Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Bitħa interna tal-Palazz Appostoliku f’Castel Gandolfo

L-Erbgħa 20 ta’ Awwissu 2008

 

Riflessjoni fuq bosta qaddisin

 

Għeżież ħuti,

 

Ta’ kuljum il-Knisja tqiegħed għall-attenzjoni tagħna qaddis u beatu wieħed jew iktar biex nitolbuhom u nimitawhom. Din il-ġimgħa, ngħidu aħna, niftakru f’uħud għeżież ħafna għad-devozzjoni popolari. Ilbieraħ, San Ġwann Eudes, li quddiem ir-rigoriżmu tal-Ġansenisti – qegħdin fis-seklu 17 – ippromova devozzjoni ħelwa, li l-għejun bla tarf tagħha hu wriehom fil-Qlub imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija. Illum qed niftakru f’San Bernard ta’ Clairvaux, li l-Papa Piju VIII sejjaħlu “duttur il-għasel”, għax kien jeċċella biex “jislet mit-testi bibliċi t-tifsira vera li tinsab moħbija fihom”. Dan il-mistiku, li xtaq tant jgħix fil-“wied imdawwal” tal-kontemplazzjoni, il-ġrajjiet wassluh biex jivvjaġġa mal-Ewropa biex jaqdi lill-Knisja, skont il-ħtieġa taż-żmien u biex jiddefendi l-fidi Nisranija. Ġie msejjaħ ukoll “duttur Marjan” mhux għax kiteb ħafna fuq il-Madonna, imma għax għaraf x’inhu r-rwol essenzjali tagħha fil-Knisja, u ppreżentaha bħala l-mudell perfett għall-ħajja monastika u għal kull għamla oħra ta’ ħajja Nisranija.

 

Għada nfakkru lil San Piju X, li għex f’perjodu storiku mqalleb. Dwaru Ġwanni Pawlu II kien qal, meta żar raħal twelidu fl-1985: “Tqabad u bata għal-libertà tal-Knisja, u għal din il-libertà kien lest jissagrifika privileġġi u unuri, jaffronta inkomprensjonijiet u żebliħ, għax din il-libertà kien jaraha bħala garanzija aħħarija għall-integrità u l-koerenza tal-fidi” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VIII, 1, 1985, p. 1818).

 

Il-Ġimgħa li ġejja sa tkun iddedikata lill-Verġni Mqaddsa Marija Reġina, tifkira mwaqqfa mill-Qaddej ta’ Alla Piju XII fl-1955, u li t-tiġdid liturġiku li ried il-Konċilju Vatikan II qegħedha bħala t-tkomplija tas-Solennità tal-Assunta, għax iż-żewġ privileġġi jsawru misteru wieħed. Fl-aħħar nett, is-Sibt se nitolbu lil Santa Roża ta’ Lima, l-ewwel qaddisa kkanonizzata tal-kontinent tal-Amerika Latina, li tiegħu hi Patruna prinċipali. Santa Roża kienet tħobb ittenni: “Kieku l-bnedmin kieu jafu xi jfisser tgħix fil-grazzja, ma kienu jibżgħu minn ebda tbatija u kienu jkunu lesti jbatu minn qalbhom kull piena, għax il-grazzja hi frott is-sabar”. Mietet ta’ 31 sena fl-1617, wara ħajja qasira mimlija ċaħdiet u tbatija, fil-festa ta’ San Bartilmew Appostlu, li tiegħu kienet devota ħafna, għax kien bata martirju ta’ wġigħ partikularment kbir.

 

Għeżież ħuti, jum wara l-ieħor il-Knisja allura toffrilna l-possibbiltà li nimxu fil-kumpanija tal-qaddisin. Hans Urs von Balthasar kiteb li l-qaddisin huma l-kummentarju l-iżjed importanti għall-Vanġelu, it-twettiq tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum, u allura jirrappreżentaw għalina triq vera ta’ aċċess għal Ġesù. Il-kittieb Franċiż Jean Guitton iddeskriviehom “bħala l-ilwien tal-ispettru f’relazzjoni mad-dawl”, għax bit-tontalitajiet u l-aċċentwazzjonijiet tiegħu kull wieħed u waħda jirrifletti d-dawl tal-qdusija ta’ Alla. Għalhekk kemm hu importanti u ta’ ġid għalina l-impenn li nxettlu l-għarfien u d-devozzjoni lejn il-qaddisin, flimkien mal-meditazzjoni ta’ kuljum tal-Kelma ta’ Alla u ma’ mħabba ta’ wlied lejn il-Madonna!

 

Żmien il-vaganzi bla dubju ta’ xejn huwa żmien utli biex naqbdu f’idejna l-bijografija u l-kitbiet ta’ xi qaddis jew qaddisa b’mod partikulari, imma kull ġurnata tas-sena toffrilna l-opportunità li niffamiljarizzaw ruħna mal-Patruni tagħna tas-Sema. L-esperjenza umana u spiritwali tagħhom turina li l-qdusija mhijiex xi lussu, mhijiex privileġġ tal-ftit, destinazzjoni impossibbli għal bniedem normali; fir-realtà, hija d-destin komuni tal-bnedmin kollha msejħa biex ikunu wlied Alla, il-vokazzjoni universali tal-imgħammdin kollha. Il-qdusija hi offruta lil kulħadd; naturalment mhux il-qaddisin kollha huma bħal xulxin: fil-fatt huma, kif għidt, l-ispettru tad-dawl divin. U mhux bilfors hu qaddis kbir dak li għandu kariżmi ta’ barra minn hawn. Fil-fatt hemm ħafna u ħafna li isimhom jafu biss Alla, għaliex fuq l-art għexu ħajja li minn barra kienet tidher normali għall-aħħar. U proprju dawn il-qaddisin “normali” huma l-qaddisin li normalment jixtieq Alla. L-eżempju tagħhom jixhed li l-kuntatt tagħna mal-Mulej biss jista’ jimliena bil-paċi tiegħu u bil-ferħ tiegħu u jista’ jxerred ma’ kullimkien serenità, tama u ottimiżmu. Huwa u jqis sewwasew il-varjetà tal-kariżmi tagħhom, Bernanos, kittieb kbir Franċiż li dejjem kien imsaħħar mill-idea tal-qaddisin – isemmi ħafna fir-rumanzi tiegħu – jinnota li “kull ħajja ta’ qaddis hi bħala twarrid ġdid tar-rebbiegħa”. Ħa jseħħ dan għalina wkoll! Inħallu għalhekk jiġbidna lejh is-seħer sopranaturali tal-qdusija! Ħa taqlgħalna din il-grazzja Marija, Sultana tal-Qaddisin kollha, Omm u Kenn tal-midinbin!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard