Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LIR-RAPPREŻENTANTI TAL-KONFEDERAZZJONI TAL-FRATELLANZI TAD-DJOĊESIJIET TALJANI

Sala tal-Konċistorju
It-Tnejn, 16 ta’ Jannar 2023

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba bikom!

Ninsab kuntent li qed niltaqa' magħkom. Ħajr lill-President, Dr Rino Bisignano, u l-E.T. Monsinjur Michele Pennisi, Assistent Ekkleżjastiku Nazzjonali, kif ukoll il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Konfederazzjoni tal-Fratellanzi tad-Djoċesijiet tal-Italja, il-Koordinaturi u l-Assistenti Reġjonali li hawn preżenti.

Il-Konfederazzjoni tagħkom, li twaqqfet fis-sena 2000, fil-kuntest tal-Ġublew il-kbir, issa ilha taħdem għal aktar minn għoxrin sena biex tilqa’, tappoġġja u tikkoordina l-preżenza rikka u varjata ħafna tal-Fratellanzi fid-Djoċesijiet tal-Italja. Issa qed tipprepara biex tiċċelebra, fi żmien sentejn, il-25 anniversarju fil-kuntest ta’ Ġublew ieħor, dak tal-2025, li għandu bħala l-motto “Pellegrini tat-Tama”. Qed nippreparaw għal dan il-mument qawwi fil-ħajja tal-Knisja, u intom realtà sinifikanti ħafna kemm waqt it-tħejjija kif ukoll imbagħad waqt iċ-ċelebrazzjoni.

Intom tinsabu fuq quddiem minħabba l-preżenza tagħkom li hi mifruxa sew fit-territorju nazzjonali u minħabba n-numru kbir ta’ nies li għandkom, b’madwar tlett elef u mitejn Fratellanza reġistrata – imbagħad hemm numru ta’ oħrajn li mhumiex reġistrati – b’żewġ miljun membru; u ma’ dawn jiżdied numru ikbar ta’ qraba u ħbieb li jissieħbu fl-attivitajiet tagħkom permezz tal-membri tagħkom. Din hija ħaġa li timpressjonak, u tfakkrek f’dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II dwar in-natura u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja, jiġifieri li “huma msejħin minn Alla ... biex jagħtu sehemhom minn ġewwa, bħalma tagħmel il-ħmira, biex id-dinja titqaddes” (Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 31).

Il-“ħmira” tagħkom hija preżenti sew fin-nisġa kemm tal-Knisja kif ukoll dik soċjali Taljana, u trid tinżamm ħajja, sabiex tkun tista’ tiffermenta l-għaġna kollha. San Ġwanni Pawlu II rrakkomanda dan f’waħda mill-omeliji tiegħu fl-1984 meta qal: “Illum l-urġenza tal-evanġelizzazzjoni titlob li l-Fratellanzi wkoll jieħdu sehem b’mod aktar b’saħħtu u aktar dirett fil-ħidma li twettaq il-Knisja sabiex iġġib id-dawl, il-fidwa, il-grazzja ta’ Kristu lin-nies ta’ żmienna” (Ġublew tal-Fratellanzi, 1 ta’ April 1984). Fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida, il-pjetà popolari hija fir-realtà forza qawwija ta’ xandir tal-Vanġelu, u għandha ħafna x’tagħti lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 126). Hawnhekk qed nirreferi għal Evangeli Gaudium 126. Imma dwar il-pjetà popolari, l-aktar test b’saħħtu, li jgħin ħafna, huwa dak ta’ San Pawlu VI, f’Evangelii Nuntiandi. Tajjeb li dejjem nerġgħu lura għal dak it-test, li ċċara ħafna l-post li għandha l-pjetà popolari fil-ħajja tal-Knisja. L-Evangelii Nuntiandi għadha rilevanti sal-lum: dik hija eżortazzjoni appostolika profetika, li tgħin, li tmexxina ʼl quddiem!

Għal din ir-raġuni ninkuraġġikom biex tikkultivaw il-ħajja tagħkom kemm bħala assoċjazzjoni kif ukoll bħala preżenza karitattiva b’impenn kreattiv u dinamiku, li huma bbażati fuq id-don tal-Magħmudija u li jinvolvu mixja biex intom tikbru taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu. Ħallu lilkom infuskom tkunu mmexxija mill-Ispirtu u imxu! Bħalma timxu fil-purċissjonijiet, imxu ʼl quddiem ukoll fil-ħajja komunitarja kollha tagħkom. Jalla r-rikkezza u l-memorja tal-istorja tagħkom ma jkunu qatt raġuni biex tingħalqu fikom infuskom, jew biex tagħmlu ċelebrazzjoni nostalġika tal-passat, jew biex tingħalqu lejn il-preżent jew biex timtlew b’pessimiżmu lejn il-futur; anzi jalla tkunu stimolu qawwi biex terġgħu tinvestu l-wirt tagħkom spiritwali, uman, ekonomiku, artistiku, storiku u anke folkloristiku llum, miftuħin għas-sinjali taż-żminijiet u għas-sorpriżi ta’ Alla. Kien permezz ta’ din il-fidi u permezz ta’ dan il-ftuħ li dawk li ġew qabilkom taw bidu għall-fratellanzi tagħkom. Mingħajr din il-fidi u dan il-ftuħ, kieku llum aħna m’aħniex hawn, u f’numru daqshekk kbir, biex nirringrazzjaw lill-Mulej għal tant ġid li rċevejna u ta’ tant ġid li sar! Permezz ta’ tant Fratellanzi!

Imbagħad nixtieq nistedinkom biex tfasslu l-mixja tagħkom fuq tliet linji fundamentali: l-evanġelizzazzjoni, l-ekkleżjalità u l-ispirtu missjunarju. Din il-mixja nixtieq niġborha fil-qosor b’dan il-mod:

- nimxu fuq il-passi ta’ Kristu;

- nimxu flimkien;

- nimxu u nħabbru l-Evanġelju.

L-ewwel nett, nimxu fuq il-passi ta’ Kristu. Inħeġġiġkom sabiex tikkultivaw iċ-ċentralità ta’ Kristu f’ħajjitkom, permezz tas-smigħ ta’ kuljum tal-Kelma ta’ Alla. Dan huwa importanti ħafna: li nkunu qrib tal-Evanġelju. Irridu naqraw l-Evanġelju kuljum. Nagħtikom parir: aqbdu ktieb ċkejken tal-Evanġelju, ġorruh fil-but jew fil-basket u mbagħad meta jkollkom ftit ħin, aqraw xi ħaġa minnu matul il-ġurnata. Ftit kuljum. Hekk l-Evanġelju jikber, u jkabbar ukoll lil qalbna. L-ewwel il-kuntatt fiżiku mal-Evanġelju u mbagħad il-kuntatt spiritwali. Għalhekk inħeġġiġkom tikkultivaw iċ-ċentralità ta’ Kristu, billi torganizzaw u tieħdu sehem b’mod regolari f’mumenti ta’ formazzjoni, li tieħdu sehem b’mod regolari fis-Sagramenti, li jkollkom ħajja intensa ta’ talb personali u liturġiku. Jalla t-tradizzjonijiet liturġiċi u devozzjonali antiki tagħkom ikunu animati minn ħajja spiritwali qawwija, mimlija ħeġġa, u mill-impenn konkret tagħkom fejn tidħol il-karità – u dawn tibżgħux taġġornawhom f’komunjoni mal-mixja li tagħmel il-Knisja, biex dawn ikunu don aċċessibbli u li jinftiehem minn kulħadd, fil-kuntesti li fihom tgħixu u taħdmu, u hekk tkunu ta’ stimolu biex tressqu lejn il-fidi anke lil dawk li huma ʼl bogħod.

It-tieni: nimxu flimkien.  L-istorja tal-Fratellanzi tat lill-Knisja esperjenza ta’ sekli sħaħ ta’ sinodalità, li tintwera permezz ta’ għodod komunitarji ta’ taħriġ, dixxerniment u deliberazzjoni, u permezz ta’ kuntatt dirett mal-Knisja lokali, mal-Isqfijiet u mad-Djoċesijiet. Jalla l-kunsilli u l-assembleji tagħkom – kif talabkom il-maħbub Papa Benedittu XVI – m’għandhom qatt jirriduċu ruħhom għal laqgħat purament amministrattivi jew partikolaristiċi [1]; Jalla jkunu dejjem u qabel kollox postijiet fejn nisimgħu lil Alla u lill-Knisja, postijiet ta’ djalogu fratern, ikkaratterizzat minn atmosfera ta’ talb u karità sinċiera. B’hekk biss ikunu jistgħu jgħinukom sabiex tkunu realtajiet ħajjin u ssibu modi ġodda ta’ servizz u evanġelizzazzjoni.

U dan iwassalna għat-tielet dimensjoni tal-mixja tagħkom: nimxu u nħabbru l-Evanġelju, tagħtu xhieda tal-fidi tagħkom u tieħdu ħsieb ta’ ħutkom, speċjalment il-forom ġodda ta’ faqar ta’ żmienna, kif urejtu ħafna minnkom f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Studjaw sew x'inhuma l-forom ġodda ta’ faqar. Forsi aħna ma nafux, imma hemm ħafna forom ġodda ta’ faqar. F’dan is-sens, l-istorja tal-Fratellanzi għandha wirt kariżmatiku kbir. Tħallux li dan il-wirt jinħela! Żommu ħajja l-kariżma tas-servizz u l-missjoni, billi twieġbu bil-kreattività u l-kuraġġ għall-bżonnijiet ta’ żmienna.

Evanġelizzazzjoni, ekkleżjalità u missjoni: dawn, għeżież ħuti, huma t-tliet kelmiet li qed nafdalkom illum. U nixtieq nagħlaq billi nġedded l-istedina biex inkunu “missjunarji tal-imħabba u t-tenerezza ta’ Alla [...] missjunarji tal-ħniena ta’ Alla, li dejjem jaħfrilna, dejjem jistenniena, u li tant iħobbna!”. (Omelija f’Jum il-Fratellanzi u l-Pjetà Popolari, 5 ta’ Mejju 2013).

Jalla l-Madonna, li intom tqimuha bħala ommkom permezz ta’ tant titli, dejjem tħariskom u tmexxikom. Minn qalbi inbierek lilkom, lill-konfratelli u lill-konsorelli u lill-familji tagħkom. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes

 

[1] Cfr  Diskors lill-Konfederazzjoni tal-Fratellanzi tad-Djoċesijiet Taljani. 10/11/2007.