LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Missier

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Fit-tradizzjoni biblika l-missier hu l-kap tal-familja bis-setgħat u d-drittijiet kollha fuq martu u fuq uliedu. Hekk turi l-istorja tal-patrijarki (Ġen 24:2ss; 28:l- 2; 32:10; 38:24; eċċ.) u l- istorja ta’ Iżrael kollha. II-familja kienet għalihom “dar il-missier” (bet-ab - Ġen 34:19). L-antenat il-kbir, il-patrijarka, kien ikkunsidrat bħala missier ir-razza jew il-linja kollha tal-familja (Ġen 21:12; 48:16). Id-dixxendenti tiegħu kienu wliedu jew nislu wkoll wara snin twal ta’ ġenerazzjonijiet (Ġw 8:39; Rum 11:1).

Minbarra s-sens tal-paternità fiżika u naturali jew “skont il-ġisem” (Rum 4:1), hemm ukoll l-aspett tal-paternità spiritwali jew skont l-ispirtu, dik li minnha Ġesù qal lil-Lhud: “Kieku kontu wlied Abraham, kontu tagħmlu bħalma għamel Abraham ” (Ġw 8:39). Ulied Abraham fis-sens li jkunu jixbhuh f’għemilu u fl-ispirtu tiegħu. Hu f’dan is-sens li minħabba fi Kristu dawk kollha li jemmnu fih, il-pagani wkoll isiru wlied Abraham (Mt 3:9; 8:11). Hu fdan is-sens li aħna l-insara aħna wkoll ulied Abraham (Gal 3:7-9; Rum 4:12). Hekk fi Kristu u permezz tiegħu seħħet il-wegħda ta’ Alla lil Abraham: “Jitbierku bih it-tribujiet kollha tal-art” (Ġen 12:4; Gal 3:8).

Imma l-veru Missier ta’ kulħadd hu Alla nnifsu. Lil Alla nsejħulu “Missier”, b’analoġija mal-missirijiet tagħna skont il-ġisem. Imma dan hu titlu li nagħtuh aħna ta’ bnedmin li aħna, għax jixraqlu tassew. “Minnu tieħu isimha kull familja” (patrià - Ef 3:15). Hu l-għajn ta’ kull xorta ta’ paternità. Hu l-ewwel “Missier” ta’ kollox u ta’ kulħadd. L-ewwelnett bħala Ħallieq, li minnu ġej kollox. Hu Missier il-ħajja - ta’ kull ma jeżisti u kull ma jgħix, iżda l-aktar tal-bniedem (Ġen 1:27; 5:1-2; ara Lq 3:23-38). F’dan is-sens ġenerali l-bnedmin kollha huma wliedu u huma lkoll aħwa fih. U saħansitra l-ħlejjaq l-oħra, li bih kollha saru, huma wliedu u huma “ħutna”. Alla hu b’mod speċjali Missier Iżrael bħala poplu. Hu sawru u għamlu l-poplu tiegħu. Hu ħarsu u mexxieh mill-ħruġ mill-Eġittu sa l-art imwiegħda (Eż 4:22; Dt 32:6:18-19; Is 63:16; 64:7). Lil Iżrael Alla ħabbu bħalma missier iħobb lil ibnu (Hos 11:3-8; Ġer 3:19; 31:20). Hu f’dan is-sens li l-Lhud aktar tard kienu jsejħu lil Alla “Missierna” fit-talb tagħhom (Is 63:16; 64:7; Tob 13:4).

Fil-kultura tal-popli ġirien ta’ Izrael is-slaten kienu miżmumin bħala wlied l-allat. Din il-mentalità għaddiet ukoll għal għand Izrael. Is-sultan ta’ Izrael kien bin Alla mhux għax imnissel minnu, kif kienu jemmnu l-oħrajn, iżda għax kien magħżul u maħbub minnu; u hu, is-sultan, kien isaltan fuq il-poplu f’isem il-Mulej Alla (2 Sam 7:14-15; Salm 2:7).

Kien aktar tard li l-bniedem tajjeb beda jissejjaħ “bin Alla”, u għalhekk beda jingħad li kellu ’1 Alla b’Missieru, fis-sens li Alla kien iħobbu b’mod speċjali, kien jieħu ħsiebu u jħarsu mill-għedewwa tiegħu (Prov 3:12; Sir 23:1-4; Għerf 2:13-18; 5:5). Dan il-ħsieb narawh imfisser ukoll fl-ismijiet propji li naqraw fil-Bibbja: Eli-jah (Alla tiegħi missier), Ab-salom (Missier is-Sliem), Ab-ija (Missieri Jaħweh), Ab-raham (“ Missier ħafna ġnus”, skont Ġen 11:26).

Imma r-rivelazzjoni sħiħa ta’ Alla bħala Missier kienet riservata għat-Testment il-Ġdid. Kien Ġesù Kristu li rrivelalna li Alla hu Missier tassew - Missieru u Missierna (ara Ġw 1:18; 17:6.26). L-Evanġelji juruna li Ġesù tkellem ħafna fuq Alla bħala Missier. Is-Sinottiċi juruh l-aktar bħala Missier il-bnedmin kollha, l-aktar tal-ġemgħa ċkejkna tiegħu, għax iħobbhom, jieħu ħsiebhom u jipprovdilhom dak li jeħtieġu (Mt 6:26.32; 7:11; Lq 11:13; 15:11-32). Min-naħa tagħhom huma għandhom jixbhuh fl-imġiba tagħhom ma’ ħuthom bl-imħabba u l-ħniena għax l-ulied għandhom jixbhu lil missierhom (Mt 5:44-48; 18:33; Lq 6:36; ara Ef 5:1).

L-aqwa rivelazzjoni tal-paternità ta’ Alla hi dik fejn Ġesù tkellem fuq Alla bħala Missieru u fuqu nnifsu bħala l-veru Iben ta’ Alla. Skont l-Evanġelisti, Ġesù kien attent li ma jiftiehemx ħażin li Alla hu Missieru u Missier id-dixxipli tiegħu bl-istess mod u xorta waħda. Għalih nnifsu kien jgħid, “Missieri” (Mt 7:21; 11:27; Lq 2:49; 10:21; 22:29), lill-oħrajn “Missierkom” (Mt 5:45; Lq 12:32; Ġw 20:17). L-istess kien jitkellem minnu nnifsu bħala “l-Iben”, il-maħbub, l-għażiż (Mk 13:32; 12:6 par; ara 9:7 par), u mill-oħrajn bħala wlied (Mt 6:45; Lq 6:35). Hu l-aktar fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li Ġesù hu ppreżentat bħala l-veru Iben ta’ Alla, l-Iben il-waħdieni ta’ Alla (1:14.18; 3:16.18) u għalhekk jingħad ukoll li Alla hu Missieru tassew. Ġesù, l-Iben, hu ħaġa waħda mal-Missier, fir-rieda, fil-ħidma u fil-glorja (Ġw 5:30; 17:1-4). Alla hu tassew Missier Ġesù, għax Ġesù hu l-Verb li kien miegħu sa minn qabel ma saret id-dinja (1:14.18; 17:5) Hu f’dan is-sens li Alla hu “Missier Sidna Ġesù” (Rum 15:6; 2 Kor 1:3; Ef 1:3; 1 Pt 1:3).

Fit-tagħlim ta’ San Ġwann kif ukoll f’dak ta’ San Pawl tidħol ukoll bħala element ewlieni t-tema tal-bnedmin bħala wlied Alla: għax hu Missierhom f’Ibnu Ġesù Kristu. Iżda t-tnejn, Ġwanni u Pawlu, imorru ’1 quddiem ħafna aktar mis-Sinottiċi. Skont dawn it-tnejn, Alla hu Missierna mhux biss għax ħalaqna u jieħu ħsiebna, iżda għax għamilna wliedu tassew (1 Ġw 3:1). Bħala bnedmin skont il-ġisem aħna wlied il-bnedmin; imma skont l-Ispirtu, bit-twelid il-ġdid sirna wlied Alla (Ġw 1:12-13; 3:3-5). Din hi l-grazzja tal-adozzjoni kif ifissirha San Pawl; Alla adottana b’uliedu; f’Ġesù Kristu, l-Iben naturali tiegħu, għamilna wlied adottivi tiegħu u tana s-setgħa li nsejħulu: “Abbà! Missier” (Rum 8:15-17; Gal 4:4-6). Hekk aħna l-insara fl-għaqda tagħna ma’ Ġesù, il-veru Iben ta’ Alla, sirna wlied adottivi ta’ Alla u, kif awtorizzana l-istess Iben ta’ Alla, nistgħu nsejħulu, “Missierna li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9).