LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ħobż

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-ħobż hu l-element ewlieni fl-ikel tagħna ta’ kuljum. Għalhekk sar ifisser mhux il-ħobż biss, iżda l-ikel kollu u dak li hu meħtieġ għall-għixien tal-bniedem. F’dan is-sens nitolbu, kif għallimna l-Mulej Ġesu, “il-ħobż tagħna ta’ kuljum” (Lq 11:3; Mt 6:11). Il-ħobż, li jfisser il-meżżi kollha meħtieġa għall-għixien tagħna, hu don tal-providenza ta’ Alla. Għalkemm ikollna niksbuh bl-għaraq ta’ ġbinna (Ġen 3:19), hu dejjem Alla li jogħġbu jipprovdihulna. Għalhekk għandna nitolbuhulu kuljum.

Il-ħobż kien imdaħħal sewwa wkoll fil-qima li l-Lhud kienu jagħtu lil Alla. Fit-tempju, fuq il-mejda tad-deheb, kienu jqiegħdu “l-ħobż tal-preżenza.” Dawn kienu tnax-il ħobża li l-qassisin kienu jqiegħdu kull nhar ta’ Sibt “quddiem il-Mulej” bħala offerta ta’ qima mit-tnax-il tribu ta’ Iżrael. Kienu simbolu tal-għaqda bejn Alla u l-poplu tiegħu. Mbagħad is-Sibt kienu jitneħħew u jittieklu mill-qassisin, u kienu jqiegħdu tnax oħra flokhom (Lev 24:5- 9; 1 Sam 21:5 ss.). Kienu joffru wkoll żewġ ħobżiet tal-qamħ il-ġdid f’Għid il-Ħamsin bħala att ta’ ringrazzjament lil Alla (Lev 23:17, Eż 34:22 ). Mbagħad ukoll il-ħobż bla ħmira fil-festa tal-ażżmi (Eż 23:15; 34:18).

Fis-sens metaforiku l-kelma ta’ Alla hi mxebbha lill-ħobż (Għan 8:11; Dt 8:3; Mt 4:4). Hekk ukoll il-kelma ta’ Alla u l-Għerf tiegħu huwa l-ħobż bnin tal-mejda tal-Mulej (Is 55:1-2; Prov 9:5- 6; Sir 24:19-22). Ġesu wkoll sejjaħ lilu nnifsu “il-ħobż tal-ħajja”, kif hu tassew, sew bil-kelma tiegħu (Ġw 6:34-50) u sew bl-Ewkaristija (Ġw 6:5l-58). San Ġwann ra s-simbolu ta’ Ġesů bħala l-ħobż tal-ħajja fil-miraklu tat -tkattir tal-ħobż (Ġw 6:1-15). Bil-kliem ta’ Ġesů fl-aħħar ikla tiegħu mad-dixxipli l-ħobż sar ġismu tassew (Mt 26:26 par); sar is-sagrament tal-għaqda tal-insara miegħu u tagħhom ilkoll flimkien (1 Kor 10:16-17; 11: 23- 26). Dan hu l-ħobż tal-ħajja tagħna!