Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ Mejju 2008

 

San Girgor il-Kbir (1)

 

Għeżież ħuti,

 

Nhar l-Erbgħa li għadda tkellimt fuq Missier tal-Knisja ftit li xejn magħruf fil-Punent, Romanu l-Melodi. Illum nixtieq nippreżenta l-figura ta’ wieħed mill-ikbar Missirijiet fl-istorja tal-Knisja, wieħed mill-erba’ dutturi tal-Punent, il-Papa San Girgor, li kien Isqof ta’ Ruma bejn is-snin 590 u 604, u li stħaqqlu li t-tradizzjoni tagħtih it-titlu ta’ Magnus/Kbir. Girgor kien tassew Papa kbir u Duttur kbir tal-Knisja! Twieled Ruma, lejn is-sena 540, minn familja għanja patrizja tal-gens Anicia, li kienet distinta mhux biss għan-nobbiltà tad-demm, imma anki għar-rabta tagħha mal-fidi Nisranija u għas-servizzi li kienet tagħti lis-Sede Appostolika. Minn din il-familja kienu ħarġu żewġ Papiet: Feliċ III (483-492), bużbużnannu ta’ Girgor, u Agapitu (535-536). Id-dar li fiha kiber Girgor kienet fuq il-Clivus Scauri, imdawra minn binjiet solenni li kienu xhieda tal-kobor ta’ Ruma tal-qedem u l-qawwa spiritwali tal-Kristjaneżmu. Inebbħuh b’sentimenti Nsara għoljin imbagħad kien hemm l-eżempji tal-ġenituri Ġordjanu u Silvja, it-tnejn li huma meqjumin bħala qaddisin, u dawk taż-żewġ zijiet min-naħa ta’ missieru, Emiljana u Tarsilja, li għexu fl-istess dar bħala verġni kkonsagrati f’mixja flimkien ta’ talb u ta’ axxeżi.


Girgor malajr daħal fil-karriera amministrattiva, li kien fiha wkoll missieru, u fis-sena 572 laħaq il-quċċata, billi sar prefett tal-belt. Din il-ħidma, ikkumplikata minħabba ż-żminijiet koroh, għenitu jħabbat wiċċu ma’ firxa wiesgħa ta’ kull xorta ta’ problemi amministrattivi, mnejn kiseb dawl għal ħidmiet li kien se jkollu fil-futur. B’mod partikulari, baqa’ fih sens profond tal-ordni u tad-dixxiplina: meta sar Papa, issuġġerixxa lill-Isqfijiet biex fit-tħaddim tal-ħwejjeġ ekkleżjastiċi jieħdu bħala xempju d-diliġenza u r-rispett tal-liġijiet tal-funzjonarji ċivili. Imma din il-ħajja ma ssodisfatux ladarba, mhux wisq żmien wara, qatagħha li jħalli kull karriera ċivili, biex jirtira fid-dar tiegħu u jibda l-ħajja ta’ monaku, fejn bidel id-dar tal-familja fil-monasteru ta’ Sant’Andrija al Celio. Ta’ dan il-perjodu ta’ ħajja monastika, ħajja ta’ djalogu kontinwu mal-Mulej fis-smigħ tal-kelma tiegħu, kellha tibqagħlu nostalġija dejjiema u li nsibuha dejjem mill-ġdid u dejjem iżjed fl-omeliji tiegħu: qalb il-pressjoni tat-tħassib pastorali, kemm-il darba jiftakar fih fil-kitbiet tiegħu bħala żmien hieni ta’ ġabra f’Alla, ta’ dedikazzjoni għat-talb, ta’ xeħta serena għall-istudju. Hekk seta’ jikseb dak l-għarfien profond tal-Iskrittura Mqaddsa u tal-Missirijiet tal-Knisja li bihom imbagħad inqeda fl-opri tiegħu.

 

Imma l-irtir klawstrali ta’ Girgor ma tantx kellu jtul. L-esperjenza prezzjuża li mmatura fih fl-amministrazzjoni ċivili fi żmien mimli bi problemi serji, ir-relazzjonijiet li f’dan l-uffiċċju kellu mal-Biżantini, l-istima universali li kien kiseb, wasslu lill-Papa Pelaġju biex jagħmlu djaknu u jibagħtu Kostantinopli bħala “apokrisarju” tiegħu, illum kieku ngħidu “Nunzju Appostoliku”, biex jgħin ħalli jingħeleb l-aħħar ħjiel tal-kontroversja Monofisita u fuq kollox biex jikseb l-appoġġ tal-imperatur fl-isforz biex jieqfu lill-pressjoni Longobarda. Iż-żmien li dam Kostantinopli, fejn  ma’ grupp ta’ monaċi kien reġa’ beda jgħix il-ħajja monastika, kien importantissmu għal Girgor, għax tah mod kif jikseb esperjenza diretta tad-dinja Biżantina, kif ukoll biex jersaq qrib tal-problema tal-Longobardi, li mbagħad kellha tqiegħed fi prova kbira l-ħila u l-enerġija tiegħu fis-snin tal-Pontifikat. Wara xi snin reġa’ ġie msejjaħ lura Ruma mill-Papa, li ħatru segretarju tiegħu. Kienu snin ibsin: ix-xita kontinwa, ix-xmajjar ifuru, il-ġuħ li fena bosta żoni tal-Italja u Ruma nfisha. Fl-aħħar faqqgħet ukoll il-pesta, li ħalliet għadd ta’ vittmi, fosthom anki l-Papa Pelaġju II. Il-kleru, il-poplu u s-senat kienu fehma waħda fl-għażla tas-suċċessur tiegħu fuq is-Sede ta’ Pietru: proprju lilu, Girgor. Hu pprova jirreżisti, u ttenta wkoll jaħrab, imma ma kien hemm xejn x’tagħmel: fl-aħħar kellu jċedi. Kienet is-sena 590.

 

Il-Papa l-ġdid għaraf ir-rieda ta’ Alla f’dak li kien seħħ, u minnufih bil-ħeġġa kollha xammar il-kmiem għax-xogħol. Sa mill-bidu wera li kellu viżjoni ċarissma tar-realtà li magħha kellu x’jaqsam, ħila straordinarja ta’ ħidma li biha affronta l-ħwejjeġ kemm tal-Knisja u kemm ċivili, bilanċ kontinwu fid-deċiżjonijiet, anki kuraġġjużi, li kien jimponi fuqu l-uffiċċju tiegħu. Minn żmien it-tmexxija tiegħu għandna dokumentazzjoni wiesgħa grazzi għar-Reġistru tal-ittri tiegħu (fuq 800), li fihom insibu rifless il-konfront ta’ kuljum mal-mistoqsijiet kumplessi li kienu jimlew il-mejda tiegħu. Kienu mistoqsijiet li kienu jaslu għandu mingħand l-Isqfijiet, l-Abbatijiet, il-clerici, u anki l-awtoritajiet ċivili ta’ kull ordni u grad. Fost il-problemi li f’dak iż-żmien kienu qed iħabbtu l-Italja u Ruma kien hemm waħda ta’ importanza partikulari fil-qasam kemm ċivili u ekkleżjali: il-kwistjoni Longobarda. Għal din il-Papa ddedika kull enerġija possibbli fid-dawl ta’ soluzzjoni li ġġib tassew paċi. B’differenza mill-Imperatur Biżantin li telaq mill-presuppost li l-Longobardi kienu biss nies goffi u predaturi li kellhom jiġu mirbuħa jew meqruda, San Girgor ħares lejn dawn in-nies bl-għajnejn tar-ragħaj it-tajjeb, u l-ħsieb tiegħu kien kif se jħabbrilhom il-kelma tas-salvazzjoni, u jibni magħhom relazzjonijiet ta’ fraternità fid-dawl ta’ paċi fil-futur imsejsa fuq ir-rispett reċiproku u fuq il-konvivenza serena bejn Taljani, nies tal-imperu u Longobardi. Ħsiebu kien fil-konverżjoni tal-popli ġodda u tal-istruttura ċivili ġdida tal-Ewropa: il-Viżigoti ta’ Spanja, il-Franki, is-Sassoni, l-immigranti fil-Brittanja u l-Longobardi, kienu d-destinatarji pprivileġġjati tal-missjoni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni. Ilbieraħ iċċelebrajna t-Tifkira liturġika ta’ Santu Wistin ta’ Canterbury, il-kap ta’ grupp ta’ monaċi mqabbdin minn Girgor biex imorru l-Brittanja biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

 

Biex jikseb paċi effettiva għal Ruma u fl-Italja, il-Papa ħabrek bis-sħiħ – kien tassew bniedem tal-paċi –, u beda trattattiva intensiva mar-re Logobard Agilulfu. Dan in-negozjar wassal għal perjodu ta’ waqfien mill-ġdid li dam xi tliet snin (598-601), u wara dan kien possibbli li fis-603 isir ftehim ta’ paċi iktar stabbli. Dan ir-riżultat pożittiv inkiseb ukoll grazzi għall-kuntatti paralleli li, fl-istess waqt, il-Papa kellu mar-reġina Teodolinda, li kienet prinċipessa mill-Bavarja u, b’differenza mill-kapijiet tal-popli Ġermaniċi l-oħra, kienet Kattolika, profondament Kattolika. Waslitilna serje ta’ ittri tal-Papa Girgor lil din ir-reġina, li fiha tidher l-istima tiegħu u l-ħbiberija tiegħu magħha. Teodolinda rnexxielha ftit ftit twassal lir-re għall-Kattoliċiżmu, u hekk fetħet it-triq għall-paċi. Il-Papa wasal ukoll biex jibgħatilha r-relikwi għall-Bażilika ta’ San Ġwann Battista li hi bniet f’Monza, u bagħtilha espressjoni ta’ awgurju u doni prezzjużi għall-istess katidral ta’ Monza fl-okkażjoni tat-twelid u tal-magħmudija ta’ binha Adalwaldu. Il-ġrajja ta’ din ir-reġina hija xhieda sabiħa tal-importanza tan-nisa fl-istorja tal-Knisja. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għanijiet li lejhom immira Girgor il-ħin kollu kienu tlieta: irażżan l-espansjoni tal-Longobardi fl-Italja; iħares lir-reġina Teodolinda mill-influwenza tax-xiżmatiċi u jsaħħilha l-fidi Kattolika; jagħmilha ta’ medjatur bejn il-Longobardi u l-Biżantini fid-dawl ta’ ftehim li jiggarantixxi l-paċi fil-peniżula u fl-istess ħin ikun jista’ jwettaq azzjoni ta’ evanġelizzazzjoni fost il-Longobardi stess. Għalhekk l-orjentament kostanti tiegħu kienu doppju f’din il-biċċa kkumplikata: jippromovi ftehim fuq il-livell diplomatiku-politiku, ixerred l-aħbar tal-fidi vera fost il-popli.

 

Flimkien mal-azzjoni purament spiritwali u pastorali, il-Papa Girgor kien protagonista attiv ukoll ta’ għadd ta’ ħidmiet soċjali. Mid-dħul tal-wirt għani li s-Sede Rumana kellha fl-Italja, speċjalment fi Sqallija, xtara u qassam qamħ, għajnuniet lil min kien fil-bżonn, għen saċerdoti, monaċi li kienu qed jgħixu fil-faqar, feda ċittadini li spiċċaw ilsiera tal-Longobardi, ħallas għall-waqfien mill-ġlied u l-ftehim għall-paċi. Barra min hekk, żvolġa kemm f’Ruma u kemm f’partijiet oħra tal-Italja opra attenta ta’ ordni mill-ġdid fl-amministrazzjoni, b’istruzzjonijiet preċiżi li ta biex il-ġid tal-Knisja, utli għall-għajxien tagħha u għall-opra tagħha ta’ evanġelizzazzjoni fid-dinja, jitħaddem b’rettitudni assoluta u skont ir-regoli tal-ġustizzja u tal-ħniena. Kien jesiġi li dawk li kienu jgħixu fuq l-artijiet jiġu mħarsin mill-abbużi tal-aġenti tal-proprjetajiet tal-Knisja u, f’każ ta’ frodi, jiġu kkumpensati minnufih, biex qatt ma jiġi mniġġes bi qligħ diżonest il-wiċċ tal-Għarusa ta’ Kristu.

 

Din il-ħidma intensa Girgor wettaqha minkejja s-saħħa dgħajfa tiegħu, li spiss kienet iżżommu mixħut fis-sodda għal jiem sħaħ. Is-sawm fis-snin tal-ħajja monastika kien ħoloqlu problemi serji ta’ indiġestjoni. Barra minn hekk, il-vuċi tiegħu spiss kienet dgħajfa hekk li mhux darba u tnejn kien ikollu jħalli f’idejn id-djaknu l-qari tal-omeliji tiegħu, biex il-fidili preżenti fil-bażiliċi Rumani setgħu jisimgħuh. Imma kien jagħmel dak kollu possibbli biex jiċċelebra fil-jiem ta’ festa Missarum sollemnia, jiġifieri l-Quddiesa solenni, u hemm kien jiltaqa’ personalment mal-poplu ta’ Alla, li kellu mħabba kbira lejh, għax kien jilmaħ fih ir-riferiment awtorevoli li minnu seta’ jikseb ċertezza: mhux ta’ b’xejn li malajr ġie attribwit lilu t-titlu ta’ consul Dei. Minkejja l-kundizzjonijiet wisq diffiċli li fihom sab ruħu jaħdem, irnexxielu jirbaħ, grazzi għall-qdusija ta’ ħajtu u l-umanità għanja tiegħu, il-fiduċja tal-fidili, u hekk kiseb għal żmienu u għall-futur riżultati tassew grandjużi. Kien bniedem mgħaddas f’Alla: ix-xewqa għal Alla kienet dejjem ħajja fil-qiegħ ta’ ruħu u proprju għalhekk hu kien dejjem tant qrib tal-proxxmu, tal-ħtiġijiet tan-nies ta’ żmienu. Fi żmien diżastruż, anzi ta’ qtigħ il-qalb, għaraf joħloq il-paċi u jagħti t-tama. Dan il-bniedem ta’ Alla jurina fejn huma l-veri għejun tal-paċi, mnejn tiġi t-tama vera, u għalhekk hu gwida għalina llum ukoll.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard