LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ġustizzja – Ġustifikazzjoni

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma “ġustizzja”  fil-Bibbja fiha diversi aspetti. B’din il-kelma aħna ġeneralment nifhmu dik il-virtù sabiħa li ġġegħelna nagħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, dak li bi dritt hu tiegħu. Din hi l-ġustizzja kommutattiva jew legali. Il-ġustizzja biblika fiha dan is-sens ukoll, sew għall-ġustizzja ta’ Alla bħala attribut tiegħu (Atti 17:31; Rum 14:10; 2 Kor 5:10) u sew bħala virtù fil-bniedern (Mk 12:17; Rum 13:7).

Imma s-sens sħiħ u veru tal-ġustizzja fil-Kotba Mqaddsa, sew tat-Testment il-Qadim u sew tat-Testment il-Ġdid, hu dak tas-sewwa, qdusija, rettitudni, perfezzjoni. Il-kelma Lhudija hi zedakàh. Din hi fuq kollox attribut ta’ Alla u qabel kulħadd propjetà tiegħu. Hu waħdu ġust tassew: “ġust il-Mulej u jħobb il-ġustizzja” (Salm 11:7). Il-bniedem hu wkoll ġust (zadìk) jekk jimxi sewwa u bir-reqqa mal-liġi ta’ Alla (Ġob 22:3; 34:5; 35:7; Salm 1:5; 5:13).

Hekk ukoll il-ġustizzja fit-Testment il-Ġdid, imfissra bil-kliem dikaiosùne, dìkaiosis, dikàioma (sinonimi b’differenzi żgħar bejniethom). II-ġust (dìkaios) hu l-bniedem li jagħmel is-sewwa u jimxi bir-reqqa skont il-ligi ta’ Alla (1 Ġw 3:7; Mt 1:10; 23:35; Lq 1:6; 2:25). II-ġustizzja hi l-ħajja tal-bniedem ġust u qaddis; hi l-imġiba tiegħu li taqbel f’kollox mar-rieda u l-Liġi ta’ Alla. Għalhekk, l-espressjoni “tagħmel il-ġustizzja” (Mt 5:10.20; 6:1.33; eċċ.) tfisser “tagħmel is-sewwa” jew “tagħmel it-tajjeb”.

L-istess kelma Griega (dikaiosùne), li tfisser ‘ġustizzja’, fit-teoloġija ta’ San Pawl,  tfisser  ukoll  id-don tal-ġustifikazzjoni, li bih Alla jiġġustifikana jew jagħmilna (mhux biss jiddikjarana) ġusti quddiemu minħabba 1-fidi tagħna fi Kristu (Rum 3:21-26; 5:17-21).

Din hi, skont San Pawl, il-ġustizzja ta’ Alla. Mhijiex biss 1-attribut tiegħu li bih jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu, li, kif nifhmu aħna, jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena, imma hi pjuttost ir-rieda tajba ta’ Alla li bl-inizjattiva tiegħu jrid isalva l-bniedem u jsalvah mhux għall-opri tajba li jista’ jagħmel iżda bil-grazzja tiegħu minħabba f’Ibnu li bagħat fid-dinja, “biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

Hu fil-ġustizzja tiegħu li Alla jiġġustifikana, jiġifieri, jagħmilna ġusti quddiemu bil-grazzja tal-maħfra ta’ dnubietna. F’dan is-sens il-ġustizzja ta’ Alla hi l-wirja tal-ħniena u l-imħabba tiegħu lejna.

“Alla  ried juri l-ġustizzja tiegħu f’dan iż-żmien ħalli juri li hu ġust u jiġġustifika wkoll lil min jgħix bil-fidi f’Ġesù” (Rum 3:25-26; 5:8; 11:6). Alla jagħmilna ġusti, għax hu nnifsu ġust u ħanin fl-istess ħin; hu “għani fil-ħniena” (Ef 2:4).

 

Mat-tema tal-ġustizzja norbtu ħaġa waħda l-azzjoni ta’ Alla tal-ġustifikazzjoni.

Il-ġustifikazzjoni hi tema importanti ħafna fit-teoloġija biblika, l-aktar fit-tagħlim ta’ San Pawl. Il-kelma tagħna (mil-Latin iustificatio) tittraduci 1-kelma Griega dikaiosùne.

Fit-Testment il-Qadim il-kelma Lhudija hi zedakàh, mill-għerq zadàk (bħall-Malti, “seddaq”) u tfisser is-sewwa, ir-rettitudni, il-ġustizzja. Zadìk hu l-bniedem ġust, rett, tal-affari tiegħu; bil-Grieg dìkaios (ara Mt 1:19; Lq 1:6; 2:25).

Imma Alla waħdu  hu ġust. Ebda bniedem ma hu ġust quddiemu (Salm 143:2; 130:3). Madankollu 1-bniedem, għalkemm midneb u ħati, jista’ jiġi ġġustifikat mhux minnu nnifsu, iżda min-naħa ta’ Alla (Rum 8:30.33).

Hawnhekk tidħol id-duttrina ta’ San Pawl fuq il-ġustifikazzjoni tal-bniedem permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu. Il-Lhud ta’ żmienu kienu jemmnu li l-bniedem seta’ jikseb il-ġustifikazzjoni bil-ħarsien tal-liġi ta’ Mosè, bħall-Fariżew tal-parabbola (Lq 18:11-12). Hekk baqgħu jemmnu l-Lhud li kienu saru nsara u hekk riedu li 1-pagani li kienu jikkonvertu kellhom joqogħdu għal-liġi ta’ Mosè biex isalvaw (Atti 15:1).

Pawlu ħadha kontrihom b’qawwa kbira, u ddikjara bi kliem ċar li “l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr 1-opri tal-liġi” (Rum 3:28). Dan hu t-tagħlim ewlieni u fundamentali ta’  San Pawl; hu l-Evanġelju tiegħu  (Gal  1:6-11). “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesu” (Rum 3:21-24). B’daqshekk ma jfissirx li l-bniedem m’għandux jagħmel ħiltu biex iwettaq opri u għamejjel tajba. Meta jagħmel għemejjel tajba jqis biss li jkunu frott tal-fidi f’Ġesù, u mhux bil-maqlub: għemejjel tajba biex tinkiseb il-ġustifikazzjoni.

Mela l-bniedem jikseb il-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu. Bil-fidi jingħaqad ma’ Kristu u hekk jgħix miegħu u bih (Gal 2:20). Ġesù waħdu hu “il-Ġust” (Atti 3:14).  Kull bniedem li jingħaqad miegħu, għalkemm minnu nnifsu midneb, bih, miegħu u minħabba fih, isir ġust quddiem Alla. Minnu nnifsu l-bniedem, li hu ħati, ħaqqu l-kundanna (Ef 2:3). Imma minħabba fi Kristu u għall-merti tiegħu Alla jaħfirlu ħtijietu, jagħmlu ġust u jilliberah mill-kundanna. Din hi 1-azzjoni tal-imħallef, kif tfisser ukoll il-kelma dikaiosùne, li hi kelma tal-qrati. Imma Pawlu jara l-ġustifikazzjoni tal-bniedem aktar bħala opra tal-ħniena u l-imħabba ta’ Alla milli tal-ġustizzja tiegħu.

“Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu” (Ef 2:4). Alla f’lbnu Ġesu “ried juri 1-ġustizzja tiegħu f’dan iż-żmien ħalli juri li hu ġust u jiġġustifika wkoll lil min jgħix bil-fidi f’Ġesù” (Rum 3:26). F'dan is-sens il-ġustizzja ta’ Alla mhijiex għall-kundanna tal-bniedem ħati, iżda għall-maħfra tiegħu jew għall-ġustifikazzjoni tiegħu quddiemu.

Il-kunċett bibliku tal-ġustifikazzjoni niġbruh f’dawn il-punti:

a)  il-ġustifikazzjoni hi l-opra ta’ Alla li lill-bniedem, għalkemm ħati, jiddikjarah ġust u jilliberah mill-kundanna li ħaqqu;

b) dan jagħmlu mhux għall-merti tal-bniedem - għax iħares il-liġi jew għal xi opri tajba tiegħu - iżda għall-merti ta’ lbnu Ġesù Kristu (Rum 3:22-26);

ċ) il-bniedem jikseb il-ġustifikazzjoni bil-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu, li biha jingħaqad miegħu u jgħix il-ħajja tiegħu (Ef 2:6-7; 3:17);

d) il-ġustifikazzjoni hi “don ta’ Alla”, mogħti bil-grazzja tiegħu. Hi aspett ieħor tas-salvazzjoni tagħna fi Kristu Ġesù. Fiha tiġbor il-maħfra ta’ dnubietna (Rum 3:24-25; Kol 2:13-14; Ef 1:7), ir-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla (2 Kor 5:18-21; Ef 3:12; Kol 1:22-23); 1-adozzjoni tal-ulied ta’ Alla (Rum 8:14-17; Gal 4:4-7) u l-ħajja fl-Ispirtu s-Santu (Rum 8:1-30).

Fi ftit kliem, bil-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu niksbu 1-barkiet kollha tas-sema li Alla jagħtina minħabba fih (Rum 8:28-30; Ef l:3-14).