Laikos

 

Ara wkoll ... Talba għat-3 Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani. 2023.

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI
TAT-3 JUM DINJI TAN-NANNIET U L-ANZJANI

23 ta’ Lulju 2023

«Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien» (Lq 1,50)

Għeżież ħuti!

«Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien» (Lq 1,50).  Din hija t-tema tat-Tielet Jum Dinji għan-Nanniet u l-Anzjani, u teħodna lura għal-laqgħa ferrieħa bejn iż-żagħżugħa Marija u Eliżabetta, il-qariba anzjana tagħha (ara Lq 1,39-56). Mimlija bl-Ispirtu s-Santu, Eliżabetta indirizzat lil Omm Alla bi kliem li, millenji wara, għadhom jidwu fit-talb tagħna ta’ kuljum: “Imbierka int fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (v. 42). L-Ispirtu s-Santu, li qabel kien niżel fuq Marija, issuġġerielha biex twieġeb bil-Magnificat, li fih ħabbret li l-ħniena tal-Mulej hija f’kull żmien. L-Ispirtu s-Santu jbierek u jakkumpanja kull laqgħa fejjieda bejn ġenerazzjonijiet differenti: bejn nanniet u neputijiet, bejn żgħażagħ u anzjani. Alla jrid li ż-żgħażagħ iġibu l-ferħ fil-qlub tal-anzjani, bħalma għamlet Marija ma’ Eliżabetta, u min-naħa l-oħra huma jiksbu l-għerf mill-esperjenzi tal-anzjani. Iżda, fuq kollox, il-Mulej iridna ma nabbandunawx lill-anzjani jew inkella nħalluhom fil-ġenb tal-ħajja, kif sfortunatament jiġri ħafna drabi fi żmienna.

Din is-sena, il-Jum Dinji għan-Nanniet u l-Anzjani qed isir qrib il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Iż-żewġ ċelebrazzjonijiet ifakkruna fil-“ħeffa” (ara v. 39) li biha Marija marret iżżur lil Eliżabetta. B’dan il-mod jistiednuna nirriflettu fuq ir-rabta li hemm bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-Mulej qiegħed ipoġġi fiduċja fiż-żgħażagħ, li permezz tar-relazzjonijiet tagħhom mal-anzjani, jirrealizzaw li huma msejħin biex jikkultivaw il-memorja u jagħrfu s-sbuħija li hima parti minn storja ferm akbar. Il-ħbiberija ma’ persuna anzjana tista’ tgħin liż-żgħażagħ sabiex jaraw il-ħajja mhix biss dik tal-preżent u jirrealizzaw li mhux kollox jiddependi minnhom u mill-kapaċitajiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, għall-anzjani, il-preżenza ta’ żagħżagħ f’ħajjithom tista’ tagħtihom tama li l-esperjenza tagħhom ma tintilifx u li l-ħolm tagħhom jista’ jseħħ. Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta u l-fatt li huma t-tnejn għarfu li l-ħniena tal-Mulej hija f’kull żmien tfakkarna li, waħedna, ma nistgħux nimxu ʼl quddiem, u wisq inqas insalvaw lilna nfusna waħedna, u li l-preżenza u l-ħidma ta’ Alla narawhom fil-“flimkien”, fl-istorja ta’ poplu. Kienet Marija stess li qalet dan fil-Magnificat, meta ferħet f’Alla, li b’fedeltà lejn il-wegħda li kien għamel lil Abraham, għamel għeġubijiet ġodda li ma kienux mistennija (ara vv 51-55).

Biex napprezzaw aħjar il-mod ta’ kif jaġixxi t’Alla, ejjew niftakru li ħajjitna hija maħsuba biex ngħixuha b’mod sħiħ, u li l-akbar tamiet u ħolm tagħna ma jinkisbux f’ħakka t’għajn, iżda permezz ta’ proċess ta’ tkabbir u ta’ maturazzjoni, permezz ta’ djalogu u r-relazzjoni mal-oħrajn. Għaldaqstant dawk li jiffokaw biss fuq l-immedjat, fuq il-flus u fuq dak li għandhom, u li “jridu kollox u malajr”,  ma jistgħux jaraw il-mod kif jaħdem Alla. Il-pjan ta’ mħabba tiegħu jinfrex fuq il-passat, fuq il-preżent u anke fuq il-ġejjieni; iħaddan u jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet bejniethom. Dan huwa proġett li huwa bil-wisq ikbar minna, iżda li, fl-istess ħin, jinkludi lil kull wieħed u waħda minna u jsejħilna biex inkomplu mexjin ʼil quddiem. Għal dawk li huma iżgħar fl-età, dan ifisser li rridu nkunu lesti biex immorru lil hinn mill-preżent li jgħaddi, li fih nistgħu ninqabdu lsiera tar-realtà virtwali, u li spiss iżżommna milli nagħmlu xi ħaġa konkreta. Għall-anzjani, dan ifisser li ma joqgħodux jaħsbu biss fuq li qed jitilfu s-saħħa fiżika, u fuq kemm jiddispjaċihom li tilfu ħafna opportunitajiet. Ejjew ilkoll inħarsu ʼl quddiem! U nħallu l-grazzja ta’ Alla tibnina, għax hu minn żmien għal żmien jeħlisna mill-għażż jew inkella milli nibqgħu ngħixu fil-passat!

Fil-laqgħa bejn Marija u Eliżabetta, bejn żgħażagħ u xjuħ, Alla jagħtina l-ġejjieni tiegħu. Il-mixja ta’ Marija u l-laqgħa li għamlitilha Eliżabetta jiftħulna għajnejna għas-sebħ tas-salvazzjoni: fit-tgħanniqa tagħhom, il-ħniena ta’ Alla tidħol bil-ferħ imma b’umiltà fl-istorja tal-bniedem. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jirrifletti fuq dik il-laqgħa, anżi, biex jagħlaq għajnejh u jimmaġina, qisha qed isseħħ issa, dik it-tgħanniqa bejn iż-żagħżugħa Omm Alla u l-omm anzjana ta’ San Ġwann Battista, u jħalliha ttimbrata f’moħħu bħala ikona mimlija dawl.

Imbagħad, nistedinkom biex mill-immaġinazzjoni tgħaddu biex tagħmlu xi ġest konkret li jinvovi n-nanniet u l-anzjani. Ejjew ma nabbandunawhomx. Il-preżenza tagħhom fil-familji u l-komunitajiet hija waħda prezzjuża, għax tfakkarna li aħna naqsmu l-istess wirt u aħna parti minn poplu impenjat biex iżomm l-għeruq tiegħu. Mill-anzjani rċevejna d-don li nagħmlu parti mill-poplu qaddis t’Alla. Il-Knisja, kif ukoll is-soċjetà, għandhom bżonnhom, għax huma fil-preżent, taw lilna dak il-passat li kien meħtieġ biex jinbena l-ġejjieni. Ejjew nagħtuhom ġieħ, u ma niċċaħħdux mill-kumpanija tagħhom u lanqas inċaħħduhom minn dik tagħna. Jalla qatt ma nwarrbu lill-anzjani!

Il-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani huwa maħsub li jkun sinjal żgħir, iżda prezzjuż ta’ tama għalihom u għall-Knisja kollha. Inġedded l-istedina tiegħi lil kulħadd – djoċesijiet, parroċċi, għaqdiet u komunitajiet – biex jiċċelebraw dan il-Jum u jagħmluh okkażjoni ta’ laqgħa ferrieħa u mġedda bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Lilkom, iż-żgħażagħ li qed tħejju biex tiltaqgħu f’Lisbona, jew biex tiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’pajjiżkom stess, nistaqsikom: qabel ma tibdew il-vjaġġ, morru żuru n-nanniet tagħkom, jew inkella xi anzjan li jgħix waħdu! It-talb tagħhom jipproteġikom u intom se ġġorru f’qalbkom il-barka ta’ dik il-laqgħa. U lilkom l-anzjani, nitlobkom biex takkumpanjaw bit-talb tagħkom liż-żgħażagħ li se jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Dawk iż-żgħażagħ huma t-tweġiba ta’ Alla għat-talb tagħkom, il-frott ta’ dak kollu li żrajtu, is-sinjal li Alla ma jabbandunax lill-poplu tiegħu, imma dejjem iġeddu permezz tal-kreattività tal-Ispirtu s-Santu.

Għeżież nanniet, għeżież ħuti anzjani, jalla tiġi fuqkom il-barka tat-tgħanniqa bejn Marija u Eliżabetta u timla qalbkom bil-paċi. Bil-qalb nagħtikom il-barka tiegħi. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.

Ruma, Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, 31 ta’ Mejju 2023, Festa taż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta.
 

FRANĠISKU

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes