LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Toràh

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma bil-Lhudi Toràh propjament għandu jkollha ittra oħra fl-aħħar, meta niktbuha bil-Malti. Din hija l-ittra donnha l-akka (h) fi lsienna, li tifforma l-aħħar ittra tal-kelma Lhudija: Toràh bil-Lhudi, imma li titlissen ‘Torà’.

Il-kelma Toràh, il-kelma Lhudija għal ‘liġi’ ġejja mill-għerq jarà(h), li tfisser “tefa’, spara jew tajjar vleġġa”, imma wkoll “wera, għallem, fiehem”. Għalhekk Toràh tfisser ‘tagħlim, duttrina, istruzzjoni’ (Prov 1:8; 13:14; Salm 78:1); l-aktar il-liġi ta’ Alla u l-kmandamenti tiegħu (Eż 24:12; Dt 4:8; Ġoż 1:7); il-Liġi miktuba jew il-ktieb tal-Liġi (Dt 31:9; Neħ 8:2.14), “il-ktieb tal-Liġi ta’ Mosè” (Ġoż 8:31; Neħ 8:1) jew “il-ktieb tal-Liġi ta’ Alla” (Neħ 8:18).

Fil-fatt, li wieħed jidneb, jikser il-liġi jew il-kmandamenti ta’ Alla, bil-Lhudi wieħed jgħid: ħātà’, li prinċipalment tfisser ‘żbalja l-mira jew l-għan’, spara b’mod li ma laqatx, żbalja t-triq. Bil-maqlub, meta wieħed jikkonverti u jindem mill-ħtija, il-Lhud jgħidu xûb, ‘dar fid-direzzjoni t-tajba, immira tajjeb’.

Fit-tradizzjoni Lhudija, il-kelma Toràh saret tfisser il-Pentatewku, l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. Għal-Lhud, “il-Liġi u l-Profeti u l-Kotba l-oħra” (ara Daħla għal Bin Sira) huma l-kotba kollha tal-Bibbja (ara Mt 5:17). Imma l-liġi, it-Toràh, hi “l-Liġi ta’ Mosè” (u miżmuma li nkitbu minnu) jew il-Pentatewku (Mt 22:36; Lq 10:26).

It-Toràh, fil-Ġudajiżmu, ir-reliġjon Lhudija, fl-iktar sens wiesa’ tagħha, hija s-sustanza tar-rivelazzjoni divina lil Iżrael, il-poplu Lhudi: it-tagħlim jew il-gwida rivelati ta’ Alla għall-umanità. It-tifsira ta’ Toràh ħafna drabi hija ristretta biex tfisser l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja Ebrajka (Testment il-Qadim), imsejħa wkoll il-Liġi (jew il-Pentatewku, fil-Kristjaneżmu). Dawn huma l-kotba tradizzjonalment attribwiti lil Mosè, dak li rċieva r-rivelazzjoni oriġinali mingħand Alla fuq il-Muntanja Sinaj. Il-kanoni Lhudi, dak tal-Kattoliċi, tal-Ortodossi tal-Lvant, u tal-Protestanti kollha jaqblu dwar l-ordni tagħhom: Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju.

 

It-Toràh miktuba, fis-sens ristrett tal-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, hija ppreservata fis-sinagogi Lhud kollha fuq rombli tal-parċmina miktuba bl-idejn li joqogħdu ġewwa l-arka tal-Liġi, imsejħa ‘aròn’. Huma jitneħħew u jerġgħu lura f’posthom b’reverenza speċjali. Il-qari mit-Toràh jifforma parti importanti mis-servizzi liturġiċi Lhud.

It-terminu Toràh jintuża wkoll biex jindika l-Bibbja Ebrajka kollha. Peress li għal xi Lhud il-liġijiet u d-drawwiet mgħoddija permezz tat-tradizzjonijiet orali huma parti integrali mir-rivelazzjoni t’Alla lil Mosè, dawn jikkostitwixxu t-“Toràh orali jew bil-fomm”. It-Toràh hija mifhuma wkoll li tinkludi kemm il-Liġi Orali kif ukoll il-Liġi Miktuba.