LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Liġi

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Għall-poplu ta’ Iżrael il-Liġi kienet kollox. Kienu jemmnu li kienet ġejja minn Alla. Hu kien tahielhom biex tkun għalihom ir-regola tal-ħajja, biex bil-ħarsien tagħha jimxu sewwa fir-relazzjonijiet tagħhom miegħu u bejniethom. Jibża’ minn Alla min iħares il-Liġi. Min hu bla Liġi hu wkoll bla Alla. Għalhekk l-awturi tal-Kotba Mqaddsa jitkellmu ħafna fuq il-Liġi, ifaħħruha u jħajru l-poplu biex iħarisha bir-reqqa.

Il-kelma biblika għal-Liġi bil-Lhudi hi Toràh (bil-Grieg, nòmos) li, kif jaħsbu, ġejja mill-għerq jaràh, “titfa’”, bħal min jitfa’ x-xorti biex jagħraf xi ħaġa, jew bħal min itajjar il-vleġġa; minn dan l-ewwel sens ħareġ is-sens l-ieħor ta’ “turi” jew “tgħallem”. Dan hu s-sens li joqgħod tajjeb għal-Liġi tal-Mulej. Hemm ukoll kelmiet oħra għal-Liġi: ’edòt, “preċetti”, “xhieda”; derakìm, “triqat”; piqqudìm, “preċetti’’; ħuqqòt, “kmandamenti”, “statuti’’; miswòt, “kmandamenti; mixpatìm, “digrieti”, “ġudizzji”, dabàr, “kelma. Dawn il-kelmiet insibuhom kollha fis-Salmi 119 u 19,8-10. Kull waħda tagħti tifsira speċjali lil-Liġi ta’ Alla. Fil-Bibbja Lhudija it-Toràh hi l-Pentatewku, l-ewwel ħames kotba. Dawn huma l-kotba tal-Liġi. Il-kontenut tagħhom, fil-biċċa l-kbira, hu kollu liġijiet, ordnijiet u kmadnamenti li, kif juruhom l-awturi, ngħataw lil Iżrael minn Alla permezz ta’ Mosè. L-ewwel u l-aqwa, “l-Għaxar Kmandamenti (Eż 20,2-17; Dt 5,6-21). Imbagħad, liġijiet ta’ kull xorta għal kull qasam tal-ħajja: ġuridiċi, soċjali, familjari, ekonomiċi u kulturali dwar il-ħajja reliġjuża tal-poplu. Għalkemm kienu jsejħulha “il-Liġi ta’ Mosè, dan ma jfissrix li l-liġijiet tal-Pentatewku, kif inhuma fil-Bibbja, inkitbu kollha minn Mosè. L-istorja kritika tal-Pentatewku turi li matul iż-żmien il-Liġi jew il-liġijiet għaddew minn fażi ta’ żvilupp kontinwu forsi saż-żmien ta’ Esdra wara l-eżilju tal-Babilonja (Neħ 8). Mal-liġijiet mibdija minn Mosè saru żjiediet jew tnaqqsu minnhom xi partijiet u ngħataw tifsiriet. Imma t-Toràh baqgħet dejjem tissejjaħ “il-Liġi ta’ Mosè”.

Il-ħsieb tat-Toràh jiddomina fil-kotba l-oħra tat-Testment il-Qadim. Billi l-Patt, li l-Mulej għamel ma’ Iżrael kien marbut mal-ħarsien tal-Liġi tiegħu, il-profeti, li kienu jwissu lill-poplu biex iżommu l-kelma li taw lill-Mulej, kienu jħeġġuhom ukoll biex joqogħdu għall-kmandamenti tiegħu (Lev 26,3-13; Dt 28,1-14). Ġeremija sejjaħ il-Liġi “il-kelma tal-Patt” (Ġer 11,1). Profeti oħra jwiddbu lil dawk li kienu jonqsu minnha u jhedduhom bil-kastig (Eżek 22,1-16.26; Hos 4,1 -6; 9,12; eċċ.) U għall-awturi tal-kotba tal-Għerf l-għaref tassew hu minn jgħożż il-Liġi tal-Mulej u jħarisha bir-reqqa kollha (Sir 24,23-29).

Il-Lhud ta’ żmien Ġesù kienu mehdijin għal kollox bil-Liġi ta’ Mosè, l-aktar il-Fariżej li, kif nafu mill-Evanġelji, kienu marbutin għal kollox mal-Liġi u waqgħu fil-jasar tagħha. Fuq hekk kien ikollhom xi jgħidu ħafna ma’ Ġesù u aktar tard mad-dixxipli tiegħu. Ġesù ma kienx kontra l-Liġi; hu ma ġiex iwaqqagħha, iżda biex iwassalha għall-perfezzjoni (Mt 5,17). Mhux kontra l-Liġi kien, iżda kontra l-interpretazzjoni li l-Fariżej kienu jagħtu lil-Liġi. Kien kontra l-formaliżmu u l-legaliżmu tagħhom. Hu b’dan il-mod li Ġesù wassal il-Liġi għall-perfezzjoni jew qegħedha f’postha skont il-pjan ta’ Alla, l-Awtur tagħha. Ġesù ta libsa ġdida lil-Liġi ta’ Alla, meta libbisha bil-liġi tiegħu. Hekk waqqaf il-liġi l-ġdida, il-liġi tal-imħabba. Dan hu l-ewwel u l-aqwa kmandament tal-Liġi l-qadima, li fuqu wkoll hi mibnija l-liġi l-ġdida (Mk 12,28-34 par; Mt 7,12). Fil-liġi l-ġdida ta’ Ġesù Kristu kmandament wieħed hemm – tal-imħabba (Ġw 13,34; 15,17). Issa hu fid-dawl ta’ dan il-kmandament ta’ Ġesù li għandna ninterpretaw il-Liġi tat-Testment il-Qadim. Il-liġijiet u l-kmandamenti l-oħra kollha jkollhom valur biss jekk jaqblu mal-kmandament ta’ Ġesù Kristu. Issa l-Liġi u l-Profeti ntemmu u seħħu fil-liġi ta’ Kristu (Lq 16,16 par). Mosè għadda żmienu; floku daħal Mosè l-ġdid, Ġesù Kristu (Mt 17,5 par; 7,21-24; 23,10). Kif Ġesù hu l-medjatur tal-Patt il-Ġdid (Lhud 9,15), hekk ukoll hu l-awtur tal-liġi l-ġdida mfissra fl-Evanġelju tiegħu u fit-tagħlim tal-Appostli tiegħu (ara Rum 13,8-10; Gal 5,14). Għall-ewwel insara li ġew min-naħa tal-Lhud, bħalma kienu dawk tal-ewwel komunità f’Ġerusalemm, il-ħarsien tal-Liġi u tal-kmandamenti tagħha, sakemm ma kinux imorru kontra l-ispirtu ta’ Ġesù Kristu, ma kellux fhiex ifixkilhom. Aċċettaw lil Ġesù Kristu u l-Evanġelju tiegħu u baqgħu jimxu wkoll mal-Liġi ta’ Mosè (Atti 2,46; 5,13; 18,18; 21,23-24). Il-problema serja nqalgħet meta bdew deħlin ukoll il-pagani fil-Knisja u l-Lhud insara dehrilhom li dawn ukoll kellhom joqogħdu għal-liġi taċ-ċirkonċiżjoni u għal-liġijiet l-oħra ta’ Mosè (Atti 15,1-5). Il-kwistjoni nqatgħet fil-“Konċilju ta’ Ġerusalemm”, fejn ġie deċiż li l-pagani li jsiru nsara ma kellhomx jiġu obbligati għal-Liġi ta’ Mosè (Atti 15,7-29). Imma l-Lhud ta’ rashom iebsa baqgħu jżommu l-fehma tagħhom u jgħallmu lill-pagani nsara li, jekk ma jħarsux il-Liġi, ma setgħux isalvaw.

San Pawl ħadha bl-aħrax kontrihom u beda jgħallem li “l-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu” (Gal 2,15; Rum 3,28). San Pawl ma kienx kontra l-Liġi, li “hi qaddisa” (Rum 7,12.14), imma kien kontra t-tagħlim ta’ dawk li kienu jgħidu li l-ħarsien tagħha kien meħtieġ għas-salvazzjoni. Issa, fil-Patt il-Ġdid, Ġesù Kristu hemm u mhux Mosè, l-Evanġelju ta’ Kristu u mhux il-Liġi ta’ Mosè. L-iskop tal-Liġi kien li tmexxi l-bniedem lejn Kristu - “biex inkunu ġġustifikati permezz tal-fidi. Issa, li l-fidi ġiet, ma naħtiġux aktar min imexxina” (Gal 3,24- 25).

Dan ma jfissirx li l-insara huma nies “bla liġi”. Huma meħlusa mil-liġijiet ġuridiċi u ritwali tat-Testment il-Qadim, iżda huma marbuta bil-“liġi ta’ Kristu” (Gal 6,2); Kristu nnifsu hu l-liġi tagħhom (1 Kor 9,21). Kristu bl-Evanġelju tiegħu. In-nisrani hu marbut ukoll bil-Kmandamenti ta’ Alla. Imma għandu jħarishom skont l-ispirtu tal-Evanġelju, u għalhekk b’reqqa u perfezzjoni akbar (Mt 5,17-48) – bil-qawwa tal-imħabba, li hu “l-milja tal-liġi’’ (Rum 13,10). Din hi l-liġi ta’ Kristu. Din hi l-liġi tan-nisrani.