Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Ottubru 2007

 

San Ewsebju ta’ Vercelli

 

Għeżież ħuti,

 

Dalgħodu nistedinkom tirriflettu fuq San Ewsebju ta’ Vercelli, l-ewwel Isqof tal-Italja ta’ Fuq li dwaru għandna tagħrif ċert. Twieled Sardinja għall-bidu tas-seklu 4, u kien għadu ta’ età ċkejkna meta mar Ruma mal-familja tiegħu. Iktar tard ġie istitwit lettur: u hekk daħal jagħmel parti mill-kleru tal-Belt, fi żmien meta l-Knisja kienet imġarrba qatigħ mill-ereżija Arjana. L-istima kbira li kien igawdi Ewsebju tispjega l-elezzjoni tiegħu fis-sena 345 għall-katedra episkopali ta’ Vercelli. L-Isqof il-ġdid minnufih beda ħidma intensa ta’ evanġelizzazzjoni f’territorju li fil-parti l-kbira tiegħu kien għadu pagan, speċjalment fiż-żoni rurali. Imnebbaħ minn Sant’Atanasju – li kien kiteb il-Ħajja ta’ Sant’Anton, il-fundatur tal-monakiżmu fil-Lvant –, waqqaf f’Vercelli komunità ta’ saċerdoti, tixbah lil komunità monastika. Dan iċ-ċenobju ta lill-kleru tal-Italja ta’ Fuq impronta sinifikattiva ta’ qdusija appostolika u qajjem figuri ta’ Isqfijiet importanti, bħal Limenju u Onoratu, suċċessuri ta’ Ewsebju ta’ Vercelli, Gawdenz f’Novara, Eżuperanzju f’Tortona, Ewstasju f’Aosta, Ewloġju f’Ivrea, Massimu f’Turin, ilkoll meqjuma mill-Knisja bħala qaddisin.

 

Magħġun fis-sod fil-fidi ta’ Niċea, Ewsebju ddefenda bil-qawwa kollha d-divinità sħiħa ta’ Ġesù Kristu, li l-Kredu ta’ Niċea ddefinieh “ħaġa waħda” mal-Missier. Għal dan il-għan hu ngħaqad mal-Padri kbar tar-raba’ seklu – fuq kollox ma’ Sant’Atanasju, il-kampjun tal-ortodossija Niċena – kontra l-politika tal-Imperatur li kienet ixxaqleb iżjed lejn l-Arjaniżmu. Għall-Imperatur il-fidi iktar sempliċi Arjana kienet tidher politikament iktar utli bħala ideoloġija tal-Imperu. Għalih mhux il-verità li kienet tiswa, imma l-opportunità politika: ried jinqeda bir-reliġjon bħala rabta tal-għaqda tal-Imperu kollu. Imma dawn il-Padri kbar waqfulu u ddefendew il-verità kontra l-ħakma tal-politika. Għal din ir-raġuni Ewsebju, bħal tant Isqfijiet oħra tal-Lvant u tal-Punent, ġie kkundannat għall-eżilju: bħall-istess Atanasju, bħal Illarju ta’ Poitiers – li dwaru tkellimna l-aħħar darba –, bħal Osju ta’ Cordova. F’Xitopoli, fil-Palestina, fejn ġie mibgħut bejn it-355 u t-360, Ewsebju kiteb paġna stupenda ta’ ħajtu. Hawn ukoll waqqaf ċenobju bi grupp ċkejken ta’ dixxipli, u minn hawn ħa ħsieb il-korrispodenza mal-fidili tiegħu tal-Pjemonte, kif tixhed fuq kollox it-tieni mit-tliet Ittri Ewsebjani li huma meqjusa bħala awtentiċi. Imbagħad, wara s-sena 360, ġie eżiljat fil-Kappadoċja u fit-Tebajd, fejn sofra moħqrijiet fiżiċi kbar. Fis-sena 361, wara li miet Kostanz II, ħadlu postu l-Imperatur Ġuljanu, imsejjaħ l-Apostata, li ma kienx interessat fil-Kristjaneżmu bħala reliġjon tal-Imperu, imma xtaq sempliċiment jerġa’ jdaħħal il-paganiżmu. Hu temm l-eżilju ta’ dawn l-Isqfijiet u għalhekk ħalla wkoll lil Ewsebju jerġa’ jieħu pussess tas-sede tiegħu. Fis-sena 362 ġie mistieden minn Atanasju jieħu sehem fil-Konċilju ta’ Lixandra, li ddeċieda li jaħfer lill-Isqfijiet Arjani jekk dawn jerġgħu lura għall-istat lajkali. Ewsebju seta’ jeżerċita mill-ġdid għal xi għaxar snin, sa mewtu, il-ministeru episkopali, u mal-belt tiegħu ħoloq rabta eżemplari, li kienet ukoll ta’ ispirazzjoni għas-servizz pastorali ta’ Isqfijiet oħrajn tal-Italja ta’ Fuq, li dwarhom għad nitkellmu fil-katkeżijiet li jmiss, bħal Sant’Ambroġ ta’ Milan u San Massimu ta’ Turin.

 

Ir-relazzjoni bejn l-Isqof ta’ Vercelli u l-belt tiegħu nilmħuha fuq kollox f’żewġ xhieda epistolari. L-ewwel waħda nsibuha fl-Ittra li diġà kkwotajna, li Ewsebju kiteb mill-eżilju ta’ Xitopoli “lill-aħwa l-aktar għeżież u lill-presbiteri tant mixtieqa, kif ukoll lill-popli mqaddsa u sħaħ fil-fidi ta’ Vercelli, Novara, Ivrea u Tortona” (Ep. seconda). Dawn l-espressjonijiet tal-bidu, li juru t-tqanqil li kien iħoss dan ir-Ragħaj twajjeb quddiem il-merħla tiegħu, nerġgħu nsibu bħalhom fil-wisa’ lejn tmiem l-Ittra, fit-tislimiet kollha mħabba tal-missier lejn kull wieħed u waħda minn uliedu ta’ Vercelli, b’espressjonijiet imfawra bir-rispett u l-imħabba. Ta’ min jinnota qabelxejn ir-rabta espliċita li torbot lill-Isqof mas-sanctæ plebes mhux biss ta’ Vercellæ/Vercelli – l-ewwel u, għal xi żmien mhux ħażin wara, l-unika Djoċesi tal-Pjemonte –, imma wkoll ta’ Novaria/Novara, Eporedia/Ivrea u Dertona/Tortona, jiġifieri ta’ dawk il-komunitajiet Insara li, fi ħdan l-istess Djoċesi, kienu laħqu ċerta konsistenza u awtonomija. Element ieħor interessanti tagħtihulna t-tislima li biha tagħlaq l-Ittra: Ewsebju jitlob lil uliedu jsellmu “wkoll lil dawk li huma barra mill-Knisja u li jogħġobhom juruna sentimenti ta’ mħabba: etiam hos, qui foris sunt et nos dignantur diligere”. Sinjal ċar li r-relazzjoni tal-Isqof mal-belt tiegħu ma kinitx limitata għall-poplu Nisrani, imma kienet titwessa’ wkoll għal dawk li – barra mill-Knisja – b’xi mod kienu jagħrfu l-awtorità spiritwali tiegħu u jħobbu lil dan il-bniedem eżemplari.

 

It-tieni xhieda tar-rabta unika tal-Isqof mal-belt tiegħu toħroġ mill-Ittra li Sant’Ambroġ ta’ Milan kiteb lin-nies ta’ Vercelli lejn is-sena 394, fuq għoxrin sena wara l-mewt ta’ Ewsebju (Ep. extra collecitonem 14). Il-Knisja ta’ Vercelli kienet għaddejja minn żmien iebes: kienet maqsuma u bla Ragħaj. B’onestà kbira Ambroġ jiddikjara li jsibha diffiċli jagħraf f’dawk in-nies ta’ Vercelli “n-nisel tal-missirijiet imqaddsa, li bilkemm kienu għadhom raw lil Ewsebju li ma approvawhx, bla qatt kienu jafuh qabel, u fuq hekk waslu biex insew saħansitra lil nieshom stess”. Fl-istess Ittra l-Isqof ta’ Milan jistqarr bl-aktar mod ċar l-istima tiegħu lejn Ewsebju: “Bniedem hekk kbir”, jikteb b’awtorità, “xeraqlu wisq li jiġi maħtur mill-Knisja kollha”. L-ammirazzjoni ta’ Ambroġ għal Ewsebju kienet mibnija qabelxejn fuq il-fatt li l-Isqof ta’ Vercelli kien imexxi lid-djoċesi bix-xhieda ta’ ħajtu: “Bl-awsterità tas-sawm kien imexxi lill-Knisja tiegħu”. Fil-fatt anki Ambroġ kien affaxxinat – kif qal hu stess – mill-ideal monastiku tal-kontemplazzjoni ta’ Alla, li Ewsebju kien ħaddan fuq il-passi tal-Profeta Elija. Ambroġ jinnota li l-Isqof ta’ Vercelli qabelxejn kien ġema’ lill-kleru tiegħu f’vita communis u edukah għall-“osservanza tar-regoli monastiċi, imqar jekk kien jgħix f’nofs il-belt”. L-Isqof u l-kleru tiegħu riedu jaqsmu flimkien il-problemi taċ-ċittadini l-oħra, u dan għamluh b’mod kredibbli billi fl-istess waqt rawmu ċittadinanza differenti, dik tas-Sema (ara Lhud 13:14). U hekk sawru tabilħaqq ċittadinanza vera, solidarjetà komuni vera bejn iċ-ċittadini ta’ Vercelli.

 

Hekk Ewsebju, waqt li għamel tiegħu l-kawża tas-sancta plebs ta’ Vercelli, għex f’nofs il-belt bħala monaku, u fetaħ il-qalb tal-belt għal Alla. U għalhekk, dan l-aspett xejn ma seraq mid-dinamiżmu pastorali tiegħu. Fost l-oħrajn jidher li hu waqqaf f’Vercelli l-parroċċi għal servizz ekkleżjali ordnat u stabbli, u ppromova s-Santwarji Marjani għall-konverżjoni tal-popli pagani tal-kampanja. Pjuttost, dan l-“aspett monastiku” żejjen b’dimensjoni partikulari r-relazzjoni tal-Isqof mal-belt tiegħu. Kif kienu diġà l-Appostli, li għalihom Ġesù talab fl-Aħħar Ikla tiegħu, ir-Ragħajja u l-fidili tal-Knisja “għadhom fid-dinja” (Ġw 17:11), imma mhumiex “tad-dinja”. Għalhekk ir-Ragħajja – fakkar Ewsebju – iridu jħeġġu lill-fidili biex ma jqisux il-bliet tad-dinja bħala l-għamara tagħhom għal dejjem, imma biex ifittxu l-Belt futura, Ġerusalemm dejjiema tas-Sema. Din ir-“riserva eskatoloġika” tgħin lir-Ragħajja u lill-fidili biex jippreseraw l-iskala t-tajba tal-valuri, mingħajr qatt iċedu għall-modi tal-mument jew għall-pretensjonijiet inġusti tal-poter politiku taż-żmien. L-iskala vera tal-valuri – donnha trid tgħidilna l-ħajja kollha ta’ Ewsebju – ma tiġix mill-imperaturi tal-bieraħ u tal-lum, imma ġejja minn Ġesù Kristu, il-Bniedem perfett, ħaġa waħda mal-Missier fid-divinità, imma wkoll bniedem bħalna. Meta jirreferi għal din l-iskala ta’ valuri, Ewsebju ma jehda qatt “jirrakkomanda mill-qalb” lill-fidili tiegħu biex “iħarsu b’kull għożża l-fidi, iżommu l-fehma waħda bejniethom, u jkunu assidwi fit-talb” (Ep. seconda).

 

Għeżież ħbieb, jien ukoll nirrakkomandalkom b’qalbi kollha dawn il-valuri dejjiema, waqt li nsellmilkom u nberikkom bl-istess kliem li bih l-Isqof qaddis Ewsebju għalaq it-tieni Ittra tiegħu: “Indur lejkom ilkoll, ħuti mqaddsa, uliedi, fidili taż-żewġ sessi u ta’ kull età, biex… twasslu t-tislima tagħna wkoll lil dawk li huma barra mill-Knisja, u li jogħġobhom juru lejna sentimenti ta’ mħabba” (ibid.).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard