Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem...

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2009

 

Il-Katidral mill-arkitettura Romaneska għal dik Gotika, l-isfond teoloġiku

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tal-ġimgħat li għaddew ippreżentajt xi aspetti tat-teoloġija Medjevali. Imma l-fidi Nisranija, li fiha niżżlu sew għeruqhom l-irġiel u n-nisa ta’ dawk is-sekli, mhux biss tat bidu għal kapulavuri tal-letteratura teoloġika, tal-ħsieb u tal-fidi. Hija nebbħet ukoll waħda mill-ogħla kreazzjonijiet artistiċi taċ-ċiviltà universali: il-katidrali, vera glorja tal-Medjuevu Nisrani. Fil-fatt, għal xi tliet sekli, ibda mill-ftuħ tas-seklu 11, fl-Ewropa deher fervur artistiku straordinarju. Kronista antik jiddeskrivihom hekk l-entużjażmu u l-bżulija ta’ dak iż-żmien: “Ġara li mad-dinja kollha, imma speċjalment fl-Italja u fil-Gallja, bdew jerġgħu jibnu l-knejjes, imqar jekk ħafna minnhom kienu għadhom f’kundizzjonijiet tajbin u ma kellhomx bżonn ta’ restawr bħal dan. Kienet bħal kompetizzjoni bejn poplu u ieħor; donnu kien hemm it-twemmin li d-dinja riedet tfarfar minn fuqha ċ-ċrieċer qodma, u ma’ kullimkien riedet ixxidd il-libsa bajda ta’ knejjes ġodda. F’kelma waħda, kważi l-knejjes katidrali kollha, għadd kbir ta’ knejjes monastiċi, u saħansitra oratorji tal-irħula, f’dak iż-żmien ġew irrestawrati mill-fidili” (Rodolphus GlaberHistoriarum 3,4).

 

Kienu ħafna l-fatturi li wasslu għat-twelid mill-ġdid tal-arkitettura reliġjuża. Qabelxejn, kundizzjonijiet storiċi iktar favorevoli, bħal stabbiltà politika ikbar, imsieħba minn żieda kostanti fil-popolazzjonijiet u l-iżvilupp progressiv tal-bliet, tal-kummerċ u tal-ġid. Barra minn hekk, l-arkitetti bdew isibu soluzzjonijiet tekniċi dejjem iżjed elaborati biex ikabbru d-dimensjonijiet tal-binjiet, u fl-istess waqt jiżguraw li jkunu sodi u maestużi. Imma kien prinċipalment grazzi għall-ħeġġa u ż-żelu spiritwali tal-monakiżmu, li kien qed jinfirex qatigħ, li telgħu l-knejjes abbazjali, fejn il-liturġija setgħet tiġi ċċelebrata b’dinjità u solennità, u l-fidili setgħu jieqfu għat-talb, miġbudin mill-qima tar-relikwi tal-qaddisin, destinazzjoni ta’ pellegrinaġġi bla waqfien. Hekk nibtu l-knejjes u l-katidrali Romaneski, ikkaratterizzati mill-iżvilupp lonġitudinali, fit-tul, tan-navi biex jilqgħu fihom bosta fidili; knejjes b’saħħithom ħafna, b’ħitan ħoxnin, soqfa tal-ġebel u linji sempliċi u essenzjali. Karatteristika ġdida kienet dik tal-introduzzjoni tal-iskulturi. Billi l-knejjes Romaneski kienu l-post tat-talb monastiku u tal-kult tal-fidili, l-iskulturi, iktar milli ħsiebhom fil-perfezzjoni teknika, ħadu ħsieb fuq kollox tal-finalità edukattiva. Ladarba l-bżonn kien li jqanqlu fl-erwieħ impressjonijiet qawwija, sentimenti li setgħu jwasslu biex wieħed jaħrab il-vizzju, il-ħażen, u jipprattika l-virtù, it-tajjeb, it-tema rikorrenti kienet ir-rappreżentazzjoni ta’ Kristu bħala mħallef universali, imdawwar mill-persunaġġi tal-Apokalissi. Ġeneralment huma l-bibien tal-knejjes Romaneski li joffrulna din ir-raffigurazzjoni, biex jisħqu kif Kristu hu l-Bieb li jagħti għas-Sema. Il-fidili, meta jirfsu l-għatba tal-binja mqaddsa, jidħlu fi żmien u fi spazju differenti minn dawk tal-ħajja ta’ kuljum. ’Il ġewwa mill-bieb tal-knisja, dawk li jemmnu fi Kristu, sovran, ġust u ħanin, fl-intenzjoni tal-artisti setgħu jiggustaw minn qabel togħma tal-hena etern fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija u fl-għemejjel ta’ pjetà li kienu jsiru fuq ġewwa tal-binja sagra.

 

Fis-sekli 12 u 13, ibda mit-tramuntana ta’ Franza, xterdet għamla oħra ta’ arkitettura għall-binjiet imqaddsa, dik Gotika, b’żewġ karatteristiċi ġodda għal dik Romaneska, jiġifieri l-firxa vertikali u d-dawl. Il-katidrali Gotiċi kienu jiġbru fihom sintesi ta’ fidi u ta’ arti espressa f’armonija permezz tal-lingwaġġ universali u affaxxinanti tal-ġmiel, li sal-lum għadu jqanqal sens kbir ta’ stagħġib. Bl-introduzzjoni ta’ soqfa bi ħnejjiet ippuntati, li kienu jserrħu fuq pilastri ħoxnin, il-knejjes setgħu jitilgħu wisq ogħla. Din il-karatteristika tagħhom li jistiraw ’il fuq fil-għoli riedet tistieden għat-talb u kienet fiha nfisha talba. Il-katidral Gotiku b’dan il-mod ried jittraduċi, fil-linji arkitettoniċi tiegħu, ix-xenqa tar-ruħ għal Alla. Barra minn hekk, bis-soluzzjonijiet tekniċi ġodda li ġew addottati, il-ħitan ta’ barra setgħu jiġu miksija u mżejna bi twieqi kbar tal-ħġieġ imlewwen. Fi kliem ieħor, it-twieqi saru xbieha kbar imdawla, adatti ħafna biex jgħallmu l-fidi lill-poplu. Fihom – xena wara xena – kienu jiġu rrakkuntati l-ħajja ta’ xi qaddis, parabbola, jew ġrajjiet oħra bibliċi. Mit-twieqi mpinġija xmara ta’ dawl kienet tissawwab fuq il-fidili biex tirrakkontalhom l-istorja tas-salvazzjoni u ddaħħal lilhom ukoll f’din l-istorja.

 

Preġju ieħor tal-katidrali Gotiċi qiegħed fil-fatt li fil-bini u fit-tiżjin tagħhom, b’mod differenti imma korali, kienet tieħu sehem il-komunità Nisranija u ċivili kollha; kienu jieħdu sehem iċ-ċkejknin u s-setgħana, dawk li ma jafux jiktbu u jaqraw flimkien mal-għorrief, għax f’din id-dar komuni kull min jemmen seta’ jsib it-tagħlim tal-fidi. L-iskultura Gotika għamlet mill-katidral “Bibbja tal-ġebel”, għax kienet tirrappreżenta l-episodji tal-Vanġelu u turi fi xbihat il-kontenuti tas-sena liturġika, mit-Twelid għall-Glorifikazzjoni tal-Mulej. Barra dan, f’dawk is-sekli xterdet dejjem iżjed il-perċezzjoni tal-umanità tal-Mulej, u t-tbatijiet tal-Passjoni tiegħu ġew irrappreżentati b’mod realistiku: Kristu li jbati (Christus patiens) sar xbieha maħbuba minn kulħadd, u adatta biex tnebbaħ qima u ndiema tad-dnubiet. Lanqas kienu neqsin il-persunaġġi tat-Testment il-Qadim, li b’dan il-mod il-fidili li kienu jiffrekwentaw il-katidrali saru familjari mal-istorja tagħhom bħala parti mill-istorja waħda u komuni tas-salvazzjoni. Bl-uċuħ tagħha mimlija ġmiel, ħlewwa, intelliġenza, l-iskultura Gotika tas-seklu 13 tikxef pjetà hienja u serena, li b’ċertu gost ixxerred devozzjoni qawwija u filjali lejn l-Omm ta’ Alla, li xi kultant tħares lejha bħala mara żagħżugħa, titbissem u bi kwalitajiet materni, u prinċipalment hi rrappreżentata bħala s-Sultana tas-Sema u tal-art, qawwija u ħanina. Il-fidili li kienu jiffullaw fil-katidrali Gotiċi kienu jitgħaxxqu jsibu fihom ukoll espressjonijiet artistiċi li jfakkru l-qaddisin, xempji ta’ ħajja Nisranija u interċessuri quddiem Alla. U ma kinux jonqosu l-manifestazzjonijiet “lajċi” tal-ħajja; allura naraw, ’l hawn u ’l hemm, rappreżentazzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi, tax-xjenzi u tal-arti. Kollox kien orjentat u offrut lil Alla fil-post li fih kienet tiġi ċċelebrata l-liturġija. Nistgħu nifhmu aħjar is-sens li kien jiġi attribwit lil katidral Gotiku, billi nħarsu lejn it-test tal-iskrizzjoni mnaqqxa fuq il-bieb ċentrali ta’ Saint-Denis, f’Pariġi: “Int li għaddej minn hawn, u li tixtieq tfaħħar il-ġmiel ta’ dawn il-bibien, la tħallix jgħammixlek għajnejk la d-deheb u lanqas il-kobor, imma pjuttost il-ħidma sfiqa. Hawn tilma opra famuża, imma s-Sema jrid li din l-opra famuża li tilma issa ddawwal l-erwieħ, biex bil-veritajiet imdawla jimxu lejn id-dawl veru, fejn Kristu hu l-bieb veru”.

 

Għeżież ħuti, nixtieq issa nsemmi żewġ elementi tal-arti Romaneska u Gotika li huma ta’ siwi għalina wkoll. L-ewwel: il-kapulavuri artistiċi li twieldu fl-Ewropa fis-sekli li għaddew ma nifhmuhomx jekk ma nżommux quddiem għajnejna r-ruħ reliġjuża li nebbħithom. Marc Chagall, artista li dejjem ta xhieda tal-laqgħa bejn estetika u fidi, kiteb li “l-pitturi għal sekli sħaħ billew il-pniezel tagħhom f’dak l-alfabett imlewwen li kienet il-Bibbja”. Meta l-fidi, b’mod partikulari dik iċċelebrata fil-liturġija, tiltaqa’ mal-arti, tinħoloq sintonija profonda, għax it-tnejn li huma jistgħu u jridu jitkellmu dwar Alla, u hekk jagħmlu l-Inviżibbli viżibbli. Nixtieq naqsam dan fil-laqgħa li għandi mal-artisti fil-21 ta’ Novembru, u nġeddilhom dik il-proposta ta’ ħbiberija bejn l-ispiritwalità Nisranija u l-arti, li ħeġġew qabli l-Predeċessuri għeżież tiegħi, b’mod partikulari l-Qaddejja ta’ Alla Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II. It-tieni element: il-qawwa tal-istil Romanesk u l-isplendur tal-katidrali Gotiċi jfakkruna li l-via pulchritudinis, it-triq tal-ġmiel, hija mixja pprivileġġjata u affaxxinanti biex nersqu lejn il-Misteru ta’ Alla. X’inhu l-ġmiel, li kittieba, poeti, mużiċisti, artisti jikkontemplaw u jittraduċu fil-lingwaġġ tagħhom, jekk mhux ir-rifless tal-isplendur tal-Verb etern magħmul bniedem? Jistqarr Santu Wistin: “Staqsi lill-ġmiel tal-art, staqsi lill-ġmiel tal-baħar, staqsi lill-ġmiel tal-arja mxerrda ma’ kullimkien. Staqsi lill-ġmiel tas-smewwiet, staqsi lill-ordni tal-kwiekeb, staqsi lix-xemx, li bil-ġmiel tagħha ddawwal il-jum; staqsi lill-qamar, li bid-dawl bati tiegħu jofroq id-dlamijiet tal-lejl. Staqsi lill-bhejjem li jiċċaqilqu fl-ilma, li jimxu fuq l-art, li jtiru fl-arja: l-erwieħ li jinħbew, l-iġsma li jidhru; dawk li jidhru u jeħtieġu min imexxihom, dawk li ma jidhrux u jmexxu huma. Staqsihom! Kollha jweġbuk: Ħares lejna: aħna sbieħ! Il-ġmiel tagħhom juri min huma. Min ħalqu dan il-ġmiel li jinbidel, jekk mhux il-Ġmiel li ma jinbidilx?” (Sermo CCXLI, 2: PL 38, 1134).

 

Għeżież ħuti, ħa jgħinna l-Mulej niskopru mill-ġdid it-triq tal-ġmiel bħala waħda mit-toroq, forsi l-isbaħ u l-aktar waħda li ssaħħarna, biex naslu ħa niltaqgħu ma’ Alla u nħobbuh.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard