Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 28 ta’ Jannar 2009

 

San Pawl (19)

Il-viżjoni teoloġika tal-Ittri Pastorali

 

Għeżież ħuti,

 

L-aħħar Ittri tal-epistolarju Pawlin, li dwaru nixtieq nitkellem illum, huma msejħa Ittri Pastorali, għax intbagħtu lil figuri individwali ta’ Ragħajja tal-Knisja: tnejn lil Timotju u waħda lil Titu, kollaboraturi stretti ta’ San Pawl. F’Timotju l-Appostlu ra kważi alter ego; fil-fatt hu fdalu missjonijiet importanti (fil-Maċedonja: ara Atti 19:22; fit-Tessalonika: ara 1 Tess 3:6-7; f’Korintu: ara 1 Kor 4:17; 16:10-11), u mbagħad kiteb dwaru eloġju li jpaxxi l-widna: “’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa” (Fil 2:20). Skont l-Istorja ekkleżjastika ta’ Ewsebju ta’ Ċesarija, tar-IV seklu, Timotju mbagħad kien l-ewwel Isqof ta’ Efesu (ara 3:4). Imbagħad jekk niġu għal Titu, anki hu kien għażiż ħafna għall-Appostlu, li jsemmi espliċitament “iż-żelu li għandu għalikom” u jsejjaħlu “sieħbi u ħaddiem miegħi għalikom” (2 Kor 8:17,23), anzi “ibni veru fil-fidi tagħna lkoll” (Tit 1:4). Hu kien ġie mqabbad għal numru ta’ missjonijiet delikati ħafna fil-Knisja ta’ Korintu, li r-riżultat tagħhom kien ta’ faraġ kbir għal Pawlu (ara 2 Kor 7:6-7,13; 8:6). Imbagħad, minn dak li nafu, Titu mar ħdejn Pawlu f’Nikopoli fl-Epiru, fil-Greċja (ara Tit 3:12), u mbagħad ġie mibgħut minnu d-Dalmazja (ara 2 Tim 4:10). Skont l-Ittra indirizzata lilu, jirriżulta li hu mbagħad kien Isqof ta’ Kreta (ara Tit 1:5).

 

L-Ittri indirizzati lil dawn iż-żewġ Ragħajja għandhom post għalkollox partikulari fi ħdan it-Testment il-Ġdid. Il-parti l-kbira tal-eseġeti llum huma tal-fehma li dawn l-Ittri ma nkitbux minn Pawlu nnifsu, imma l-oriġni tagħhom hi fl-“iskola ta’ Pawlu”, u tirrifletti l-wirt tiegħu għal ġenerazzjoni ġdida, forsi bl-integrazzjoni ta’ xi kitba qasira jew kelma tal-Appostlu nnifsu. Ngħidu aħna, xi kelmiet fit-Tieni Ittra lil Timotju tant jidhru awtentiċi li setgħu ħarġu biss mill-qalb u minn fuq fomm l-Appostlu.

 

Bla dubju s-sitwazzjoni tal-Knisja li toħroġ minn dawn l-Ittri hi differenti minn dik tas-snin ċentrali tal-ħajja ta’ Pawlu. Illum, meta nħarsu lura lejn dak li ħallielna, narawh ifisser lilu nnifsu bħala “xandar, appostlu, u mgħallem” tal-pagani fil-fidi u fil-verità (ara 1 Tim 2:7; 2 Tim 1:11); jippreżenta ruħu bħala wieħed li kiseb ħniena, għax Ġesù Kristu – hekk jikteb – “bija, bħala l-ewwel wieħed, juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem” (1 Tim 1:16). Għalhekk hu essenzjali li tassew f’Pawlu, persekutur ikkonvertit mill-preżenza tal-Irxoxt, jidher il-kobor tat-tjieba tal-Mulej b’inkuraġġiment għalina, biex iwassalna nittamaw u nafdaw fil-ħniena tal-Mulej li, minkejja ċ-ċokon tagħna, jista’ jagħmel ħwejjeġ kbar. Lil hemm mis-snin ċentrali tal-ħajja ta’ Pawlu jeħtieġ hawn nassumu wkoll x’kuntesti kulturali ġodda għex fihom. Fil-fatt hemm xi riferenzi għall-qawmien ta’ tagħlim li tqies għalkollox żbaljat u qarrieq (ara 1 Tim 4:1-2; 2 Tim 3:1-5), bħal dak ta’ min kien qed iżomm li ż-żwieġ mhuwiex ħaġa tajba (ara 1 Tim 4:3a). Nistgħu naraw kemm hu modern dan it-tħassib, għax illum ukoll xi drabi nsibu min jaqra l-Iskrittura bħala oġġett ta’ kurżità storika u mhux bħala kelma tal-Ispirtu s-Santu, li fiha nistgħu nisimgħu l-istess leħen tal-Mulej u nagħrfu l-preżenza tiegħu fl-istorja. Nistgħu ngħidu li, b’din il-lista qasira ta’ żbalji preżenti fit-tliet Ittri, jidher antiċipat xi ħjiel ta’ dak l-orjentament żbaljat li aktar tard deher taħt l-isem ta’ Njostiċiżmu (ara 1 Tim 2:5-6; 2 Tim 3:6-8).

 

L-awtur jaffronta dawn id-duttrini billi jfakkarna f’żewġ aspetti importanti. L-ewwel nett jistedinna għal qari spiritwali tal-Iskrittura Mqaddsa (ara 2 Tim 3:14-17), jiġifieri qari li jqisha tassew bħala “mnebbħa” u ġejja mill-Ispirtu s-Santu, hekk li minnha nistgħu niġu “mwassla għas-salvazzjoni”. Naqraw l-Iskrittura billi ġustament nidħlu fi djalogu mal-Ispirtu s-Santu, biex hekk minnu nieħdu dawl “biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa” (2 Tim 3:16). F’dan is-sens l-Ittra żżid: “biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba” (2 Tim 3:17). It-tfakkira l-oħra qiegħda fl-aċċenn għad-“depożitu” (parathéke) t-tajjeb: hija kelma speċjali tal-Ittri pastorali li biha jindikaw it-tradizzjoni tal-fidi appostolika li għandha tiġi mħarsa bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina. Dan l-hekk imsejjaħ “depożitu” għandu għalhekk jitqies bħala l-ġabra tat-Tradizzjoni Appostolika u bħala kriterju ta’ fedeltà għat-tħabbira tal-Vanġelu. U hawn irridu nżommu quddiem għajnejna li fl-Ittri Pastorali, bħal fit-Testment il-Ġdid kollu, il-kelma “Skrittura” tfisser espliċitament it-Testment il-Qadim, għax il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid jew kienu għadhom ma jeżistux jew kienu għadhom ma jagħmlux parti minn kanoni tal-Iskrittura. Għalhekk it-Tradizzjoni tat-tħabbira appostolika, dan id-“depożitu”, hu l-muftieħ biex naqraw u nifhmu l-Iskrittura, it-Testment il-Ġdid. F’dan is-sens, Skrittura u Tradizzjoni, Skrittura u xandir appostoliku bħala muftieħ tal-qari tagħna, joqorbu lejn xulxin u kważi jinħallu f’xulxin, biex flimkien isawru s-“sies qawwi, li Alla qiegħed” (2 Tim 2:19). It-tħabbira appostolika, jiġifieri t-Tradizzjoni, hi meħtieġa biex iddaħħalna fl-għarfien tal-Iskrittura u nilqgħu l-leħen ta’ Kristu. Fil-fatt hemm bżonn li nkunu “bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta’ min jemminha” (Tit 1:9), dik li taqbel mat-tagħlim li rċivejna. Fil-bażi ta’ kollox hemm proprju l-fidi fir-rivelazzjoni storika tat-tjieba ta’ Alla, li f’Ġesù Kristu wera tabilħaqq “imħabbtu għall-bnedmin”, imħabba li mhux ta’ b’xejn fit-test oriġinali Grieg hi msejħa filanthropía (Tit 3:4; ara 2 Tim 1:9-10); Alla jħobb lill-bnedmin.

 

Meta tħares lejn kollox flimkien, jidher tajjeb li l-komunità Nisranija bdiet tissawwar f’termini sretti ħafna, skont identità li mhux biss bdiet titbiegħed minn interpretazzjonijiet li ma jixirqux, imma fuq kollox tafferma li hi ankrata fil-punti essenzjali tal-fidi, li hawn hi sinonima ma’ “verità” (1 Tim 2:4,7; 4:3; 6:5; 2 Tim 2:15,18,25; 3:7,8; 4:4; Tit 1:1,14). Fil-fidi tidher il-verità essenzjali ta’ min aħna, min hu Alla, kif għandna ngħixu. U ta’ din il-verità (il-verità tal-fidi) l-Knisja hi msejħa “kolonna u pedament” (1 Tim 3:15). Hu x’inhu, hi tibqa’ komunità miftuħa, b’nifs universali, li titlob għall-bnedmin kollha ta’ kull ordni u grad, biex jaslu għall-għarfien tal-verità: “Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità”, għax “Kristu Ġesù ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2:4-6). Għalhekk is-sens tal-universalità, anki jekk il-komunitajiet għadhom żgħar ħafna, hu qawwi u determinanti għal dawn l-Ittri. Barra minn hekk, il-membri ta’ din il-komunità Nisranija “ma jkasbru ’l ħadd” u “jimxu bil-ħlewwa ma’ kulħadd” (Tit 3:2). Din hi karatteristika ewlenija importanti ta’ dawn l-Ittri: l-universalità u l-fidi bħala verità, bħala muftieħ biex naqraw l-Iskrittura Mqaddsa, it-Testment il-Qadim, u hekk insibu dik l-għaqda bejn tħabbira u Skrittura, u fidi ħajja, miftuħa għal kulħadd u li hi xhieda tal-imħabba ta’ Alla għal kulħadd.

 

Karatteristika oħra tipika ta’ dawn l-Ittri hi r-riflessjoni tagħhom fuq l-istruttura ministerjali tal-Knisja. Huma li għall-ewwel darba jippreżentaw it-taqsim tripliku ta’ isqfijiet, presbiteri u djakni (ara 1 Tim 3:1-13; 4:13; 2 Tim 1:6; Tit 1:5-9). Nistgħu nosservaw fl-Ittri pastorali t-taħlit bejn żewġ strutturi ministerjali differenti u għalhekk it-twaqqif tal-forma definittiva tal-ministeru tal-Knisja. Fl-Ittri Pawlini tas-snin ċentrali ta’ ħajtu, Pawlu jitkellem fuq “isqfijiet” (Fil 1:1), u fuq “djakni”: din hija l-istruttura tipika tal-Knisja msawra fi żmien id-dinja pagana. Tibqa’ għalhekk dominanti l-figura tal-appostlu nnifsu, u allura l-ministeri l-oħra jieħdu ż-żmien tagħhom biex jiżviluppaw ftit ftit.

 

Jekk, kif għidna, fil-Knejjes imsawra fid-dinja pagana għandna isqfijiet u djakni, u mhux presbiteri, fil-Knejjes imsawra fid-dinja Ġudeo-Kristjana l-presbiteri huma l-istruttura dominanti. Saflaħħar, fl-Ittri Pastorali ż-żewġ stutturi jingħaqdu flimkien: issa jidher “l-isqof” (ara 1 Tim 3:2; Tit 1:7), dejjem fis-singular, bl-artiklu determinattiv “l-isqof”. U ma’ “l-isqof” insibu l-presbiteri u d-djakni. Dejjem għadha determinanti l-figura tal-Appostlu, imma t-tliet Ittri, kif diġà għidt, huma indirizzati mhux iżjed lil komunità, imma lil persuni: Timotju u Titu, li minn banda jidhru bħala Isqfijiet, mill-oħra jibdew jieħdu post l-Appostlu.

 

Hekk għall-bidu ninnotaw realtà li iżjed tard tissejjaħ “suċċessjoni appostolika”. Pawlu lil Timotju jgħidlu b’ton ta’ solennità kbira: “Tinsiex il-grazzja li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis-saħħa tal-kliem tal-profezija u bit-tqegħid tal-idejn tal-presbiteri fuqek” (1 Tim 4:14). Nistgħu ngħidu li f’dawn il-kelmiet jidher fil-bidu tiegħu anki l-karattru sagramentali tal-ministeru. U hekk għandna l-essenzjal tal-istruttura Kattolika: Skrittura u Tradizzjoni, Skrittura u tħabbira, isawru ġabra waħda, imma ma’ din l-istruttura, biex ngħidu hekk duttrinali, trid tiżdied l-istruttura personali, is-suċċessuri tal-Appostli, bħala xhieda tat-tħabbira appostolika.

 

Fl-aħħar nett importanti ninnutaw li f’dawn l-Ittri l-Knisja tifhem lilna nfisha f’termini umani ħafna, f’xebh mad-dar u l-familja. Partikularment f’1 Tim 3:2-7 naqraw struzzjonijiet dettaljati ħafna fuq l-isqof, bħalma huma dawn: irid ikun “bniedem li ma ssibx xi tgħid fih; li jkun raġel ta’ mara waħda; li jkun meqjus, prudenti, serju; li jilqa’ l-barranin, jaf jgħallem; li ma jkunx mogħti għax-xorb; li ma jkunx vjolenti, imma ġwejjed; li ma jkunx ġellied, anqas rgħib għall-flus; li jkun raġel jaf imexxi tajjeb id-dar tiegħu; u li jżomm lil uliedu fl-ubbidjenza bir-rispett kollu. Għax jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi ’l daru stess, kif jista’ jieħu ħsieb il-Knisja ta’ Alla?… Għandu jkollu wkoll isem tajjeb mal-barranin”. Hawn irridu ninnutaw fuq kollx l-attitudni importanti għat-tagħlim (ara wkoll 1 Tim 5:17), li tagħha jinsab ukoll iżjed minn eku wieħed f’siltiet oħra (ara 1 Tim 6:2c; 2 Tim 3:10; Tit 2:1), u mbagħad karatteristika speċjali personali, dik tal-“paternità”. Fil-fatt l-isqof hu meqjus missier il-komunità Nisranija (ara anki 1 Tim 3:15). Mill-bqija l-idea ta’ Knisja bħala “dar ta’ Alla” għandha l-għeruq tagħha fit-Testment il-Qadim (ara Num 12:7) u nsibuha mill-ġdid f’Lhud 3:2,6, waqt li band’oħra naqraw li l-Insara kollha m’għadhomx iżjed barranin u lanqas frustieri, imma ċittadini mal-qaddisin u membri tal-familja u d-dar ta’ Alla (ara Efes 2:19).

 

Nitolbu lill-Mulej u lil San Pawl biex aħna wkoll, bħala Nsara, nistgħu dejjem iżjed nissawru, f’relazzjoni mas-soċjetà li fiha ngħixu, bħala membri tal-“familja ta’ Alla”. U nitolbu wkoll biex ir-ragħajja tal-Knisja jkollhom dejjem iżjed sentimenti paterni, ħelwa imma fl-istess ħin qawwija, fit-tiswir tad-Dar ta’ Alla, tal-komunità, tal-Knisja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard