L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Omelija tal-Papa Benedittu XVI fil-Velja tal-Għid il-Kbir. 23 ta' April 2011

 

 

 

 

 

 

Għeżież ħuti,

Iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-Velja tal-Għid tagħmel użu minn żewġ sinjali elokwenti. L-ewwel hemm in-nar li jsir dawl. Hekk kif il-purċissjoni tibda miexja fil-knisja, mistura fid-dlam tal-lejl, id-dawl tal-blandun isir mewġa ta' dwal, u jitkellem dwar Kristu bħala l-kewkba ta' filgħodu li qatt ma tinżel – il-Mulej li qam mill-Imwiet li fih id-dawl rebaħ id-dlam. It-tieni sinjal huwa l-ilma. Min-naħa waħda, ifakkar fl-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar, ix-xejra għall-agħar u l-mewt, il-misteru tas-Salib. Imma issa huwa ppreżentat lilna bħala ilma tan-nixxiegħa, element li jagħti l-ħajja f'nofs in-nixfa. Hekk isir ix-xbieha tas-sagrament tal-magħmudija, li permezz tiegħu aħna jkollna sehem fil-mewt u l-qawmien ta' Ġesù Kristu.

Iżda dawn is-sinjali kbar tal-ħolqien, tad-dawl u tal-ilma mhumiex l-uniċi elementi li jfasslu l-liturġija tal-Velja tal-Għid. Karatteristika essenzjali oħra hija l-laqgħa abbundanti mal-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa li tipprovdi. Qabel ir-riforma liturġika kien hemm tnax-il qari mit-Testment il-Qadim u tnejn mit-Testment il-Ġdid. Il-qari tat-Testment il-Ġdid inżamm. L-għadd ta' qari tat-Testment il-Qadim ġie ffissat għal seba', iżda skont is-sitwazzjoni lokali, dawn jistgħu jitnaqqsu għal tlieta. Il-Knisja tixtieq toffrilna dehra panoramika tal-mod kif seħħet l-istorja tas-salvazzjoni, li tibda bil-ħolqien, tgħaddi għall-għażla u l-ħelsien ta’ Iżrael sa x-xhieda tal-profeti li permezz tagħha din l-istorja kollha kemm hu hija diretta dejjem aktar b’mod ċar lejn Ġesù Kristu. Fil-tradizzjoni liturġika dawn is-siltiet kollha kienu msejħa profeziji. Ukoll meta ma jkunux qed ibassru grajjiet fil-ġejjieni b'mod dirett, għandhom karattru profetiku, juruna x’hemm ġewwa l-pedament u x-xejra tal-istorja. B’hekk il-ħolqien u l-istorja jintwerew b’mod trasparenti f’dak li huwa essenzjali. B'dan il-mod huma jaqbduna minn idejna u jmexxuna lejn Kristu, juruna d-Dawl kif tassew hu.

Fil-Velja tal-Għid, il-vjaġġ tul il-mogħdijiet tal-Iskrittura Mqaddsa jibda bir-rakkont tal-ħolqien. Dan huwa l-mod kif il-liturġija tgħidilna li l-istorja tal-ħolqien hija minnha nnifisha profezija. Mhuwiex tagħrif dwar il-proċessi esterni li permezz tagħhom il-kosmos u l-bniedem innifsu inħalqu. Il-Missirijiet tal-Knisja dan kienu jafuh sew. Huma ma interpretawx l-istorja bħala rakkont tal-proċess kif oriġinaw l-affarijiet, imma pjuttost bħala werrej ta’ dak li hu essenzjali, x’inhu tassew il-bidu u t-tmiem tal-esseri tagħna. Issa, wieħed jista’ jistaqsi: huwa daqshekk importanti li wieħed jitkellem ukoll dwar il-ħolqien matul il-Velja tal-Għid? Ma nistgħux nibdew bil-ġrajjiet fejn Alla jsejjaħ il-bniedem, jifforma poplu għalih innifsu u joħloq l-istorja tiegħu permezz ta’ bnedmin fuq l-art? It-tweġiba għandha tkun: le. Li tħalli barra l-ħolqien jfisser li ma tkunx qed tifhem il-vera storja ta' Alla mal-bnedmin, iċċekknu, ma tarax il-veru ordni tal-kobor tiegħu. Ħarsa fit-tul lejn l-istorja stabbilita minn Alla tibqa’ sejra sal-oriġini, lura għall-ħolqien. Il-professjoni tal-fidi tagħna tibda bil-kliem: "Aħna nemmnu f'Alla, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema w l-art". Jekk inħallu barra l-bidu tal-Kredu, l-istorja tas-salvazzjoni kollha kemm hi ssir limitata wisq u żgħira wisq. Il-Knisja mhix xi tip ta' assoċjazzjoni li tikkonċerna lilha nnifisha mal-bżonnijiet reliġjużi tal-bniedem iżda hija limitata għal dak il-għan. Le, hija ġġib lill-bniedem f'kuntatt ma' Alla u għalhekk mal-għajn ta’ kulma hu. Għalhekk aħna nirrelataw ma' Alla bħala Ħallieq, u għalhekk għandna r-responsabbiltà għall-ħolqien. Ir-responsabbiltà tagħna twassal sal-ħolqien għaliex dan ġej mill-Ħallieq. Huwa għaliex Hu ħalaq kollox li Alla jista' jagħtina l-ħajja u jidderieġi ħajjitna. Il-ħajja fil-fidi tal-Knisja ma tinvolvix biss għadd ta' sentimenti, xi nħossu u forsi obbligi morali. Tħaddan il-bniedem kollu kemm hu, mill-oriġini tiegħu sad-destin etern tiegħu. Huwa biss għax il-ħolqien huwa ta’ Alla li aħna nistgħu npoġġu lilna nfusna kompletament f'idejh. U biss għax hu l-Ħallieq li jista' jagħtina l-ħajja għal dejjem. Il-ferħ bil-ħolqien, ir-radd il-ħajr għall-ħolqien u r-responsabbiltà għalih kollha kemm huma japppartjenu flimkien.

Il-messaġġ ċentrali tar-rakkont tal-ħolqien jista' jiġi mfisser b'mod aktar preċiż. Fil-kliem tal-ftuħ tal-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jiġbor fi ftit kliem it-tifsira essenzjali ta' dak ir-rakkont f’dawn il-kelmtejn weħidom: "Fil-bidu kien il-Verb". Fil-fatt, ir-rakkont tal-ħolqien li smajna qabel huwa kkaratterizzat bi frażi li nsibuha ripetuta: "U Alla qal ..." Id-dinja hija prodott tal-Kelma, tal-Logos, kif San Ġwan jesprimiha, billi juża terminu ta’ qofol fil-lingwa Griega. "Logos" tfisser "raġuni", "sens", "kelma". Mhijiex raġuni pura u sempliċi, iżda Raġuni kreattiva, li titkellem u tikkomunika lilha nfisha. Hija Raġuni li hija, kif ukoll toħloq, sens. Ir-rakkont tal-ħolqien jgħidilna, għaldaqstant, li d-dinja hija prodott ta' Raġuni kreattiva. Għalhekk tgħidilna li, mhux biss m’hemmx nuqqas ta' raġuni u libertà fl-oriġini tal-ħwejjeġ kollha, iżda s-sors ta' kollox huwa r-Raġuni kreattiva, l-imħabba u l-libertà. Hawnhekk qed inħabbtu wiċċna mal-alternattiva tal-aħħar li tilgħabha fid-disputa bejn il-fidi u n-nuqqas ta’ twemmin: huma l-irrazzjonalità, in-nuqqas ta' libertà u dak li purament inzerta l-oriġini ta' kollox, jew huma ir-raġuni, il-libertà u l-imħabba l-oriġini ta’ kulma hu? Il-primat lil min jappartjeni, lin-nuqqqs ta’ raġuni jew lir-raġuni? Fl-aħħar mill-aħħar kollox jorbot fuq dan. Bħala bnedmin li nemmnu aħna nwieġbu, bir-rakkont tal-ħolqien u ma' San Ġwann, li fil-bidu hija r-raġuni. Fil-bidu hemm il-ħelsien. Għalhekk ħaġa tajba li tkun persuna umana. Mhuwiex il-każ li fl-univers li qed jespandi, iktar tard, f'xi rokna ċkejkna tal-Kosmos, evolvew kif ġie ġie xi speċijiet, li jgħixu, kapaċi jirraġunaw u jippruvaw isibu razzjonalità fil-ħolqien, iġibu r-razzjonalità fih. Jekk il-bniedem kien sempliċiment prodott ġie kif ġie ta' evoluzzjoni f'xi post imtarraf tal-univers, allura l-ħajja tiegħu ma tagħmilx sens jew saħansitra tista' jkun ċans tan-natura. Imma le, ir-Raġuni qiegħda hemm fil-bidu: Raġuni kreattiva, divina. U minħabba li hija Raġuni, ħolqot ukoll il-libertà; u billi l-ħelsien jista’ jiġi abbużat, jeżistu wkoll forzi li huma ta' ħsara għall-ħolqien. Għalhekk, linja sewda ħoxna, biex ngħidu hekk, ġiet mgħoddija fl-istruttura tal-univers u fin-natura tal-bniedem. Iżda minkejja din il-kontradizzjoni, il-ħolqien nnifsu jibqa' tajjeb, il-ħajja tibqa' tajba, għax fil-bidu tinsab r-Raġuni tajba, l-imħabba kreattiva ta' Alla. Għalhekk id-dinja tista’ tiġi salvata. Għalhekk nistgħu u għandna npoġġu lilna nfusna fuq in-naħa tar-raġuni, il-libertà u l-imħabba - fuq in-naħa ta' Alla li tant iħobb tant li sofra għalina, li mill-mewt tiegħu tista' toħroġ ħajja ġdida, definittiva u mfejqa.

Ir-rakkont ħolqien, fit-Testment il-Qadim, li aħna smajna jindika b'mod ċar dan l-ordni ta' realtajiet. Iżda dan iwassalna pass ieħor 'il quddiem. Dan bena il-proċess tal-ħolqien fi ħdan il-qafas ta’ ġimgħa li wasslet għas-Sabbath, li fih isib il-milja tiegħu. Għal Iżrael, is-Sabbath kien il-jum li fih kulħadd seta’ jieħu sehem fil-mistrieħ ta' Alla, fejn il-bniedem u l-annimali, is-sid u l-ilsir, kbar u żgħar kienu magħqudin fil-libertà t'Alla. Għalhekk is-Sabbath kien tifsira tal-Patt bejn Alla u l-bniedem u l-ħolqien. B'dan il-mod, il-komunjoni bejn Alla u l-bniedem ma tidhirx bħala xi ħaġa extra, xi ħaġa miżjuda aktar tard ma’ dinja diġà maħluqa kollha kemm hi. Il-Patt, komunjoni bejn Alla u l-bniedem, huwa predispost fil-profond tal-ħolqien. Iva, il-Patt huwa r-raġuni intrinsika tal-ħolqien, bħalma l-ħolqien huwa l-presuppost estern tal-Patt. Alla għamel id-dinja sabiex ikun hemm post fejn jista' jikkomunika l-imħabba tiegħu, u li minnu t-tweġiba tal-imħabba terġa' lura għal għandu. Quddiem Alla, il-qalb tal-bniedem li tagħtih tweġiba hija akbar u aktar importanti mill-immens kosmos materjali li, ċertament,  jippermettilna naraw fih xi ħaġa mill-kobor ta’ Alla.

Fl-Għid u mill-esperjenza paskali tal-Insara, però, jeħtieġilna nmiddu pass ieħor. Il-Sabbath huwa s-seba' jum tal-ġimgħa. Wara sitt ijiem li fihom il-bniedem, f'ċertu sens, jipparteċipa fix-xogħol tal-ħolqien ta' Alla, is-Sabbath huwa l-jum tal-mistrieħ. Imma fil-Knisja hi u titwieled ġrat xi ħaġa li qatt ma nstemgħet: minflok, il-post tas-Sabbath, is-seba' jum, ittieħed mill-ewwel jum. Bħala l-jum tal-ġemgħa liturġika, huwa l-jum tal-laqgħa ma' Alla permezz ta’ Ġesù Kristu li bħala l-Mulej Imqajjem-mill-Mewt iltaqa' ma’ dawk li mxew wrajh fl-ewwel jum, il-Ħadd, wara li kienu sabu l-qabar vojt. L-istruttura tal-ġimgħa inqalbet. Ma tippuntax iżjed lejn is-seba' jum, bħala l-ħin fejn wieħed jipparteċipa fil-mistrieħ ta' Alla. Tibda bl-ewwel jum bħala l-jum tal-laqgħa mal-Mulej Imqajjem mill-Mewt. Din il-laqgħa dejjem isseħħ mill-ġdid f'kull ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, meta l-Mulej jerġa 'jidħol f'nofs id-dixxipli tiegħu u jagħti lilu nnifsu, jippermetti lilu nnifsu, biex ngħidu hekk, jintmess minnhom, joqgħod fuq il-mejda magħhom. Din il-bidla hija tassew straordinarja, meta wieħed iqis li s-Sabbath, is-seba’ jum, li kienu jħarsu lejh bħala l-jum tal-laqgħa ma' Alla, għandu għeruq tant profondi fit-Testment il-Qadim. Jekk inżommu quddiem għajnejna kemm il-moviment mix-xogħol lejn jum il-mistrieħ jikkorrispondi ma’ ritmu naturali, in-natura drammatika ta' din il-bidla aktar tolqotna. Dan l-iżvilupp rivoluzzjonarju li seħħ fil-bidu tal-istorja tal-Knisja jista' jiġi spjegat biss bil-fatt li xi ħaġa verament ġdida seħħet f’dak il-jum. L-ewwel jum tal-ġimgħa kien it-tielet jum wara l-mewt ta' Ġesù. Kien il-jum meta wera ruħu lid-dixxipli tiegħu bħala l-Mulej Mqajjem mill-Mewt. Fil-verità, din il-laqgħa kellha xi ħaġa li taħsdek. Id-dinja nbidlet. Dan il-bniedem li miet issa beda jgħix ħajja li ma kenitx mhedda minn xi mewt. Ġiet inawgurata forma ġdida tal-ħajja, dimensjoni ġdida tal-ħolqien. L-ewwel jum, skont ir-rakkont tal-Ġenesi, huwa l-jum li fih jibda l-ħolqien. Issa kien jum il-ħolqien b'mod ġdid, sar il-jum tal-ħolqien il-ġdid. Niċċelebraw l-ewwel jum. U meta nagħmlu hekk inkunu qed niċċelebraw lil Alla l-Ħallieq u l-ħolqien Tiegħu. Iva, aħna nemmnu f'Alla, il-Ħallieq tas-sema w l-art. U niċċelebraw lil Alla li sar bniedem, li bata, miet, kien midfun u reġa' qam. Niċċelebraw ir-rebħa darba għal dejjem tal-Ħallieq u tal-ħolqien Tiegħu. Niċċelebraw din il-ġurnata bħala l-oriġini u l-għan tal-eżistenza tagħna. Niċċelebrawh għaliex issa, bis-saħħa tal-Mulej Imqajjem, ġie stabbilit darba għal dejjem li r-raġuni hija aktar b'saħħitha minn nuqqas ta’ raġuni, il- verità hija aktar b'saħħitha mill-gideb, l-imħabba iktar b'saħħitha mill-mewt. Niċċelebraw l-ewwel jum għax nafu li l-linja sewda miġbuda madwar il-ħolqien ma tibqax għal dejjem. Niċċelebrawh għaliex aħna nafu li issa jiswew għal dejjem dawk il-kliem fl-aħħar tar-rakkont tal-ħolqien: "U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna" (Ġen 1:31). Ammen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta