Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ Settembru 2008

 

San Pawl (5)

Pawlu, it-Tnax u l-Knisja pre-Pawlina

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq ir-relazzjoni bejn San Pawl u l-Appostli li kienu ġew qablu fil-mixja wara Ġesù. Dawn ir-relazzjonijiet kienu dejjem immarkati minn rispett profond u minn dik il-frankezza li għal Pawlu kienet ġejja mid-difiża tal-verità tal-Vanġelu. Imqar jekk fil-prattika hu kien kontemporanju ta’ Ġesù ta’ Nazaret, qatt ma kellu l-opportunità li jiltaqa’ miegħu, tul il-ħajja pubblika tiegħu. Għalhekk, wara x-xokk qawwi fit-triq ta’ Damasku, hu ħass il-ħtieġa li jikkonsulta mal-ewwel dixxipli tal-Imgħallem, li kienu ġew magħżulin minnu biex iwasslu l-Vanġelu tiegħu sa truf l-art.

 

Fl-Ittra lill-Galatin Pawlu jagħtina rendikont importanti tal-kuntatti li żamm ma’ wħud mit-Tnax: qabelxejn ma’ Pietru li kien ġie magħżul bħala Kephas, il-kelma Aramajka li tfisser blata, li fuqha kienet qed tinbena l-Knisja (ara Gal 1:18), ma’ Ġakbu, “ħu l-Mulej” (ara Gal 1:19), u ma’ Ġwanni (ara Gal 2:9): Pawlu ma jżommx lura milli jirrikonoxxi fihom “il-kolonni” tal-Knisja. Partikularment sinifikattiva hija l-laqgħa ma’ Kefa (Pietru), li seħħet Ġerusalemm: Pawlu baqa’ miegħu 15-il ġurnata biex “jikkonsultah” (ara Gal 1:19), jew aħjar biex isir jaf dwar il-ħajja tal-Irxoxt fuq din l-art, li kien “ħatfu” fit-triq ta’ Damasku u kien qed jibdillu ħajtu mill-għeruq: minn persekutur tal-Knisja ta’ Alla kien sar evanġelizzatur ta’ dik il-fidi fil-Messija msallab u Bin Alla, li fl-imgħoddi hu kien fittex li jeqred (ara Gal 1:23).

 

X’tip ta’ informazzjoni kien kiseb Pawlu dwar Ġesù Kristu fit-tliet snin li ġew wara l-laqgħa ta’ Damasku? Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin nistgħu ninnotaw żewġ siltiet, li Pawlu ltaqa’ magħhom f’Ġerusalemm, u li kienu diġà ġew ifformulati bħala elementi ċentrali tat-tradizzjoni Nisranija, tradizzjoni kostituttiva. Hu jgħaddihomlna kelma b’kelma, l-istess kif irċevihom, b’formula solenni ħafna: “Jien għallimtkom dak li tgħallimt jien”. Allura qed jisħaq fuq il-fedeltà għal dak li hu stess irċieva u li fedelment qed jgħaddi lill-Insara ġodda. Huma elementi kostituttivi u għandhom x’jaqsmu mal-Ewkaristija u l-Qawmien; huma siltiet diġà fformulati fis-snin tletin. U hekk naslu sal-mewt, id-difna fil-qalba tal-art u l-qawmien ta’ Ġesù (ara 1 Kor 15:3-4). Ejja naqbdu kemm waħda u kemm l-oħra: il-kelmiet ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena (ara 1 Kor 11:23-25) għal Pawlu huma tassew il-qalba tal-ħajja tal-Knisja: il-Knisja tinbena fuq din il-qalba, u hekk issir dak li hi. Barra din il-qalba Ewkaristika, li fiha dejjem titwieled mill-ġdid il-Knisja – anki għat-teoloġija kollha ta’ San Pawl, għall-ħsieb kollu tiegħu – dawn il-kelmiet kellhom impatt qawwi fuq ir-relazzjoni personali ta’ Pawlu ma’ Ġesù. Minn naħa juru li l-Ewkaristija ddawwal is-saħta tas-salib, u tagħmel minnu barka (Gal 3:13-14), u mill-oħra jfissru l-kobor tal-istess mewt u qawmien ta’ Ġesù. Fl-Ittri tiegħu l-“għalikom” tat-twaqqif tal-Ewkaristija ssir l-“għalija” (Gal 2:20), u jippersonalizzaha, għax jaf li f’dik l-“intom” hu stess kien magħruf u maħbub minn Ġesù, u min-naħa l-oħra “għal kulħadd” (2 Kor 5:14): din l-“għalikom” issir “għalija” u “għall-Knisja” (Efes 5:25), jew ukoll l-“għal kulħadd” tas-sagrifiċċju espjatorju tas-salib (ara Rum 3:25). Mill-Ewkaristija u fiha l-Knisja tinbena u tingħaraf bħala “Ġisem ta’ Kristu” (1 Kor 12:27), mitmugħ ta’ kuljum mill-qawwa tal-Ispirtu tal-Irxoxt.

 

It-test l-ieħor, fuq il-Qawmien, jgħaddilna mill-ġdid l-istess formula ta’ fedeltà. Jikteb San Pawl: “Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15:3-5). Anki f’din it-tradizzjoni li għaddiet għal għand Pawlu nerġgħu nsibu dik il-“minħabba dnubietna”, li tisħaq fuq id-don li Ġesù għamel tiegħu nnifsu lill-Missier, biex jeħlisna mid-dnubiet u mill-mewt. Minn dan id-don tiegħu nnifsu, Pawlu mbagħad joħroġ l-aktar espressjonijiet sbieħ u affaxxinanti tar-relazzjoni tagħna ma’ Kristu: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla” (2 Kor 5:21); “Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8:9). Tajjeb infakkru l-kumment li bih, dak li dak iż-żmien kien il-monaku Agostinjan Martin Luteru, sieħeb dawn l-espressjonijiet paradossali ta’ Pawlu: “Dan hu l-misteru kbir tal-grazzja divina mal-midinbin: li bi qsim tal-għaġeb id-dnubiet tagħna m’għadhomx iżjed tagħna, imma ta’ Kristu, u l-ġustizzja ta’ Kristu m’għadhiex iżjed ta’ Kristu, imma saret tagħna” (Kummentarju għas-Salmi tal-1513-1515). U hekk aħna niġu mifdija.

 

Fil-kerygma (tħabbira) oriġinali, li għaddiet minn fomm għal fomm, ta’ min josserva l-użu tal-verb “qam”, flok “ġie mqajjem” li forsi kien ikun aktar loġiku li wieħed juża, f’kontinwazzjoni ma’ “miet… u ġie midfun”. Il-forma verbali “qam” hi magħżula biex tisħaq li l-qawmien ta’ Kristu għandu effett sa fuq il-preżent tal-ħajja ta’ dawk li jemmnu: nistgħu nittraduċuha bħala “qam u jibqa’ jgħix” fl-Ewkaristija u fil-Knisja. Hekk l-Iskrittura kollha tagħti xhieda tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, għax – kif kiteb Ugo ta’ San Vitor – “l-Iskrittura divina kollha hija ktieb wieħed u dan il-ktieb wieħed huwa Kristu, għax l-Iskrittura kollha titkellem fuq Kristu u fi Kristu ssib il-milja tagħha” (De arca Noe, 2,8). Jekk San Ambroġ ta’ Milan seta’ jgħid li “fl-Iskrittura aħna naqraw lil Kristu”, dan għaliex il-Knisja tal-bidu reġgħet qrat l-Iskrittura kollha ta’ Iżrael billi bdiet u waslet mill-ġdid għand Kristu.

 

Il-medda ta’ dehriet tal-Irxoxt lil Kefa, lit-Tnax, lil iżjed minn ħames mitt aħwa, u lil Ġakbu, tagħlaq bl-aċċenn għad-dehra personali, li hu kellu fit-triq ta’ Damasku: “Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt” (1 Kor 15:8). Billi hu ppersegwita l-Knisja ta’ Alla, f’din l-istqarrija qed jesprimi kemm ma jistħoqqlux jitqies appostlu, fuq l-istess livell ta’ dawk li ġew qablu: imma l-grazzja ta’ Alla fih ma kinitx għalxejn (1 Kor 15:10). Għalhekk, meta jistqarr li jħossu mqawwi mill-grazzja divina, Pawlu jidħol fil-lista tal-ewwel xhieda tal-qawmien ta’ Kristu: “Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom” (1 Kor 15:11). Importanti l-identità u l-uniċità tat-tħabbira tal-Vanġelu: kemm huma u kemm jien nipprietkaw l-istess fidi, l-istess Vanġelu ta’ Ġesù Kristu li miet u rxoxta u jingħata għalina fl-Ewkaristija Mqaddsa.

 

L-importanza li hu jagħti lit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, li hu jgħaddi lill-komunitajiet tiegħu, turi kemm kienet żbaljata l-viżjoni ta’ min jattribwixxi lil Pawlu l-invenzjoni tal-Kristjaneżmu: qabel ma evanġelizza dwar Ġesù Kristu, il-Mulej tiegħu, hu ltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku u mexa warajh fil-Knisja, billi osserva l-ħajja tiegħu fit-Tnax u f’dawk li mxew warajh fit-toroq tal-Galilija. Fil-Katekeżijiet li jmiss se jkollna l-opportunità li ninżlu fil-fond tal-kontribut li ta Pawlu lill-Knisja tal-bidu; imma l-missjoni li hu rċieva mill-Irxoxt għall-evanġelizzazzjoni tal-ġentili kellha bżonn tiġi kkonfermata u ggarantita minn dawk li taw lilu u lil Barnaba l-id il-leminija, b’sinjal ta’ approvazzjoni tal-appostolat tagħhom u tal-evanġelizzazzjoni tagħhom u ta’ merħba fil-komunjoni waħda tal-Knisja ta’ Kristu (ara Gal 2:9). Allura hawn nifhmu kif l-espressjoni “jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem” (2 Kor 5:16) ma tfissirx li l-ħajja tiegħu fuq din l-art ftit għandha importanza għall-iżvilupp tal-fidi tagħna, imma li mill-mument tal-Qawmien tiegħu, il-mod ta’ kif nirrelataw miegħu nbidel. Huwa, fl-istess waqt, l-Iben ta’ Alla, li “twieled min-nisel ta’ David, u, skont l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet”, kif ifakkarna Pawlu fil-ftuħ tal-Ittra lir-Rumani (1:3-4).

 

Iktar ma nfittxu li nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù ta’ Nazaret fit-toroq tal-Galilija, iktar nistgħu nifhmu li hu ħa fuqu l-umanità tagħna, u qasam fiha f’kollox, barra fid-dnub. Il-fidi tagħna ma twelditx minn mit, lanqas minn idea, imma mil-laqgħa mal-Irxoxt, fil-ħajja tal-Knisja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard