Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 27 ta’ Awwissu 2008

 

San Pawl (2)

Il-ħajja ta’ San Pawl qabel u wara Damasku

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar katekeżi qabel il-btajjel – xahrejn ilu, fil-bidu ta’ Lulju – kont bdejt serje ġdida ta’ temi fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina, u rajna d-dinja li fiha għex San Pawl. Illum nixtieq nerġa’ naqbad u nissokta r-riflessjoni fuq l-Appostlu tal-ġnus, u nipproponi hawn bijografija qasira tiegħu. Billi l-Erbgħa li ġej se niddedikawh lill-ġrajja straordinarja li seħħet fit-triq ta’ Damasku, il-konverżjoni ta’ Pawlu, li wettqet żvolta fundamentali fil-ħajja tiegħu wara li hu ltaqa’ ma’ Kristu, illum ejjew nieqfu ftit fuq il-ġabra ta’ ħajtu kollha. Iż-żewġt itruf tal-bijografija ta’ Pawlu nsibuhom wieħed fl-Ittra lil Filemon, li fiha jgħid li hu “xwejjaħ” (Fm 9: presbýtes) u l-ieħor fl-Atti tal-Appostli, li fil-ħin tat-tħaġġir ta’ Stiefnu jikkwalifikawh bħala “żagħżugħ” (7,58: neanías). Hu ċar li dawn iż-żewġ indikazzjonijiet dwaru huma ġeneriċi, imma, skont il-kalkoli tal-qedem, “żagħżugħ” kien ir-raġel ta’ fuq it-tletin sena, waqt li “xwejjaħ” kien jissejjaħ meta jilħaq is-sittin. Id-data tat-twelid ta’ Pawlu tiddependi l-aktar mid-datazzjoni tal-Ittra lil Filemon. Tradizzjonalment il-kitba tagħha nqegħduha matul iż-żmien tiegħu fil-ħabs f’Ruma, lejn nofs is-snin 60. Pawlu aktarx twieled fis-sena 8, jiġifieri hawn kellu xi ftit jew wisq sittin sena, waqt li meta ħaġġru lil Stiefnu kellu 30. Din għandha tkun il-kronoloġija t-tajba. Ġiet magħżula s-sena 2008 għax ftit jew wisq id-data tat-twelid kienet is-sena 8. Hu x’inhu, hu twieled f’Tarsu taċ-Ċiliċja (ara Atti 22:3). Il-belt kienet il-kapitali amministrattiva tar-reġjun u fis-sena 51 qk kellha bħala Prokonslu lil ħadd inqas minn Marku Tullju Ċiċerun, waqt li għaxar snin wara, fis-sena 41, Tarsu kienet il-post tal-ewwel laqgħa bejn Mark Antonju u Kleopatra. Lhudi tad-djaspora, hu kien jitkellem il-Grieg anki jekk kellu isem ta’ nisel Latin, li imma kien jixbah l-oriġinal Lhudi Sawl/Saulos, u kellu l-unur li jġorr ċittadinanza Rumana (ara Atti 22:25-28). Lil Pawlu għalhekk insibuh fuq il-fruntiera bejn tliet kulturi differenti – Rumana, Griega, Lhudija – u forsi anki għalhekk kien disponibbli għal ftuħ universalistiku għammiel, għal medjazzjoni bejn il-kulturi, għal vera universalità. Hu tgħallem ukoll sengħa tal-id, li forsi wiritha minn missieru, li kienet tikkonsisti fil-mestier li “jagħmel it-tined” (ara Atti 18:3: skenopoiòs), li aktarx għandna nifhmuha bħala ħaddiem tas-suf aħrax tal-mogħoż jew tal-ħjut tal-għażel jew qasab biex jagħmlu l-ħsajjar jew it-tined (ara Atti 20:33-35). Meta kellu xi 12 jew 13-il sena, l-età li fiha t-tifel Lhudi jsir bar mitzvà (“bin il-liġi”), Pawlu ħalla Tarsu u mar Ġerusalemm biex jiġi edukat f’riġlejn ir-Rabbi Gamaljel ix-Xiħ, neputi tar-Rabbi kbir Hillel, skont l-aktar normi riġidi tal-Fariżejiżmu, u kiseb żelu kbir għat-Torah ta’ Mosè (ara Gal 1:14; Fil 3:5-6; Atti 22:3; 23:6; 26:5).

 

Fuq il-bażi ta’ din l-ortodossija qawwija li kien tgħallem fl-iskola ta’ Hillel, f’Ġerusalemm, fil-moviment ġdid imsemmi għal Ġesù Kristu lemaħ riskju, theddida għall-identità Ġudajka, għall-vera ortodossija ta’ missirijiethom. Dan jispjega l-fatt li hu kollu mkabbar “ippersegwita l-Knisja ta’ Alla”, kif jistqarr għal tliet darbiet fl-Ittri tiegħu (1 Kor 15:9; Gal 1:13; Fil 3:6). Anki jekk mhux faċli nimmaġinaw b’mod konkret fiex kienet tikkonsisti din il-persekuzzjoni, dan tiegħu kien atteġġjament ta’ intolleranza. U hawn isseħħ il-ġrajja ta’ Damasku, li għaliha se nerġgħu lura fil-katekeżi li jmiss. Żgur mhux forsi li, minn dakinhar ’il quddiem, ħajtu nbidlet ta’ taħt fuq u hu sar appostlu bla heda tal-Vanġelu. Fil-fatt, Pawlu baqa’ magħruf fl-istorja iktar għal dak li għamel bħala Nisrani, anzi bħala appostlu, milli bħala Fariżew. Tradizzjonalment il-ħidma appostolika tiegħu naqsmuha fuq it-tliet vjaġġi missjunarji tiegħu, li magħhom żdied ir-raba’ wieħed tat-tluq lejn Ruma bħala priġunier. Kollha jirrakkontahom Luqa fl-Atti. Imma dwar it-tliet vjaġġi missjunarji hemm bżonn niddistingwu l-ewwel wieħed mit-tnejn l-oħra.

 

Fil-fatt, tal-ewwel wieħed (ara Atti 13-14) Pawlu ma kellux ir-responsabbiltà diretta, li fil-verità kienet fdata liċ-Ċiprijott Barnaba. Flimkien huma telqu minn Antjokja fuq ix-xmara Oronti, mibgħuta minn dik il-Knisja (ara Atti 13:1-3), u, wara li baħħru mill-port ta’ Selewkja fuq il-kosta Sirjana, qasmu l-gżira ta’ Ċipru minn Salamina għal Pafos; minn hawn waslu fuq il-kosta ta’ isfel tal-Anatolja, illum it-Turkija, u messew mal-bliet ta’ Attilja, Perge tal-Pamfilja, Antjokja tal-Pisidja, Ikonju, Listra u Derbi, mnejn irritornaw għal mnejn kienu telqu. Hekk twieldet il-Knisja tal-popli, il-Knisja tal-pagani. U sadattant, fuq kollox f’Ġerusalemm, kienet qamet diskussjoni qawwija dwar sa liema punt dawn l-Insara ġejjin mill-paganiżmu kienu obbligati jidħlu wkoll fil-ħajja u fil-liġi ta’ Iżrael (diversi osservanzi u preskrizzjonijiet li jifirdu lil Iżrael mill-bqija tad-dinja) biex ikunu tassew parteċipi fil-wegħdiet tal-profeti u biex effettivament jidħlu fil-wirt ta’ Iżrael. Biex isolvi din il-problema fundamentali għat-twelid tal-Knisja futura tlaqqa’ f’Ġerusalemm l-hekk imsejjaħ Konċilju tal-Appostli, biex jiddeċiedi fuq din il-problema li minnha kien jiddependi mbagħad it-twelid effettiv ta’ Knisja universali. U qatgħuha li ma jimponux lill-pagani kkonvertiti l-osservanza tal-liġi ta’ Mosè (ara Atti 15:6-30): jiġifieri ma kinux obbligati għan-normi tal-Ġudaiżmu; l-unika ħtieġa kienet li jkunu ta’ Kristu, li jgħixu ma’ Kristu u skont kliemu. Hekk, jekk huma ta’ Kristu, huma wkoll ta’ Abraham, ta’ Alla u għandhom sehem mill-wegħdiet kollha. Wara din il-ġrajja deċiżiva, Pawlu nfired minn ma’ Barnaba, għażel għal miegħu lil Sila u beda t-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu (ara Atti 15:36-18:22). Wara li għadda mis-Sirja u ċ-Ċiliċja, reġa’ ra l-belt ta’ Listra, fejn ħa miegħu lil Timotju (figura importanti ħafna fil-Knisja tal-bidu, bin Lhudija u pagan), u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni, qasam l-Anatolja ċentrali u wasal fil-belt ta’ Troas fuq il-kosta ta’ tat-tramuntana tal-Baħar Eġew. U hawn seħħet mill-ġdid ġrajja importanti: fil-ħolm lemaħ wieħed mill-Maċedonja fuq in-naħa l-oħra tal-baħar, jiġifieri fl-Ewropa, li qallu: “Ejja u għinna!”. Kienet l-Ewropa futura li kienet qed titlob l-għajnuna u d-dawl tal-Vanġelu. Imqanqal minn din il-viżjoni, daħal fl-Ewropa. Minn hawn salpa lejn il-Maċedonja u hekk daħal l-Ewropa. Żbarka f’Neapoli, wasal Filippi, fejn waqqaf komunità sabiħa, imbagħad għadda għal Tessalonika, u, wara li telaq minn hawn minħabba l-inkwiet li ħolqulu l-Lhud, għadda mill-Berea, u wasal Ateni. F’din il-kapitali tal-kultura antika Griega pprietka, l-ewwel fl-Agorà u mbagħad fl-Arjopagu, lill-pagani u lill-Griegi. U d-diskors tal-Arjopagu, imniżżel fl-Atti tal-Appostli, huwa xempju ta’ kif tittraduċi l-Vanġelu f’kultura Griega, kif tfiehem lill-Griegi li dan Alla tal-Insara, tal-Lhud, ma kienx Alla barrani għall-kultura tagħhom imma l-Alla mhux magħruf imma mistenni minnhom, il-vera tweġiba għall-iktar mistoqsijiet profondi tal-kultura tagħhom. Imbagħad minn Ateni wasal Korintu, fejn waqaf għal sena u nofs. U hawn għandna ġrajja kronoloġikament żgura ħafna, l-aktar żgura mill-bijografija kollha tiegħu, għax f’din l-ewwel waqfa tiegħu f’Korintu kellu jidher quddiem il-Gvernatur tal-provinċja senatorjali tal-Akaja, il-Prokonslu Galljon, akkużat li qed ixerred kult illeġittmu. Fuq dan Galljon u ż-żmien tiegħu f’Korintu teżisti skrizzjoni antika li nstabet Delfi, fejn insibu li kien Prokonslu f’Korintu bejn is-snin 51 u 53. Għalhekk hawn għandna data assolutament żgura. Il-waqfa ta’ Pawlu f’Korintu seħħet f’dawk is-snin. Għalhekk nistgħu nissupponu li wasal ftit jew wisq fis-sena 50 u baqa’ hemm sat-52. Minn Korintu, imbagħad, għadda għal Kenkri, port fil-lvant tal-belt, telaq lejn il-Palestina u wasal Ċesarija Marittima, mnejn tela’ lejn Ġerusalemm biex imbagħad reġa’ mar Antjokja fuq l-Oronti.

 

It-tielet vjaġġ missjunarju (ara Atti 18:23-21:16) beda bħal dejjem f’Antjokja, li kienet saret il-punt tal-oriġni tal-Knisja tal-pagani, tal-missjoni mal-pagani, u kienet ukoll il-post fejn twieled it-terminu “Kristjani”. Hawn għall-ewwel darba, jgħidilna San Luqa, id-dixxipli ta’ Ġesù ssejħu “Kristjani”. Minn hemm Pawlu telaq dritt lejn Efesu, kapitali tal-provinċja tal-Asja, fejn waqaf għal sentejn, u żvolġa ministeru li ħalla riperkussjonijiet għammiela fuq ir-reġjun. Minn Efesu Pawlu kiteb l-Ittri lit-Tessalonkin u lill-Korintin. Imma l-popolazzjoni tal-belt ġiet mimlija bl-għadab kontrih mill-arġentiera tal-post, li raw jonqos id-dħul tagħhom minħabba li beda jiċkien il-kult ta’ Artemide (it-tempju ddedikat lilha f’Efesu, l-Artemysion, kienet wieħed mis-seba’ meravilji tad-dinja tal-qedem); għalhekk kellu jaħrab lejn it-tramuntana. Reġa’ qasam il-Maċedonja, niżel mill-ġdid il-Greċja, aktarx Korintu, u baqa’ hemm tliet xhur fejn kiteb l-Ittra ċelebri lir-Rumani.

 

Minn hawn reġa’ lura fuq l-istess passi tiegħu: reġa’ għadda l-Maċedonja, bil-baħar mar Troas u mbagħad, wara li mess kemm kemm il-gżejjer ta’ Mitileni, Kijos, Samos, wasal Miletu fejn għamel diskors importanti lill-Anzjani tal-Knisja ta’ Efesu, u hekk wera li hu ragħaj veru tal-Knisja (ara Atti 20). Minn hawn reġa’ telaq bil-ġifen lejn Tir, mnejn wasal Ċesarija Marittima biex tela’ għal darb’oħra mill-ġdid Ġerusalemm. Hawn ġie arrestat minħabba diżgwid: xi Lhud kienu ħasbu pagani xi Lhud oħra ta’ oriġni Griega, li Pawlu kien daħħal fuq ġewwa tat-Tempju fil-parti riservata biss għall-Iżraeliti. Ġie meħlus ml-kundanna prevista tal-mewt bl-intervent tat-tribun Ruman li kien jgħasses l-inħawi tat-Tempju (ara Atti 21:27-36); dan seħħ meta fil-Lhudija kien Prokuratur imperjali Antonju Feliċ. Għadda żmien il-ħabs (li ma nafux eżatt kemm kien), u billi Pawlu, bħala ċittadin Ruman, appella għal quddiem Ċesari (li dak iż-żmien kien Neruni), il-Prokuratur ta’ wara Porċjus Festu bagħtu Ruma taħt kustodja militari.

 

Il-vjaġġ lejn Ruma mess il-gżejjer Mediterranji ta’ Kreta u Malta, u mbagħad il-belt ta’ Sirakuża, Reġġju Kalabrija u Putijoli. L-Insara ta’ Ruma ħarġu jiltaqgħu miegħu fuq Via Appia sal-Foru ta’ Appju (xi 70km ’l isfel mill-kapitali) u oħrajn sat-Tre Taverne (xi 40km). F’Ruma ltaqa’ mad-delegati tal-komunità Lhudija, u hawn stqarr li kien minħabba “t-tama ta’ Iżrael” li kien qed iġorr il-ktejjeb tiegħu (ara Atti 28:20). Imma r-rakkont ta’ Luqa jagħlaq billi jsemmi s-sentejn li għadda Ruma taħt kustodja militari moderata, mingħajr ma jsemmi la sentenza ta’ Ċesari (Neruni) u wisq inqas il-mewt tal-akkużat. Tradizzjonijiet li ġew wara jitkellmu fuq ħelsien tiegħu, li għalhekk seta’ ppermettielu vjaġġ missjunarju fi Spanja, kif ukoll waqfa oħra fil-Lvant u speċifikament fi Kreta, Efesu u Nikopoli f’Epiru. Dejjem ipotetikament, jingħad li reġa’ ġie arrestat u għat-tieni darba mitfugħ il-ħabs f’Ruma (mnejn aktarx kiteb it-tliet Ittri msejħa Pastorali, jiġifieri t-tnejn lil Timotju u dik lil Titu) bit-tieni proċess, li rriżulta kontrih. Madankollu, serje ta’ raġunijiet iwasslu lil diversi studjużi ta’ San Pawl biex jagħlqu l-bijografija tal-Appostlu bir-rakkont ta’ Luqa fl-Atti.

 

Fuq il-martirju tiegħu nerġgħu lura ’l quddiem fiċ-ċiklu ta’ dawn il-katekeżijiet tagħna. Għalissa, f’din il-lista qasira tal-vjaġġi ta’ Pawlu, biżżejjed nifhmu kif hu ddedika ruħu għax-xandir tal-Vanġelu bla ma baqa’ lura milli juża l-enerġiji kollha tiegħu, fejn affronta serje ta’ provi serji, li ħallielna lista tagħhom fit-Tieni Ittra lill-Korintin (ara 11:21-28). Mill-bqija, hu stess jikteb: “Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju” (1 Kor 9:23), u jħaddem b’ġenerożità assoluta dak li hu jsejjaħlu “l-ħsieb tal-Knejjes kollha” (2 Kor 11:28). Naraw fih impenn li jinftiehem biss jekk nilmħu ruħ tassew imsaħħra mid-dawl tal-Vanġelu, innamrata ma’ Kristu, ruħ imwieżna minn konvinzjoni profonda: jeħtieġ li twassal lid-dinja d-dawl ta’ Kristu, tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd. Jidhirli li dan hu li jibqa’ minn din il-ħarsa qasira lejn il-vjaġġi ta’ San Pawl: nilmħu l-passjoni tiegħu għall-Vanġelu, u hekk nagħrfu l-kobor, il-ġmiel, anzi l-ħtieġa profonda tal-Vanġelu għalina lkoll. Nitolbu biex il-Mulej, li wera d-dawl tiegħu lil Pawlu, dewqu l-Kelma tiegħu, messlu l-ġewwieni ta’ qalbu, jikxef lilna wkoll id-dawl tiegħu, biex qalbna wkoll tintmess mill-Kelma tiegħu u nistgħu hekk aħna wkoll nagħtu lid-dinja tal-lum, li għandha dan l-għatx, id-dawl tal-Vanġelu u l-verità ta’ Kristu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard