vokazzjoni tagħna bil-ferħ u l-entużjażmu.

 

Fl-aħħar, meta Ġesù jitla’ fuq id-dgħajsa, ir-riħ jieqaf u l-imwieġ jikkalmaw. Hija xbieha sabiħa ta’ dak li l-Mulej jagħmel fil-ħajja tagħna u fit-taqlib tal-istorja, speċjalment meta nkunu f’nofs it-tempesta: hu jordna lill-irjieħ biex jisktu, u l-qawwiet tal-ħażen, tal-biża’, tar-rassenjazzjoni ma jibqgħalhomx setgħa fuqna.

 

Fil-vokazzjoni speċifika li aħna msejħin ngħixu, dawn l-irjieħ kapaċi jċeduna. Jiġuni f’moħħi dawk li jassumu ħidmiet importanti fis-soċjetà ċivili, il-miżżewġin li mhux ta’ b’xejn nieħu pjaċir insejħilhom “il-kuraġġjużi”, u speċjalment dawk li jħaddnu l-ħajja kkonsagrata u s-saċerdozju. Nista’ nifhem it-taħbit tagħkom, is-solitudni li xi drabi ttaqqal il-qalb, ir-riskju tad-drawwa li naqra naqra jitfi n-nar jaqbad tas-sejħa, it-toqol tal-inċertezza u tal-prekarjetà ta’ żminijietna, il-biża’ mill-futur. Kuraġġ, la tibżgħux! Ġesù jinsab magħna u, jekk nagħrfuh bħala s-Sid waħdieni ta’ ħajjitna, hu jnewlilna idu u jaqbadna biex isalvana.

 

U hemm, imqar qalb l-imwieġ, ħajjitna tinfetaħ għat-tifħir. Din hija l-aħħar kelma tal-vokazzjoni, u trid tkun ukoll l-istedina biex inxettlu fina l-atteġġjament interjuri ta’ Marija Santissma: grata għall-ħarsa ta’ Alla li straħet fuqha, bl-offerta fil-fidi tal-biżgħat u d-dubji tagħha, waqt li ħaddnet b’kuraġġ is-sejħa, hija għamlet minn ħajjitha għanja eterna ta’ tifħir lill-Mulej.

 

L-iktar għeżież, speċjalment f’dan il-Jum, imma anki fl-azzjoni pastorali ordinarja tal-komunitajiet tagħna, nixtieq li l-Knisja tterraq din il-mixja għall-qadi tal-vokazzjonijiet, billi tiftaħ xquq fil-qalb ta’ kull fidil, biex kulħadd jista’ jiskopri bi gratitudni s-sejħa li qed jagħmillu Alla, isib il-kuraġġ li jlissen “iva”, jegħleb l-għeja tat-taħbit bil-fidi fi Kristu u, fl-aħħar, joffri ħajtu bħala għanja ta’ tifħir lil Alla, għall-aħwa u għad-dinja kollha. Il-Verġni Marija sseħibna u tidħol għalina.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 8 ta’ Marzu 2020, it-II Ħadd tar-Randan

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard