Laikos

Aktar dwar Vatikan II ...

Għaliex il-Konċilji jissejħu ekumeniċi ?

Mons. Prof. Hector Scerri

Nieħu pjaċir bil-mistoqsija, għax għandi l-opportunità li niċċara xi ideat li ma jkunux preċiżi fost xi wħud. L-ewwelnett, il-kelma ‘ekumeniku’ ġejja mill-kelma oikumene, bl-ilsien Grieg, u tirreferi għad-dinja abitata, jiġifieri kulfejn jgħammru l-bnedmin. Ma rridux ninsew li għall-ewwel tliet sekli u nofs, l-ilsien prinċipali tal-Knisja, speċjalment fil-liturġija u fil-kitbiet tal-ewwel Missirijiet tal-Knisja kien il-Grieg, u mhux il-Latin. Dan jispjega l-għala ħafna mit-terminoloġija bikrija dwar it-Trinità, dwar Kristu, il-Knisja u s-sagramenti hi bil-Grieg.

 

Bil-kelma ‘ekumeniku’, għalhekk l-Insara tal-ewwel sekli kienu jifhmu l-Knisja Universali, jiġifieri mxerrda mad-dinja kollha magħrufa f’dawk iż-żminijiet. Dan kien prattikament l-artijiet madwar il-Mediterran. Għaldaqstant, meta laqgħa kienet ekumenika, ifisser li fiha kienu jieħdu sehem rappreżentanza tal-Insara (jew aħjar, tal-Isqfijiet) mill-artijiet li semmejna.

 

L-ewwel konċilju tassew universali kien dak ta’ Niċea fis-sena 325. Dak ta’ Ġerusalemm (fis-sena 50) kien, iva, laqgħa importanti biex jissolvew differenzi li nqalgħu fi spirtu ta’ dibattitu u ta’ sliem. B’kollox, sal-lum, saru 21 Konċilju Ekumeniku. Fi kliem ieħor, kien hemm laqgħat oħra, bħal dik ta’ Ġerusalemm, u ħafna oħrajn li saru fuq livell reġjonali, anki fl-ewwel sekli tal-Knisja, imma ma jissejħux ‘ekumeniċi’.

 

Irrid ngħid ukoll li l-kelma ‘ekumenika’ ħadet sfumatura oħra fl-aħħar seklu u nofs. Il-kelma saret tirreferi wkoll għal dik il-ħidma li ssir biex jingħelbu l-firdiet fost l-Insara u sseħħ l-għaqda mill-ġdid kulfejn hemm l-Insara.

 

Hemm min jaħseb li l-Konċilju Vatikan II jissejjaħ ‘ekumeniku’ għax kienu mistiedna delegati Ortodossi u Protestanti bħala osservaturi, għalkemm informalment dawn ukoll taw kontribut minn wara l-kwinti. Le ! Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II ma jissejjaħx ‘ekumeniku’ għal din ir-raġuni, imma għax bħall-għoxrin konċilju ta’ qablu, ħadu sehem fih Isqfijiet mid-dinja kollha.

 

Il-Konċilji Ekumeniċi kienu ġrajjiet kbar fil-Knisja Kattolika. Ħafna drabi tlaqqgħu biex jissolva d-disgwid li kien iqum minħabba ereżiji u tagħlim żbaljat. Biżżejjed insemmu l-Konċilji ta’ Efesu, Kalċedonja, Kostantinopli (kien hemm erbgħa), Trentu u Vatikan I. Il-Konċilju Vatikan II hu l-ewwel konċilju li tlaqqa’ purament biex iġedded il-Knisja, u biex timpenja ruħha f’relazzjoni ma’ Nsara ta’ Knejjes oħra, ma’ reliġjonijiet oħra u mas-soċjetà dinjija.