Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 1 ta’ Ottubru 2008

 

San Pawl (6)

Il-“Konċilju” ta’ Ġerusalemm u l-inċident ta’ Antjokja

 

Għeżież ħuti,

 

Ir-rispett u l-qima li Pawlu dejjem kellu lejn it-Tnax ma jonqsux meta hu bla tidwir il-kliem jiddefendi l-verità tal-Vanġelu, li mhix għajr Ġesù Kristu nnifsu, il-Mulej. Illum nixtiequ nieqfu fuq żewġ episodji li juru l-qima u, fl-istess waqt, il-libertà li bihom l-Appostlu jdur fuq Kefa u fuq l-Appostli l-oħra: l-hekk imsejjaħ “Konċilju” ta’ Ġerusalemm u l-inċident ta’ Antjokja tas-Sirja, li nsibuhom it-tnejn fl-Ittra lill-Galatin (ara 2:1-10; 2:11-14).

 

Kull Konċilju u Sinodu tal-Knisja hu “ġrajja tal-Ispirtu” u huwa u jseħħ iqis it-talbiet tal-poplu kollu ta’ Alla: dan għexuh dawk stess li kellhom ix-xorti li jieħdu sehem fil-Konċilju Vatikan II. Għalhekk San Luqa, waqt li jgħarrafna fuq l-ewwel Konċilju tal-Knisja, li ltaqa’ Ġerusalemm, jintroduċi hekk l-ittra li l-Appostli bagħtu f’dik iċ-ċirkustanza lill-komunitajiet Insara tad-djaspora: “Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna…” (Atti 15:28). L-Ispirtu, li jaħdem fil-Knisja kollha, b’dirgħajh stess imexxi lill-Appostli biex jaqbdu toroq ġodda ħa jwettqu l-proġetti tiegħu: hu l-bennej prinċipali tal-Knisja.

 

Imma l-ġemgħa ta’ Ġerusalemm għaddiet minn mument ta’ tensjoni mhux żgħira fi ħdan il-Komunità tal-bidu. Dan biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni jekk kienx hemm bżonn li lill-pagani li kienu bdew jemmnu f’Ġesù Kristu, il-Mulej, jitolbuhom iċ-ċirkonċiżjoni jew kienx leċitu jħalluhom ħielsa mil-Liġi ta’ Mosè, jiġifieri mill-osservanza, tan-normi meħtieġa biex ikunu bnedmin ġusti, konformi mal-Liġi, u fuq kollox ħielsa min-normi dwar il-purifikazzjoni kultwali, l-ikel safi u mniġġes, u s-Sibt. Fuq il-ġemgħa ta’ Ġerusalemm jikteb ukoll San Pawl f’Gal 2:1-10: wara erbatax-il sena mil-laqgħa mal-Irxoxt f’Damasku – qegħdin fit-tieni nofs tas-snin 40 wk – Pawlu jitlaq flimkien ma’ Barnaba minn Antjokja tas-Sirja u jieħu miegħu lil Titu, il-kollaboratur fidil tiegħu li, imqar jekk kien ta’ oriġni Griega, ma kienx ġie mġiegħel jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni biex jidħol fil-Knisja. F’din l-okkażjoni Pawlu juri lit-Tnax, meqjusa bħala l-iktar persuni li kellhom isem, il-vanġelu tiegħu tal-ħelsien mil-Liġi (ara Gal 2:6). Fid-dawl tal-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, hu kien fehem li fil-mument li l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu għadda għandhom, il-pagani ma kellhomx bżonn iżjed taċ-ċirkonċiżjoni, tar-regoli dwar l-ikel, dwar is-Sibt bħala marka tal-ġustizzja: Kristu hu l-ġustizzja tagħna u “ġust” hu dak kollu li hu konformi miegħu. Ma hemmx bżonn ta’ marki oħra biex jagħmluna ġusti. Fl-Ittra lill-Galatin jirreferi, bi ftit battuti tiegħu, għal kif żvolġiet il-laqgħa tal-ġemgħa: b’ħeġġa jfakkar li l-vanġelu tal-ħelsien mil-Liġi ġie approvat minn Ġakbu, Kefa u Ġwanni, “il-kolonni”, li offrew lilu u lil Barnaba l-id il-leminija tal-komunjoni ekkleżjali fi Kristu (ara Gal 2:9). Jekk, kif innotajna, għal Luqa l-Konċilju ta’ Ġerusalemm jesprimi l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, għal Pawlu jirrappreżenta l-għarfien darba għal dejjem tal-libertà li jgawdu dawk kollha li ħadu sehem fih: libertà mill-obbligi li ġejjin miċ-ċirkonċiżjoni u mil-Liġi; dik il-libertà li għaliha “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa” u ma nħallux iżjed min iqegħdilna fuqna l-madmad tal-jasar (ara Gal 5:1). Iż-żewġ modi li bihom Pawlu u Luqa jfissru din il-ġemgħa ta’ Ġerusalemm għandhom komuni bejniethom l-azzjoni ħelliesa tal-Ispirtu, għax “fejn hemm l-Ispirtu hemm il-ħelsien”, qal imbagħad fit-Tieni Ittra lill-Korintin (ara 3:17).

 

Madankollu, kif jidher b’mod ċar ħafna fl-Ittri ta’ San Pawl, il-libertà Nisranija qatt ma nistgħu nħalltuha mal-libertinaġġ jew il-libertà li wieħed jagħmel dak jogħġbu; din titwettaq f’għaqda ma’ Kristu u għalhekk fil-qadi awtentiku tal-aħwa, fuq kollox, ta’ dawk l-iżjed fil-bżonn. Għalhekk, dak li Pawlu jgħid dwar dik il-ġemgħa jagħlaq bit-tfakkira tar-rakkomandazzjoni li għamlulu l-Appostli: “Talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi” (Gal 2:10). Kull Konċilju jitwieled mill-Knisja u jerġa’ lura fil-Knisja: f’dik l-okkażjoni jerġa’ lura għandha bl-attenzjoni għall-foqra li, mid-diversi noti ta’ Pawlu fl-Ittri tiegħu, naraw li huma qabelxejn dawk tal-Knisja ta’ Ġerusalemm. Fit-tħassib għall-foqra, li naqraw dwaru, b’mod partikulari, fit-Tieni Ittra lill-Korintin (ara 8-9) u fil-parti tal-għeluq tal-Ittra lir-Rumani (ara Rum 15), Pawlu juri l-fedeltà tiegħu lejn id-deċiżjonijiet li għamlet il-ġemgħa.

 

Forsi m’għadniex nistgħu nifhmu b’mod sħiħ is-sinifikat li Pawlu u l-komunitajiet tiegħu kienu jagħtu lill-ġabra għall-foqra ta’ Ġerusalemm. Kienet inizjattiva għalkollox ġdida fil-panorama tal-attivitajiet reliġjużi: ma kinitx obbligatorja, imma ħielsa u spontanja; ħadu sehem fiha l-Knejjes kollha mwaqqfa minn Pawlu lejn il-Punent. Il-ġabra kienet tesprimi d-dejn tal-komunitajiet tiegħu mal-Knisja omm tal-Palestina, li minnha kienu rċivew id-don tal-għaġeb tal-Vanġelu. Tant hu kbir il-valur li Pawlu jagħti lil dan il-ġest ta’ qsim li rarament hu jsejjaħlu sempliċiment “kolletta”: għalih hu pjuttost “qadi”, “barka”, “imħabba”, “grazzja”, anzi “liturġija” (2 Kor 9). Jissorprendina b’mod partikulari dan l-aħħar terminu, li lill-ġabra tal-flus jagħtiha valur kultwali wkoll: minn naħa hi ġest liturġiku jew “servizz”, offrut minn kull komunità lil Alla, u mill-oħra hi azzjoni ta’ mħabba mwettqa b’riżq il-poplu. Imħabba għall-foqra u liturġija divina jimxu id f’id, l-imħabba għalll-foqra hi liturġija. Iż-żewġ xenarji huma preżenti f’kull liturġija li tiġi ċċelebrata u tingħax fil-Knisja, li min-natura tagħha teħodha kontra l-firda bejn il-kult u l-ħajja, bejn il-fidi u l-għemil, bejn it-talb u l-karità mal-aħwa. Hekk il-Konċilju ta’ Ġerusalemm jitwieled biex isolvi l-kwistjoni fuq kif għandhom iġibu ruħhom mal-pagani li kienu qed jaddottaw il-fidi, u jagħżlu l-libertà miċ-ċirkonċiżjoni u mill-osservanzi imposti mil-Liġi, u jiffoka fuq il-ħtieġa ekkleżjali u pastorali li tqiegħed fiċ-ċentru l-fidi fi Kristu Ġesù u l-imħabba għall-foqra ta’ Ġerusalemm u tal-Knisja kollha.

 

It-tieni episodju huwa l-famuż inċident ta’ Antjokja, fis-Sirja, li jikxef il-libertà interjuri li kellu Pawlu: kif għandu jġib ruħu fl-okkażjoni tal-komunjoni mal-mejda bejn l-Insara ta’ fidi Lhudija u dawk ġentili? U hawn joħoroġ iċ-ċentru l-ieħor tal-osservanza tal-liġi ta’ Mosè: l-għażla bejn ikel safi u mniġġes, li kien joħloq qasma qawwija bejn il-Lhud osservanti u l-pagani. Għall-bidu Kefa kien qed jiekol mat-tnejn li huma; imma mal-wasla ta’ xi Nsara li kellhom xi rabta ma’ Ġakbu, “ħu l-Mulej” (Gal 1:19), Pietru kien beda jevita l-kuntatti fuq il-mejda mal-pagani, biex ma jiskandalizzax lil dawk li baqgħu josservaw il-liġijiet tal-purità fl-ikel; u l-istess għażla kien għamel Barnaba. Din l-għażla kienet qed taqsam bil-kbir lill-Insara ċirkonċiżi u l-Insara li ġew mid-dinja pagana. Din l-imġiba, li kienet tabilħaqq qed thedded l-għaqda u l-libertà tal-Knisja, qanqlet ir-reazzjonijiet fokużi ta’ Pawlu, li wasal biex akkuża lil Pietru u l-oħrajn b’wiċċ b’ieħor: “Jekk inti, li int Lhudi, qed iġġib ruħek bħall-Ġentili u mhux ta’ Lhudi li int, kif qiegħed iġġiegħel il-Ġentili jġibu ruħhom ta’ Lhud?” (Gal 2:14). Fir-realtà, it-tħassib ta’ Pawlu minn banda kien wieħed, u dak ta’ Pietru u Barnaba kien ieħor: għal dawn tal-aħħar il-firda mill-pagani kienet mod kif iħarsu u ma jiskandalizzawx l-Insara li kienu ġejjin mill-Ġudaiżmu; għal Pawlu, imma, kien hemm il-periklu li tinftiehem ħażin is-salvazzjoni universali li fi Kristu hi offruta kemm lill-pagani u kemm lil-Lhud. Jekk il-ġustifikazzjoni titwettaq biss bil-fidi fi Kristu, fit-twaħħid miegħu, mingħajr ebda opra tal-Liġi, x’sens fiha li wieħed jibqa’ josserva l-purità tal-ikel meta jkunu qed jieklu flimkien? Wisq probabbli l-perspettivi ta’ Pietru u ta’ Pawlu kienu differenti minn xulxin: wieħed ma riedx jitlef lil-Lhud li kienu emmnu fil-Vanġelu, l-ieħor ma riedx inaqqas mill-valur salvifiku tal-mewt ta’ Kristu għal dawk kollu li jemmnu.

 

Stramba, imma meta kien qed jikteb lill-Insara ta’ Ruma, xi snin wara (lejn nofs is-snin 50 wk), Pawlu nnifsu sab ruħu quddiem sitwazzjoni tixxiebah u spiċċa jitlob lil dawk li huma b’saħħithom biex ma jiklux ikel imniġġes ħalli ma jitilfux jew ma jiskandalizzawx lid-dgħajfa: “It-tajjeb hu li la tiekol laħam u lanqas tixrob inbid u ma tagħmel xejn li jista’ jfixkel lil ħuk” (Rum 14:21). L-inċident ta’ Antjokja allura kien lezzjoni kemm għal Pietru u kemm għal Pawlu. Id-djalogu sinċier biss, miftuħ għall-verità tal-Vanġelu, seta’ jorjenta l-mixja tal-Knisja: “Is-Saltna ta’ Alla mhijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu” (Rum 14:17). Hija lezzjoni li jeħtieġ nitgħallmu aħna wkoll: bil-kariżmi differenti fdati lil Pietru u lil Pawlu, inħallu l-Ispirtu jmexxina lkoll, infittxu li ngħixu fil-libertà li ssib id-direzzjoni tagħha fil-fidi fi Kristu u titlaħħam fil-qadi tal-aħwa. Hu essenzjali li nkunu dejjem iżjed ħaġa waħda ma’ Kristu. Hekk nistgħu nsiru tassew ħielsa, hekk tidher fina l-qalba tal-Liġi: l-imħabba għal Alla u għall-proxxmu. Nitolbu lill-Mulej jgħallimna naqsmu fis-sentimenti tiegħu, biex minnu nitgħallmu l-libertà vera u l-imħabba evanġelika li tħaddan lil kull bniedem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard