| 
			 
			 
			 
			 
			  | 
			OMELIJA TA' 
			MONS. ARĊISQOF PAWLU CREMONA OP 
			Konkatidral ta’ 
			S. Ġwann, Valletta:
			4 
			ta’ Marzu 2012: 
			Ħuti aħna 
			ġejna hawnhekk prinċipalment biex niċċelebraw il-quddiesa ta’ dan 
			it-tieni Ħadd tar-Randan imma li llum għandha togħma speċjali 
			għaliex illum qegħdin nilqgħu fostna il-fjakkola ta’ S. Benedittu.  
			U din il-fjakkola tfakkarna f’diversi realtajiet.  L-ewwelnett 
			tfakkarna fis-simbolu; hija fjakkola ta’ dawl, fjakkola li minnha 
			joħroġ in-nar.  
			U tafu li 
			n-nar fl’Iskrittura mqaddsa huwa sinjal tal-preżenza divina.  In-nar 
			huwa dak li mexxa l-poplu Lhudi fid-deżert meta kien qed jaħrab 
			mill-Eġġizzjani, f’kolonna tan-nar.  In-nar huwa x-xbieha li permezz 
			tiegħu l-Ispirtu s-Santu daħal u qiegħed fuq l-appostli f’jum 
			il-Pentekoste.  Dan in-nar li se jiġi mixgħul minn hawn u ftit ieħor 
			se jerġa jitlaq minn hawnhekk u jmur Monte Cassino, minn fejn telaq 
			ħalli jkun sinjal ta dak kollu li huwa divin fostna.  Illum ukoll 
			f’din il-quddiesa aħna se niftakru f’persuna u din il-persuna  hija 
			San Benedittu.  San Benedittu  twieled fil-ħames seklu, u 
			fiż-żminijiet li aħna nafuhom bħala ż-żminijiet tad-dlam,  Dark 
			Ages,  S. Benedittu xegħel propju f’dan il-poplu.  U aħna llum, 
			qegħdin nagħtu wkoll qima lil dan il-qaddis li permezz ta’ dawk li 
			kienu segwaċi tiegħu, dak iż-żmien ta’ dlam, sar żmien ta’ dawl. 
			Għax mis-seklu sitta sas-seklu tnax, is-segwaċi tiegħu kienu jmorru 
			kullimkien jagħmlu monasteru u mal-monasteru iġibu wkoll dik li hija 
			l-kultura Kristjana.  
			U llum qed 
			niftakru propju f’S. Benedittu.  Kien diġa l-Papa Piju XII li kien 
			qal li S. Benedittu huwa l-missier ta’ l-Ewropa.  Imbagħad fis-sena 
			1964 il-Papa Pawlu VI qal li S. Benedittu huwa l-patrun ta’ l-Ewropa 
			u minn dak iż-żmien din il-fjakkola baqgħet iddur ma’ l-Ewropa biex 
			tfakkar, b’mod simboliku , dak li kien għamel S. Benedittu u 
			s-segwaċi tiegħu.  F’din iċ-ċeremonja aħna qegħdin niftakru wkoll 
			f’kontinent għax dan id-dawl irid idawwal il-kontinent ta’ 
			l-Ewropa.  U llum iktar minn qabel, dan id-dawl irid iżur kullimkien 
			għaliex bħalma tafu, sfortunatament, l-Ewropa qed tipprova tinsa 
			l-għeruq Kristjani tagħha.  U allura din il-fjakkola, għalina lkoll, 
			hija simbolu ta’ l-għeruq insara li hawn fl’Ewropa biex nerġgħu 
			nagħtuhom il-ħajja.  
			Din 
			il-fjakkola trid tfakkarna ukoll li hija fjakkola li fostna trid 
			iġġib il-fraternita, trid iġġib it-tama, l-isperanza, u trid iġġib 
			il-paċi.  U meta ngħidu li din il-fjakkola trid iġġib il-paċi 
			jiġifieri qegħdin ngħidu li din il-fjakkola tfisser dak kollu li 
			Alla l-Imbierek xtaq u ried li jkun hawn fid-dinja meta ħalaq 
			id-dinja.  Timpressjonanhiex, ħuti, meta fil-bidu kif għandna 
			fil-ktieb tal-Ġenesi, kollox kien kaos u Alla l-Imbierek 
			bagħat l-Ispirtu tiegħu biex ma jibqax iktar kaos imma kollox 
			jiġi ekwilibrat ma’ xulxin hekk li tibda l-paċi.  Timpressjonanhiex 
			ħuti, meta Sidna Ġesu Kristu ġie fostna hawnhekk bħala tarbija u 
			l-anġli fis-sema kantaw: il-paċi lil bnedmin kollha ta rieda tajba.  
			Hija din il-paċi li din il-fjakkola trid tfakkarna fiha u tagħtina 
			impenn  biex  verament din il-fjakkola tkun għalina ta’ impenn 
			personali u komunitarju biex il-pjan t’Alla għall-paċi fid-dinja 
			jkun jista’ jseħħ.   
			Imma jiena 
			xtaqt, ħuti, li dan kollu, dak li aħna qegħdin niċċelebraw flimkien 
			aħna niċċelebraw fil-kuntest tat-tlett lezzjonijiet ta’ dan it-tieni 
			Ħadd tar-Randan li Alla l-Imbierek ipprovdilna llum.  U xtaqt li 
			nagħmel daqsxejn ta’ ħsibijiet fuq dawn il-lezzjonijiet. L-ewwel 
			lezzjoni kienet mill-ktieb tal-Ġenesi u hemmhekk rajna lil Abraham 
			joffri lil Alla l-Imbierek lil ibnu stess.  U Alla l-Imbierek mhux 
			talli lil Abraham ma ħadlux lil ibnu talli reġa tah lil ibnu u tah 
			din id-darba bil-possibilta li permezz ta’ ibnu Iżakk ikun hemm 
			poplu li jibqa’ li huwa l-poplu t’Alla li baqa’ anke saż-żmienna u 
			sar il-poplu ġdid permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu.  U fid-dawl ta’ dan 
			kollu jiena ngħid, ejjew illum noffru din il-fjakkola bħalma għamel 
			Abraham lil Alla l-imbierek biex il-fjakkola ma tkunx tagħna; 
			il-fjakkola tkun tiegħu.  U bħalma meta noffruhielu jerġa 
			jagħtihielna lura, jagħtihielna b’ħafna grazzji ħalli l-fjakkola 
			tkun verament, mhux biss simbolu imma tkun dik li tħeġġeġ lil ħafna 
			nsara biex huma jerġgħu il-fidi tagħhom jiskopruha u permezz tagħhom 
			isiru dwal.    
			Fit-tieni 
			lezzjoni tal-lum aħna rajna lil S. Pawl jikteb lir-Rumani  (8,31-34) 
			u jagħmlilhom il-kuraġġ.  Immaġinaw f’mument fejn kien hemm 
			persekuzzjoni, S. Pawl, imnebbah mill-Mulej, jibagħtilhom dan 
			il-kliem ta’ ħafna tama, ta’ ħafna speranza.  U jgħidilhom dak 
			il-kliem li kien tant qawwi: “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun 
			kontra  tagħna?”  U jekk aħna ġejna mifdijin mill-qawwa ta’ Kristu 
			rxoxt, min jista’ jirbah din il-vittorja kbira li għamel Sidna Ġesu 
			Kristu permezz tas-salib għal ħajja ta’ dejjem għalina lkoll?  
			Allura aħna ejjew napplikaw anke din it-tieni lezzjoni 
			għall-fjakkola.  Ejjew ngħaqqduha ma’ dan il-kliem ta’ S. Pawl.  
			Ħafna drabi, ħuti, aħna għaliex naraw id-dinja ta’ madwarna li mhux 
			dejjem tagħti każ, kultant aħna nibdew naqtgħu qalbna;  ejjew 
			ngħaqqduha propju din il-fjakkola mar-rebħa tal-Mulej Ġesu!  Din 
			il-fjakkola trid tfakkarna li Ġesu diġa rebaħ u trid tfakkarna li 
			aħna rridu nkunu parti minn din ir-rebħa tal-Mulej Ġesu u naħdmu 
			għaliha.   
			L-aħħar 
			riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom hija dak li rajna fil-Vanġelu 
			tal-lum (Mk 9, 2-10). Kellna t-trasfigurazzzjoni tal-Mulej Ġesu.  
			Tafu xi tfisser it-trasfigurazzjoni?  F’mument raw lil Ġesu bħala 
			bniedem kif is-soltu jarawh,  mument ieħor, ftit wara, huma fuq 
			il-muntanja jarawh mibdul biex jiġi u jidher  bħala dak li huwa 
			fil-ġisem glorjuż tiegħu.  U dan, Sidna Ġesu Kristu tafu għalfejn 
			għamlu?  Għaliex dawn l-appostli tiegħu ftit wara kellhom jarawh 
			imsallab.  U ried li l-esperjenza tiegħu propju fil-glorja tiegħu, 
			tkun għalihom ta’ kuraġġ biex huma, meta jarawh fuq is-salib, 
			jiftakru fil-glorja tiegħu u jibqgħu mexjin.  U allura anke din 
			il-fjakkola aħna rridu narawha f’dan il-kuntest.  Ejjew inħallu lil 
			Mulej Ġesu l-ewwel jagħtina l-esperjenza tiegħu, ħuti. Ftakru li 
			kull quddiesa għalina hija l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, mhux 
			fis-sens litterali tagħha għaliex aħna naraw lil Sidna Ġesu Kristu 
			l-ewwel ikun ostja imbagħad ikun hemm il-preżenza reali tiegħu.  Ma 
			nistgħux, ħuti, aħna verament nieħdu impenn sod jekk mhux 
			fil-kuntest ta’ esperjenza personali tal-Mulej Ġesu.  Il-fjakkola 
			Benedittina għandha sens biss jekk aħna lkoll ngħaqqduha llum ma’ 
			din l-esperjenza tal-glorja tal-Mulej Ġesu u nħarsu lejha bħala 
			l-fjakkola li tfisser ukoll il-glorja tagħna li għad trid tidher. 
			 
			Ħuti, nixtieq 
			nagħlaq minn daqsxejn ta’ kliem mill-Prologu ta’ S. Benedittu.  Araw 
			x’jikteb lil dawk li kienu se jidħlu miegħu u araw huwiex kliem li 
			għandu jħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex aħna ngħixu. U 
			jgħid hekk fil-Prologu, siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa. “Waslet 
			is-siegħa li fiha intom tqumu min-nagħas”.  “Mhux li kontu llum 
			tisimgħu leħnu; la twebbsux qalbkom”.  “Ibqħu miexja sakemm għandkom 
			id-dawl biex id-dlam tal-mewt ma jilħaqkomx”.  Ħuti, din hija 
			l-kelma ta’ S. Benedittu takkompanja l-fjakkola li ġiet fostna 
			f’Malta. Ejjew inħalluha tħeġġiġna biex dejjem iktar ngħaqdu lil 
			Mulej b’mod speċjali bi fjakkola ta’ evanġelizzazzjoni ġdida li aħna 
			noffru lil Alla l-Imbierek.  
			
			
			Ara t-test bit-Taljan ...> 
			
			
			Ara aktar tagħrif dwar il-Fjakkola Benedittina ...>     |