Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Jannar 2009

 

San Pawl (17)

Il-qima spiritwali

 

Għeżież ħuti,

 

F’din l-ewwel Udjenza ġenerali tal-2009, nixtieq nagħti lilkom kollha l-awguri minn qalbi għas-sena l-ġdida li għadna kemm bdejna. Inġeddu fina l-impenn li niftħu għal Kristu l-moħħ u l-qalb tagħna, biex inkunu u ngħixu ta’ veri ħbieb tiegħu. Il-kumpanija tiegħu tgħinna biex din is-sena, imqar jekk bid-diffikultajiet inevitabbli tagħha, tkun mixja mimlija ferħ u sliem. Fil-fatt, huwa biss jekk nibqgħu magħqudin ma’ Ġesù li s-sena l-ġdida tkun tajba u hienja.

 

L-impenn ta’ għaqda ma’ Kristu huwa l-eżempju li joffrilna wkoll San Pawl. Aħna u nissoktaw bil-katekeżijiet iddedikati lilu, illum nieqfu biex nirriflettu fuq wieħed mill-aspetti importanti tal-ħsieb tiegħu, dak dwar il-qima li l-Insara huma msejħin jagħtu. Fl-imgħoddi, spiss kien isir diskors fuq tendenza pjuttost anti-kultwali tal-Appostlu, fuq “spiritwalizzazzjoni” tal-idea tal-kult. Illum nifhmu aħjar li Pawlu jara fis-salib ta’ Kristu żvolta storika, li tibdel u ġġedded mill-qiegħ ir-realtà tal-qima lil Alla. Għandna fuq kollox tliet testi mill-Ittra lir-Rumani li fihom tidher din il-viżjoni ġdida tal-kult [jew qima].

 

1. F’Rum 3:25, wara li jitkellem dwar il-“fidwa li hemm fi Kristu Ġesù”, Pawlu jkompli b’formula għalina misterjuża u jgħid hekk: Alla “qiegħdu sagrifiċċju ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan bis-saħħa ta’ demmu”. B’din l-espressjoni għalina pjuttost stramba – “sagrifiċċju ta’ tpattija” – San Pawl qed jaċċenna għall-hekk imsejjaħ “propizjatorju” tat-Tempju l-antik, jiġifieri l-għatu tal-arka tal-patt, li kienu jaraw fih punt ta’ kuntatt bejn Alla u l-bniedem, punt tal-preżenza misterjuża tiegħu fid-dinja tal-bnedmin. Dan il-“propizjatorju”, fil-jum kbir tar-rikonċiljazzjoni – “yom kippur” – kien jitraxxax fuqu d-demm tal-bhejjem issagrifikati – demm li simbolikament kien ipoġġi d-dnubiet tas-sena li tkun għaddiet f’kuntatt ma’ Alla u hekk id-dnubiet mixħuta fl-abbiss tat-tjieba divina kienu kważi jinxtorbu mill-qawwa ta’ Alla, megħluba, maħfura. Il-ħajja kienet tibda mill-ġdid.

 

San Pawl jaċċenna għal dan ir-rit u jgħid: Dan ir-rit kien espressjoni tax-xewqa li tabilħaqq il-ħtijiet kollha tagħna setgħu jintefgħu fl-abbiss tal-ħniena divina u hekk jgħibu fix-xejn. Imma bid-demm tal-annimali ma jsirx dan il-proċess. Kien meħtieġ kuntatt iżjed reali bejn ħtija umana u mħabba divina. Dan il-kuntatt seħħ fis-salib ta’ Kristu. Kristu, l-Iben veru ta’ Alla, meta sar veru bniedem, ħa fuqu l-ħtija kollha tagħna. Hu nnifsu huwa l-post tal-kuntatt bejn il-miżerja umana u l-ħniena divina; fil-qalb tiegħu tinħall il-massa kerha tal-ħażen magħmul mill-bnedmin, u tiġġedded il-ħajja.

 

Meta jurina b’din il-bidla, San Pawl jgħidilna: Bis-salib ta’ Kristu – l-ogħla att tal-imħabba divina li saret imħabba umana – il-kult il-qadim bis-sagrifiċċji tal-annimali fit-Tempju ta’ Ġerusalemm issa ntemm. Dan il-kult simboliku, kult tax-xewqa, issa ħaditlu postu l-qima vera: l-imħabba ta’ Alla inkarnata fi Kristu u mwassla għall-milja tagħha fil-mewt fuq is-salib. Għalhekk din mhix spiritwalizzazzjoni ta’ kult veru, imma bil-maqlub, il-kult veru, il-vera mħabba divina-umana, jieħu post il-kult simboliku u proviżorju. Is-salib ta’ Kristu, l-imħabba tiegħu bil-ġisem u d-demm, hija l-qima vera, għax tikkorrispondi mar-realtà ta’ Alla u tal-bniedem. Diġà minn qabel il-qerda esterna tat-Tempju, għal Pawlu ż-żmien tat-Tempju u tal-kult tiegħu kien intemm: Pawlu hawn jinsab fi qbil perfett mal-kliem ta’ Ġesù, li bih kien ħabbar it-tmiem tal-Tempju u ħabbar tempju ieħor “mhux magħmul b’idejn il-bnedmin” – it-tempju ta’ ġismu mqajjem mill-mewt (ara Mk 14:58; Ġw 2:19ss). Dan hu l-ewwel test.

 

2. It-tieni test li fuqu nixtieq nitkellem illum insibuh fl-ewwel vers tal-kapitlu 12 tal-Ittra lir-Rumani. Smajnieh u se nirrepetih: “Nitlobkom, l-aħwa, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom”. F’dawn il-kelmiet minn barra jidher paradoss qawwi: waqt li s-sagrifiċċju normalment jesiġi l-mewt tal-vittma, Pawlu minflok jitkellem fuqu f’relazzjoni mal-ħajja tan-Nisrani. L-espressjoni “offru ġisimkom”, bil-kunċett ta’ sagrifiċċju warajha, tassumi l-isfumatura kultwali ta’ “tagħti b’offerta, toffri”. L-eżortazzjoni biex “joffru ġisimhom” qed tirreferi għall-persuna sħiħa; fil-fatt, f’Rum 6:13 hu jistedinhom “offru ruħkom”. Mill-bqija, ir-riferiment espliċitu għad-dimensjoni fiżika tan-Nisrani jaqbel mal-istedina “agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom” (1 Kor 6:20): ifisser li jweġġħu lil Alla bl-aktar ħajja konkreta ta’ kuljum, magħmula minn viżibbiltà relazzjonali li wieħed jista’ jara u jifhem.

 

Imġiba bħal din Pawlu jsejħilha “sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla”. Huwa hawn li niltaqgħu appuntu mal-kelma “sagrifiċċju”. Fl-użu ta’ dak iż-żmien, din il-kelma kienet tagħmel parti minn kuntest sagru u kienet tfisser it-tħanxir ta’ annimal, li parti minnu kienet tista’ tiġi maħruqa f’ġieħ l-allat u parti oħra kkunsmata waqt ikla minn dawk li joffruh. Imma Pawlu japplikaha għall-ħajja tan-Nisrani. Fil-fatt hu jfisser dan is-sagrifiċċju billi jinqeda bi tliet aġġettivi. L-ewwel – “ħaj” – jesprimi l-ħajja. It-tieni – “qaddis” – ifakkar fl-idea Pawlina ta’ qdusija marbuta mhux ma’ postijiet jew ma’ oġġetti, imma mal-istess persuna tal-Insara. It-tielet – “jogħġob lil Alla” – aktarx tfakkar fl-espressjoni spissa biblika tas-sagrifiċċju “b’riħa tfuħ” (ara Lev 1:13,17; 23:18; 26:31; eċċ.).

 

Dritt wara, Pawlu hekk ifisser dan il-mod ġdid ta’ ħajja: din hi “l-qima spiritwali tagħkom”. Il-kummentaturi tat-test jafu tajjeb li l-espressjoni Griega (tēn logikēn latreían) mhux faċli tittraduċiha. Il-Bibbja Latina tittraduċi: “rationabile obsequium”. L-istess kelma “rationabile” tidher fl-Ewwel Talba Ewkaristika, il-Kanoni Ruman: fiha nitolbu biex Alla jilqa’ din l-offerta bħala “rationabile”. Normalment it-traduzzjoni [Taljana] “qima spiritwali” ma tirriflettix l-isfumaturi kollha tat-test Grieg (u lanqas ta’ dak Latin). Hu x’inhu, din mhijiex xi qima inqas reali, jew saħansitra metaforika biss, imma hija qima iżjed konkreta u realistika – qima li fiha l-bniedem innifsu fit-totalità tiegħu ta’ essri mogħni bir-raġuni, isir adorazzjoni, glorifikazzjoni ta’ Alla l-ħaj.

 

Din il-formula Pawlina, li mbagħad insibuha mill-ġdid fit-Talba Ewkaristika Rumana, hija frott ta’ żvilupp twil tal-esperjenza reliġjuża fis-sekli ta’ qabel ġie Kristu. F’din l-esperjenza naraw żviluppi teoloġiċi tat-Testment il-Qadim u kurrenti tal-ħsieb Grieg. Nixtieq tal-inqas nuri xi element ta’ dan l-iżvilupp. Il-Profeti u bosta Salmi jikkritikaw b’mod qawwi s-sagrifiċċji bit-tixrid tad-demm fit-Tempju. Hekk jgħid, ngħidu aħna, is-Salm 50 (49), fejn hu Alla li jitkellem: “ Li kont bil-ġuħ, mhux se ngħid lilek, għax tiegħi l-art u kulma fiha. Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, jew nixrob id-demm tal-gidien? Agħti ’l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr…” (vv. 12-14). Fl-istess sens jitkellem is-Salm ta’ wara, 51 (50): “Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx. Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla” (vv. 18s). Fil-Ktieb ta’ Danjel, fi żmien il-qerda mill-ġdid tat-Tempju min-naħa tar-reġim Ellenistiku (it-II seklu qk), insibu silta oħra fl-istess direzzjoni. Qalb in-nar – jiġifieri l-persekuzzjoni, it-tbatija – Għażarija jitlob hekk: “U bħalissa la hemm iżjed prinċep, la profeta u lanqas mexxej; la hemm offerta tal-ħruq u lanqas sagrifiċċju, la offerta u lanqas inċens, u lanqas baqa’ mkien fejn noffrulek l-ewwel frott tagħna, jew fejn nitolbuk ħniena. Madankollu, b’qalbna niedma u ruħna mċekkna, jalla nkunu ningħoġbu quddiemek, qisna b’sagrifiċċji tal-ħruq ta’ nagħaġ u barrin… ħa jkun hekk illum is-sagrifiċċju tagħna quddiemek…” (Dan 3:38ss). Fil-qerda tas-santwarju u tal-kult, f’din is-sitwazzjoni li fiha kienu mċaħħda minn kull sinjal tal-preżenza ta’ Alla, dak li jemmen joffri bħala veru sagrifiċċju ta’ tpattija l-qalb niedma tiegħu – ix-xewqa tiegħu għal Alla.

 

Naraw hawn żvilupp importanti, sabiħ, imma b’periklu miegħu. Hemm spiritwalizzazzjoni, moralizzazzjoni tal-kult: il-kult isir biss ħaġa tal-qalb, tal-ispirtu. Imma hemm nieqes il-ġisem, nieqsa l-komunità. Hekk nifhmu, ngħidu aħna, li s-Salm 51 u anki l-Ktieb ta’ Danjel, minkejja l-kritika lill-kult, jixtiequ r-ritorn lejn it-tempju tas-sagrifiċċji. Imma qed ifittxu żmien ta’ tiġdid, sagrifiċċju mġedded, f’sintesi li kienet għadha mhix prevedibbli, li kienu għadhom ma jistgħux jaraw.

 

Lura għal San Pawl. Huwa l-werriet ta’ dawn l-iżviluppi, tax-xewqa għall-qima vera, li fiha l-bniedem innifsu jsir il-glorja ta’ Alla, adorazzjoni ħajja b’dak kollu li hu. F’dan is-sens lir-Rumani hu jgħidilhom: “Offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj… jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom” (Rum 12:1). Hekk Pawlu qed itenni dak li kien diġà qal fil-kapitlu 3: Żmien is-sagrifiċċji tal-annimali, sagrifiċċju ta’ sostituzzjoni, kien għadda. Wasal iż-żmien tal-qima vera. Imma hawnhekk għandna wkoll il-periklu li nifhmu ħażin: faċilment nistgħu ninterpretaw din il-qima ġdida f’sens moralistiku: billi noffru ħajjitna, il-kult veru nagħmluh aħna. B’dan il-mod il-kult bl-annimali jeħodlu postu l-moraliżmu: il-bniedem innifsu jagħmel kollox waħdu bl-isforz morali tiegħu. U din żgur ma kinitx l-intenzjoni ta’ San Pawl. Imma tibqa’ l-mistoqsija: Allura kif għandna ninterpretaw dan il-“kult spiritwali, raġonevoli”? Pawlu qed jissupponi dejjem li aħna sirna “ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28), li aħna mitna fil-magħmudija (ara Rum 1) u issa ngħixu ma’ Kristu, bi Kristu, fi Kristu. F’din ix-xirka – hekk biss – nistgħu nsiru fih u miegħu “sagrifiċċju ħaj”, noffru l-“qima vera”. Il-bhejjem issagrifikati suppost kellhom jieħdu post il-bniedem, minflok l-għotja tiegħu nnifsu, imma dan ma setgħux jagħmluh. Ġesù Kristu, fl-għotja tiegħu lill-Missier u għalina, mhuwiex sostituzzjoni, imma jġorr tabilħaqq fih lill-bniedem, il-ħtijiet u x-xewqat tagħna; jirrappreżentana tassew, jeħodna fih. Fil-komunjoni ma’ Kristu, imwettqa fil-fidi u fis-sagramenti, insiru, minkejja n-nuqqas ta’ ħila tagħna, sagrifiċċju ħaj: titwettaq il-“qima vera”.

 

Din is-sintesi tinsab fil-qalba tal-Kanoni Ruman fejn nitolbu biex din l-offerta ssir “rationabile” – biex jitwettaq il-kult spiritwali. Il-Knisja taf li fl-Ewkaristija Mqaddsa l-għotja li jagħmel Kristu tiegħu nnifsu, is-sagrifiċċju veru tiegħu jsir preżenti. Imma l-Knisja titlob li l-komunità li tiċċelebra tkun tassew magħquda ma’ Kristu, tkun mibdula; titlob biex aħna stess insiru dak li ma nistgħux inkunu bis-saħħa tagħna waħidha: offerta “rationabile” li togħġob lil Alla. Hekk it-Talba Ewkaristika tinterpeta b’mod tajjeb il-kelmiet ta’ San Pawl. Santu Wistin iċċara dan kollu b’mod tal-għaġeb fl-10 ktieb tal-Belt ta’ Alla tiegħu. Se nikkwota biss żewġ frażijiet. “Dan hu s-sagrifiċċju tal-Insara: imqar jekk aħna ħafna, aħna ġisem wieħed fi Kristu”… “Il-komunità kollha (civitas) mifdija, jiġifieri l-kongregazzjoni u s-soċjetà tal-qaddisin, hi offruta lil Alla permezz tal-Qassis il-Kbir li ta lilu nnifsu” (10,6: CCL 47, 27 ss).

 

3. Fl-aħħar, kelma oħra qasira fuq it-tielet test tal-Ittra lir-Rumani dwar il-qima l-ġdida. San Pawl jgħid hekk fil-kapitlu 15: “Dan għamiltu bil-grazzja li tani Alla li nkun ministru ta’ Kristu Ġesù fost il-pagani, ikkonsagrat (hierourgein) biex naħdem għall-Evanġelju ta’ Alla u nagħmel mill-ġnus offerta mqaddsa mill-Ispirtu s-Santu u li togħġob lil Alla” (15:15s). Nixtieq insemmi biss żewġ aspetti ta’ dan it-test mill-isbaħ, fejn tidħol it-terminoloġija unika fl-ittri Pawlini. Qabelxejn, San Pawl jinterpreta l-azzjoni missjunarja tiegħu fost il-popli tad-dinja biex jibni l-Knisja universali bħala azzjoni saċerdotali. Li jxandar il-Vanġelu biex jgħaqqad il-popli fil-komunjoni ta’ Kristu Rxoxt hija azzjoni “saċerdotali”. L-appostlu tal-Vanġelu huwa veru saċerdot, jagħmel dak li hu l-qalba tas-saċerdozju: iħejji s-sagrifiċċju veru. U mbagħad it-tieni aspett: id-destinazzjoni tal-azzjoni missjunarja hi – biex ngħidu hekk – il-liturġija kożmika: li l-popli magħqudin fi Kristu, id-dinja, bħala tali ssir glorja ta’ Alla, “offerta mqaddsa mill-Ispirtu s-Santu u li togħġob lil Alla”. Hawn jidher l-aspett dinamiku, l-aspett tat-tama fil-kunċett Pawlin tal-kult: l-għotja li Kristu jagħmel tiegħu nnifsu timplika t-tendenza li jiġbed lil kulħadd lejn il-komunjoni ta’ Ġismu, li jgħaqqad id-dinja. Huwa biss f’komunjoni ma’ Kristu, il-Bniedem eżemplari, ħaġa waħda ma’ Alla, li d-dinja ssir hekk kif ilkoll nixtequha: mera tal-imħabba divina. Dan id-dinamiżmu hu preżenti dejjem fl-Ewkaristija – dan id-dinamiżmu għandu jnebbaħ u jagħġen il-ħajja tagħna. U b’dan id-dinamiżmu nibdew is-sena l-ġdida. Grazzi tal-paċenzja tagħkom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard