Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Ottubru 2009

 

Pietru l-Venerabbli

 

Għeżież ħuti,

 

Il-figura ta’ Pietru l-Venerabbli, li nixtieq nippreżenta fil-katekeżi tal-lum, terġa’ teħodna lejn l-Abbazija ċelebri ta’ Cluny, lejn id-“decor” (dekor) u n-“nitor” (safa) tagħha – biex nużaw termini rikorrenti fit-testi ta’ Cluny – dekor u splendur, li fuq kollox nammirawhom fil-ġmiel tal-liturġija, triq ipprivileġġjata biex naslu għand Alla. Imma iżjed minn dawn l-aspetti, il-personalità ta’ Pietru tfakkarna fil-qdusija tal-abbatijiet il-kbar ta’ Cluny: hemm “ma kienx hemm abbati wieħed li ma kienx qaddis”, stqarr fl-1080 il-Papa Girgor VII. Fost dawn hemm Pietru l-Venerabbli, li jiġbor fih xi ftit jew wisq il-virtujiet kollha tal-predeċessuri tiegħu, imqar jekk miegħu fi Cluny, quddiem l-Ordnijiet ġodda bħal dak ta’ Cîteaux, diġà jibda jinħass xi sintomu ta’ kriżi. Pietru huwa eżempju tal-għaġeb ta’ axxeta rigoruż miegħu nnifsu imma li jifhem u jagħder lill-oħrajn. Imwieled lejn l-1094 fir-reġjun Franċiż ta’ Auvergne, daħal tifel fil-Monasteru ta’ Sauxillanges, fejn sar monaku u mbagħad prijur. Fl-1122 ġie maħtur Abbati ta’ Cluny, u f’din il-kariga baqa’ sa mewtu, li seħħet nhar il-Milied tal-1156, kif kien xtaq. “Ħabib tal-paċi”, jikteb il-bijografu tiegħu Rodolfu, “kiseb is-sliem fil-glorja ta’ Alla fil-jum tal-paċi” (Vita, I,17: PL 189,28).

 

Dawk li kienu jafuh kienu jfaħħru l-ħlewwa sinjorili tiegħu, il-bilanċ seren, il-ħakma fuqu nnifsu, ir-rettitudni, il-lealtà u l-attitudni speċjali li kellu li jagħmilha ta’ medjatur. “Hu fl-istess natura tiegħi”, kiteb, “li nkun daqshekk imxaqleb lejn il-mogħdrija; għal dan tqanqalni d-drawwa tiegħi li naħfer. Jiena mdorri nissaporti u naħfer” (Ep. 192, f’The Letters of Peter the Venerable, Harvard University Press, 1967, p. 446). U qal ukoll: “Ma’ dawk li ma jaħmlux il-paċi nixtiequ nkunu, possibbilment, dejjem paċifiċi” (Ep. 100, l.c., p. 261). U dwaru nnifsu kiteb: “M’iniex minn dawk li mhumiex kuntenti bix-xorti tagħhom, … li ruħhom hi dejjem anzjuża jew fid-dubju, u li jilmentaw għax l-oħrajn kollha qed jistrieħu u huma biss li dejjem jaħdmu” (Ep. 182, p. 425). Ta’ karattru sensibbli u jaf iħobb, kellu l-ħila jżewweġ l-imħabba għall-Mulej mat-tjieba lejn il-familjari tiegħu, partikularment ma’ ommu, u ma’ ħbiebu. Kien jikkultiva l-ħbiberija, b’mod speċjali mal-monaċi tiegħu, li spiss kienu jiftħu qalbhom miegħu, żguri li se jsibuh jilqagħhom u jifhimhom. Skont ix-xhieda tal-bijografu, “la kien jistmerr u lanqas jiċħad lil ħadd” (Vita, I,3: PL 189,19); “quddiem kulħadd kien jidher bniedem ta’ mħabba; fit-tjieba li kienet ħierġa minnu kien miftuħ għal kulħadd” (ibid., I,1: PL, 189,17).

 

Nistgħu ngħidu li dan l-Abbati qaddis huwa xempju wkoll għall-monaċi u għall-Insara ta’ dan żmienna, immarkat minn ritmu ta’ ħajja frenetika, fejn mhux wieħed jew tnejn huma l-episodji ta’ intolleranza u ta’ nuqqas ta’ ftehim, il-firdiet u t-tilwim. Ix-xhieda tiegħu tistedinna ngħaqqdu l-imħabba ta’ Alla mal-imħabba tal-proxxmu, u ma nehdew qatt ninsġu mill-ġdid relazzjonijiet ta’ fraternità u ta’ rikonċiljazzjoni. Hekk għamel fil-prattika Pietru l-Venerabbli, li sab ruħu jmexxi l-Monasteru ta’ Cluny fi snin li ma kinux daqshekk trankwilli għal diversi raġunijiet esterni u interni għall-Abbazija, u rnexxielu jkun fl-istess waqt sever u mimli umanità profonda. Kien iħobb jgħid: “Minn bniedem iktar tista’ tikseb jekk tittollerah, milli jekk iddejqu bit-tgergir” (Ep. 172, l.c., p. 409). Minħabba l-uffiċċju tiegħu kellu jaffronta ta’ spiss vjaġġi fl-Italja, fl-Ingilterra, fil-Ġermanja, fi Spanja. Kien iħoss itaqqlu l-fatt li kellu jħalli warajh il-ħemda kontemplattiva. Stqarr: “Nivvjaġġa minn post għall-ieħor, nitħasseb, ninkwieta, nitturmenta ruħi, imkaxkar ’l hemm u ’l hawn; ħsiebi l-ħin kollu jiġri issa fuq il-ħwejjeġ tiegħi u issa fuq dawk tal-oħrajn, mhux mingħajr taqlib kbir f’ruħi” (Ep. 91, l.c., p. 233). Imqar jekk kellu jimmanuvra bejn setgħanin u nobbli li bihom kien imdawwar Cluny, xorta rnexxielu, grazzi għas-sens kbir ta’ qies li kellu, għat-tjieba u għar-realiżmu tiegħu, iżomm normalità trankwilla. Fost il-personalitajiet li magħhom daħal f’relazzjoni kien hemm Bernard ta’ Clairvaux li miegħu kellu rabta ta’ ħbiberija li kompliet tikber, minkejja d-differenzi fit-temperament u fil-perspettivi. Bernard sejjaħlu “bniedem importanti, mgħobbi b’ħidmiet importanti” u kellu stima għolja tiegħu (Ep. 147, ed. Scriptorium Claravallense, Milano 1986, VI/1, pp. 658-660), waqt li lil Bernard, Pietru l-Venerabbli sejjaħlu “musbieħ tal-Knisja” (Ep. 164, p. 396), “kolonna qawwija u l-ġmiel tagħha tal-ordni monastiku u tal-Knisja kollha” (Ep. 175, p. 418).

 

B’sens ekkleżjali kbir, Pietru l-Venerabbli kien jgħid li l-ġrajjiet tal-poplu Nisrani għandhom iħossuhom “fil-fond ta’ qalbhom” dawk li jgħoddu “fost il-membri tal-ġisem ta’ Kristu” (Ep. 164, l.c., p. 397). U jżid: “M’għandux l-ispirtu ta’ Kristu jmexxih min ma jħossx il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Kristu”, ikunu fejn ikunu (ibid.). Barra minn hekk, wera għożża u attenzjoni għal min kien barra mill-Knisja, b’mod partikulari għal-Lhud u l-Musulmani: biex jgħin għal iktar għarfien dwar dawn tal-aħħar hu ra li jiġi tradott il-Koran. Storiku riċenti josserva hekk dwar dan: “Qalb ir-riġidità tan-nies tal-Medjuevu – anki tal-ikbar fosthom –, hawn nistgħu nammiraw eżempju sublimi tad-delikatezza li għaliha twassal l-imħabba Nisranija” (J. Leclercq, Pietro il Venerabile, Jaca Book, 1991, p. 189). Aspetti oħra tal-ħajja Nisranija għeżież għalih kienu l-imħabba għall-Ewkaristija u d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija. Fuq is-Sagrament Imqaddes ħallielna paġni li jsawru “wieħed mill-kapulavuri tal-letteratura Ewkaristika ta’ kull żmien” (ibid., p. 267), u fuq l-Omm ta’ Alla kiteb riflessjonijiet imdawla, u kkontemplaha dejjem f’rabta stretta ma’ Ġesù l-Feddej u mal-opra tas-salvazzjoni tiegħu. Biżżejjed inġibu hawn dan il-ħsieb għoli u mnebbaħ tiegħu: “Is-sliem għalik, Verġni mbierka, li ħarrabt ’l hemm is-saħta. Is-sliem għalik, Omm tal-Aktar Għoli, għarusa tal-Ħaruf l-aktar ħelu. Int irbaħt lis-serp, għattantlu rasu, meta Alla li minnek tnissel ġabu fix-xejn… Kewkba tiddi tal-Lvant, li tkeċċi d-dlamijiet tal-punent. Żerniq li jfeġġ qabel ix-xemx, jum li ma jafx b’lejl… Itlob lil Alla li minnek twieled, biex ikisser id-dnub tagħna u, wara l-maħfra, jagħtina l-grazzja u l-glorja” (CarminaPL 189, 1018-1019).

 

Pietru l-Venerabbli kien iħobb ukoll l-attività letterarja u kellu t-talent għaliha. Kien iħarbex ir-riflessjonijiet tiegħu, persważ mill-importanza li juża l-pinna kważi bħala moħriet biex “ixerred fuq il-karta ż-żerriegħa tal-Verb” (Ep. 20, p. 38). Imqar jekk ma kienx teologu sistematiku, stħarreġ bil-kbir il-misteru ta’ Alla. It-teoloġija tiegħu tniżżel għeruqha fit-talb, speċjalment f’dak liturġiku, u fost il-misteri ta’ Kristu hu kien jippreferi dak tat-Trasfigurazzjoni, li fih jidher diġà minn qabel il-Qawmien. Kien proprju hu li daħħal din il-festa fi Cluny, u niseġ Uffiċċju speċjali, fejn tidher il-pjetà teoloġika karatteristika ta’ Pietru u tal-Ordni ta’ Cluny, mogħtija kollha kemm hi għall-kontemplazzjoni tal-wiċċ glorjuż (gloriosa facies) ta’ Kristu, li ssib fih ir-raġunijiet għal dak il-ferħ imħeġġeġ li kien jimmarka l-ispirtu tiegħu u kien jilma fil-liturġija tal-monasteru.

 

Għeżież ħuti, dan il-monaku qaddis hu bla dubju ta’ xejn eżempju kbir ta’ qdusija monastika, li tixrob mill-għejun tat-tradizzjoni Benedittina. Għalih l-ideal tal-monaku hu li “jżomm sħiħ fi Kristu” (Ep. 53, l.c., p. 161), f’ħajja klawstrali mmarkata mill-“umiltà monastika” (ibid.) u mill-ħidma bieżla (Ep. 77, l.c., p. 211), kif ukoll minn klima ta’ kontemplazzjoni ħiemda u ta’ tifħir kontinwu lil Alla. L-ewwel u l-aktar ħaġa importanti għall-monaku, skont Pietru ta’ Cluny, hija ċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Uffiċċju Divin – “opra smewwija u li tiswa l-aktar fost kollha” (StatutaPL 189, I, 1026) – imsieħba mill-qari, il-meditazzjoni, it-talb personali u l-penitenza osservata bil-qies (ara Ep. 20, l.c., p. 40). B’dan il-mod il-ħajja kollha timtela bi mħabba profonda lejn Alla u bi mħabba għall-oħrajn, imħabba li tesprimi ruħha fil-ftuħ sinċier tal-qalb għall-proxxmu, fil-maħfra u fit-tiftix tal-paċi. Nistgħu ngħidu, biex nagħlqu, li jekk dan l-istil ta’ ħajja magħqud max-xogħol ta’ kuljum, hu, għal San Benedittu, l-ideal tal-monaku, hu għandu xi jgħid anki lilna lkoll, għax jista’ jkun, sa ċertu punt, l-istil ta’ ħajja tan-Nisrani li jrid isir dixxiplu veru ta’ Kristu, ikkaratterizzat proprju mit-twaħħid sħiħ miegħu, mill-umiltà, mill-bżulija fil-ħidma u mill-ħila li naħfru u li nġibu l-paċi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard