Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 9 ta’ Diċembru 2009

 

Rupertu ta’ Deutz

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se niltaqgħu ma’ monaku ieħor Benedittin tas-seklu 12. Jismu Rupertu ta’ Deutz, belt qrib Cologne, sede ta’ monasteru famuż. Rupertu nnifsu jitkellem dwar ħajtu f’waħda mill-opri l-iżjed importanti tiegħu, intitolata Il-glorja u l-ġieħ ta’ Bin il-bniedem, li hu parzjalment kummentarju għall-Vanġelu ta’ Mattew. Kien għadu tifel meta ġie milqugħ bħala “oblat” fil-Monasteru Benedittin ta’ San Lawrenz f’Lièges, skont id-drawwa taż-żmien li wieħed mill-ulied jiġi fdat għall-edukazzjoni tal-monaċi, bl-għan li jingħata bħala don lil Alla. Rupertu minn dejjem ħabbha l-ħajja monastika. Malajr qabad il-lingwa Latina biex seta’ jistudja l-Bibbja u biex igawdi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Spikka għall-integrità kbira morali li kellu u għar-rabta qawwija mas-Sede ta’ San Pietru.

 

Żminijietu kienu mmarkati minn tilwim bejn il-Papat u l-Imperu, minħabba l-hekk imsejħa “ġlieda tal-investituri”, li biha – kif aċċennajt f’Katekeżijiet oħra – il-Papat ma riedx iħalli iżjed li n-nomina tal-Isqfijiet u t-taħriġ tal-ġurisdizzjoni tagħhom jibqgħu jiddependu mill-awtoritajiet ċivili, li kienu mmexxija l-aktar minn motivazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, u żgur mhux pastorali. L-Isqof ta’ Lièges, Otbertu, irreżista għad-direttivi tal-Papa u bagħat fl-eżilju lil Berengarju, Abbati tal-Monasteru ta’ San Lawrenz, proprju minħabba l-fedeltà tiegħu lejn il-Papa. F’dan il-monasteru kienu hemm jgħix Rupertu, li ma qagħadx lura milli jimxi wara l-Abbati tiegħu fl-eżilju, u kien biss meta l-Isqof Otbertu reġa’ daħal f’komunjoni mal-Papa li hu reġa’ lura Lièges u aċċetta li jsir saċerdot. Fil-fatt, sa dakinhar kien evita li jirċievi l-ordinazzjoni minn Isqof li ma kienx fi qbil mal-Papa. Rupertu jgħallimna li meta jqumu kontroversji fil-Knisja, ir-riferiment għall-ministeru Petrin jiggarantixxi fedeltà għat-tagħlim it-tajjeb u jagħti serentià u libertà interjuri. Wara d-disputa ma’ Otbertu, għal darbtejn oħra hu kellu jħalli l-monasteru tiegħu. Fl-1116 l-avversarji tiegħu riedu saħansitra jipproċessawh. Imqar jekk ġie meħlus minn kull akkuża, Rupertu pprefera għal xi żmien jibqa’ Siegburg, imma billi l-polemiċi kienu għadhom ma waqfux meta rritorna fil-Monasteru ta’ Lièges, iddeċieda li jmur joqgħod għalkollox fil-Ġermanja. Maħtur Abbati ta’ Deutz fl-1120, hemm  baqa’ sal-1129, is-sena ta’ mewtu. Tbiegħed minn hemm biss għal pellegrinaġġ f’Ruma, fl-1124.

 

Kittieb prolifiku, Rupertu ħallielna għadd ta’ opri, li sal-lum għadhom ta’ interess kbir, anki għax hu kien attiv f’diversi diskussjonijiet teoloġiċi importanti ta’ żmienu. Ngħidu aħna, interviena b’determinazzjoni fil-kontroversja Ewkaristika, li fl-1077 kienet wasslet għall-kundanna ta’ Berengarju ta’ Tours. Dan kien ħareġ b’interpretazzjoni riduttiva tal-preżenza ta’ Kristu fis-Sagrament tal-Ewkaristija, u sejħilha biss simbolika. Fil-lingwaġġ tal-Knisja kien għadu ma daħalx it-terminu “transustanzazzjoni”, imma Rupertu nqeda kemm-il darba b’espressjonijiet kuraġġjużi u kien sostenitur deċiż tar-realiżmu Ewkaristiku u, fuq kollox f’opra jisimha De divinis officiis (L-uffiċji divini), stqarr determinat il-kontinwità bejn il-Ġisem tal-Verb inkarnat ta’ Kristu u dak preżenti fl-Ispeċi Ewkaristiċi tal-ħobż u tal-inbid. Għeżież ħuti, jidhirli li hawn irridu naħsbu wkoll fi żmienna; illum ukoll hawn il-periklu li nirridimensjonaw ir-realiżmu Ewkaristiku, u hekk inqisu l-Ewkaristija kważi bħala biss rit ta’ komunjoni, ta’ soċjalizzazzjoni, u faċilment u wisq malajr ninsew li fl-Ewkaristija hemm preżenti tassew Kristu Rxoxt – bil-ġisem imqajjem tiegħu – li jiġi f’idejna biex joħroġna minna nfusna, jinkorporana fil-ġisem immortali tiegħu u hekk imexxina lejn ħajja ġdida. Dan il-misteru kbir li l-Mulej hu preżenti fir-realtà kollha tiegħu fl-ispeċi Ewkaristiċi huwa misteru li għandna nqimuh u nħobbuh dejjem mill-ġdid! Hawn nixtieq nikkwota l-kliem tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li jġorr fih il-frott tal-meditazzjoni tal-fidi u tar-riflessjoni teoloġika ta’ elfejn sena sħaħ: “Il-mod tal-preżenza ta’ Kristu taħt l-ispeċi Ewkaristiċi ma hemmx ieħor bħalu. Fis-Sagrament imqaddes tal-Ewkaristija hemm verament, realment u sostanzjalment il-Ġisem u d-Demm flimkien mar-ruħ u d-divinità ta’ Sidna Ġesù Kristu, u għalhekk hemm Kristu kollu kemm hu. Din il-preżenza nsejħulha ‘preżenza reali’, mhux għax ma hemmx ‘preżenzi reali’ oħra, imma għax preżenza tassew eċċellenti, għax hi preżenza sostanzjali, u biha Kristu, Alla u bniedem, jagħmel lilu nnifsu preżenti kollu kemm hu” (KKK, 1374). Anki Rupertu, bir-riflessjonijiet tiegħu, ta sehmu biex saret din il-formulazzjoni preċiża.

 

Kontroversja oħra, li fiha kien imdaħħal l-Abbati ta’ Deutz, hi dwar il-problema tal-konċiljazzjoni tat-tjieba u s-setgħa bla tarf ta’ Alla mal-eżistenza tal-ħażen. Jekk Alla jista’ kollox u hu tajjeb, kif nispjegaw ir-realtà tal-ħażen? Fil-fatt Rupertu rreaġixxa għall-pożizzjoni li ħadu l-imgħallmin tal-iskola teoloġika ta’ Laon, li b’serje ta’ raġunamenti filosofiċi, fir-rieda ta’ Alla kienu jagħżlu bejn li “japprova” u li “jippermetti”, u kkonkludew li Alla jippermetti l-ħażen mingħajr ma japprovah u, allura, mingħajr ma jridu. Imma Rupertu jirrifjuta l-użu tal-filosofija, li ma jqishiex adatta quddiem problema hekk kbira, u jibqa’ sempliċiment fidil għan-narrazzjoni biblika. Hu jitlaq mit-tjieba ta’ Alla, mill-verita li Alla hu kollu kemm hu tajjeb fuq kull ħaġa oħra u ma jistax ħlief irid it-tajjeb. Hekk hu jindividwa l-oriġni tal-ħażen fil-bniedem innifsu u fl-użu żbaljat tal-libertà umana. Meta Rupertu jaffronta dan l-argument, jikteb paġni mimlija arja reliġjuża biex ifaħħar il-ħniena bla tarf tal-Missier, is-sabar u t-tjieba ta’ Alla lejn il-bniedem midneb.

 

Bħal teologi oħra tal-Medjuevu, anki Rupertu kien jistaqsi: għaliex il-Verb ta’ Alla, l-Iben ta’ Alla, sar bniedem? Xi wħud, anzi bosta, kienu jwieġbu billi jfissru l-inkarnazzjoni tal-Verb bl-urġenza li jsewwi d-dnub tal-bniedem. Imma Rupertu, b’viżjoni Kristoċentrika tal-istorja tas-salvazzjoni, iwessa’ l-perspettiva, u f’opra tiegħu jisimha Il-glorifikazzjoni tat-Trinità jsostni l-pożizzjoni li l-Inkarnazzjoni, ġrajja ċentrali tal-istorja kollha, kienet prevista sa mill-eternità, anki indipendentement mid-dnub tal-bniedem, biex il-ħolqien kollu seta’ jfaħħar lil Alla l-Misiser u jħobbu bħala familja waħda miġbura madwar Kristu, l-Iben ta’ Alla. Għalhekk, hu jilmaħ fil-mara tqila tal-Apokalissi l-istorja kollha tal-umanità, li hi orjentata lejn Kristu, l-istess kif it-tnissil hu orjentat lejn il-ħlas, perspettiva li mbagħad ġiet żviluppata minn ħassieba oħra u vvalorizzata wkoll mit-teoloġija kontemporanja, li tafferma li l-istorja kollha tad-dinja u tal-umanità hi tnissil orjentat lejn il-ħlas ta’ Kristu. Kristu hu dejjem fiċ-ċentru tal-ispjegazzjonijiet eseġetiċi li jagħti Rupertu fil-kummentarji tiegħu għall-Kotba tal-Bibbja, li għalihom iddedika ruħu b’diliġenza u passjoni kbira. Hekk huwa jsib mill-ġdid għaqda tal-għaġeb fil-ġrajjiet kollha tal-istorja tas-salvazzjoni, mill-ħolqien sat-temma aħħarija taż-żminijiet: “L-Iskrittura kollha”, jistqarr, “hija ktieb wieħed, li jwassal għall-istess għan [il-Verb divin]; li ġejja minn Alla wieħed u ġiet miktuba minn Spirtu wieħed” (De glorificatione Trinitatis et processione Sancti Spiritus I,V, PL 169, 18).

 

Fl-interpetazzjoni tal-Bibbja, Rupertu ma jillimitax ruħu li jtenni t-tagħlim tal-Missirijiet, imma juri l-oriġinalità tiegħu. Ngħidu aħna, huwa l-ewwel kittieb li identifika l-għarusa tal-Għanja tal-Għanjiet ma’ Marija Santissma. Hekk il-kummentarju tiegħu għal dan il-ktieb tal-Iskrittura jidher bħal għamla ta’ summa Marjoloġika, li fiha huma ppreżentati l-privileġġi u l-virtujiet eċċellenti ta’ Marija. F’wieħed mill-passaġġi l-aktar imnebbħa tal-kummentarju tiegħu Rupertu jikteb: “O l-aktar maħbuba fost il-maħbubin, Verġni tal-verġni, xi jweġġaħ fik l-Iben maħbub tiegħek, u l-kori kollha tal-anġli jfaħħru? Ifaħħru s-sempliċità, is-safa, l-innoċenza, id-duttrina, il-prudenza, l-umiltà, l-integrità tal-ħsieb u tal-ġisem, jiġifieri, il-verġinità mhux minsusa tiegħek” (In Canticum Canticorum 4,1-6, CCL 26, pp. 69-70). L-interpretazzjoni Marjana tal-Għanja tal-Għanjiet minn Rupertu hija eżempju hieni tas-sintonija bejn liturġija u teoloġija. Fil-fatt, bosta siltiet ta’ dan il-ktieb bibliku kienu diġà użati fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-festi Marjani.

 

Barra minn hekk, Rupertu ħa ħsieb idaħħal id-duttrina Marjoloġika tiegħu f’dik ekkleżjoloġika. Fi kliem ieħor, hu jilmaħ f’Marija Santissma l-eqdes parti tal-Knisja kollha. Għalhekk il-predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa Pawlu VI, fid-diskors tal-għeluq tat-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, huwa u jipproklama solennement lil Marija Omm il-Knisja, ikkwota proprju propożizzjoni meħuda mill-opra ta’ Rupertu, li tiddefinixxi lil Marija portio maximaportio optima – l-ogħla parti, l-aqwa parti tal-Knisja (ara In Apocalypsem 1.7, PL 169,1043).

 

Għeżież ħbieb, minn dawn l-aċċenni ħfief nintebħu li Rupertu kien teologu mħeġġeġ, mogħni bi profondità kbira. Bħar-rappreżentanti kollha tat-teoloġija monastika, hu għaraf iżewweġ flimkien l-istudju razzjonali tal-misteri tal-fidi mat-talb u mal-kontemplazzjoni, meqjusa l-quċċata ta’ kull għarfien ta’ Alla. Hu stess xi kultant jitkellem fuq l-esperjenzi mistiċi tiegħu, bħal meta jiftaħ qalbu dwar il-ferħ bla tarf meta ħass il-preżenza tal-Mulej: “F’dak il-ħin qasir”, jistqarr, “doqt kemm hu minnu dak li hu stess jgħid: Tgħallmu minni li jien ta’ qalb ħelwa u umli” (De gloria et honore Filii hominis. Super Matthaeum 12, PL 168, 1601). Aħna wkoll nistgħu, kull wieħed u waħda bil-mod tiegħu, niltaqgħu mal-Mulej Ġesu, li ma jiqafx isieħeb il-mixja tagħna, isir preżenti fil-Ħobż Ewkaristiku u fil-Kelma tiegħu għas-salvazzjoni tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard