MEDITAZZJONIJIET U TALBIET
miġbura minn
I. Valerio De Felice
II. Maria Tagliaferri u
Margherita Di Marco
III. Caterina Benincasa
IV. Agnese Brunetti
V. Chiara Mancini
VI. Cecilia Nardini
VII. Francesco Porceddu
VIII. Sofia Russo
IX. Chiara Bartolucci
X. Greta Giglio
XI. Greta Sandri
XII. Dante Monda
XIII. Flavia De Angelis
XIV. Marta Croppo
ikkordinati mill-Professur
Andrea Monda |
UFFIĊĊJU TAĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET
LITURĠIĊI
TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
IL-ĠIMGĦA L-KBIRA
IL-PASSJONI TAL-MULEJ
VIA CRUCIS
IPPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
IL-KOLOSSEW
RUMA,
30
TA’ MARZU
2018
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
INTRODUZZJONI
It-testi tal-meditazzjonijiet
fuq l-erbatax-il stazzjon
tar-rit tal-Via Crucis ta’ din
is-sena nkitbu minn ħmistax-il
żagħżugħ u żagħżugħa, ta’ bejn
is-16 u s-27 sena. Għalhekk,
huma tnejn l-elementi ġodda:
l-ewwel wieħed hu bla preċedent
fl-edizzjonijiet tal-passat u
jittratta l-età tal-awturi,
żgħażagħ u adolexxenti (disgħa
minnhom huma studenti tal-Liċew
ta’ Ruma
Pilo
Albertelli);
it-tieni jikkonsisti
fid-dimensjoni “korali” ta’ dan
ix-xogħol, sinfonija ta’ tant
ilħna b’tonalitajiet u timbri
differenti. Mhux “żgħażagħ”
jeżistu, imma Valerio, Maria,
Margherita, Francesco, Chiara,
Greta…
Bl-entużjażmu tipiku tal-età
tagħhom aċċettaw l-isfida li
għamlilhom il-Papa matul din
is-sena 2018, iddedikata b’mod
ġenerali lill-ġenerazzjonijiet
żgħażagħ. U dan għamluh b’metodu
preċiż ta’ ħidma. Inġabru madwar
mejda u qraw it-testi
tal-Passjoni ta’ Kristu skont
l-erba’ Vanġeli. Dan ifisser li
qagħdu quddiem ix-xena tal-Via
Crucis u “rawha”, ħarsu lejha.
Wara li qrawhom u ħadu ż-żmien
kollu meħtieġ, kull wieħed u
waħda minnhom esprima ruħu u qal
x’dettall l-aktar li laqtu minn
dik ix-xena. U b’dan il-mod
kienet ħaġa iktar sempliċi u
naturali li jiġi assenjat kull
stazzjon.
Hemm tliet kelmiet li jgħinuna,
tliet verbi, li jimmarkaw
l-iżvilupp ta’ dawn it-testi:
qabelxejn, kif diġà aċċennajna,
naraw, imbagħad
niltaqgħu, u fl-aħħar
nitolbu.
Meta tkun għadek żagħżugħ, tkun
trid tara, tara d-dinja, tara
kollox. Ix-xena tal-Ġimgħa
l-Kbira hi qawwija, anki
fl-attroċità tagħha: meta nħarsu
lejha nistgħu ninġibdu lura jew
inkella tiġina ħniena u,
għalhekk, nersqu biex niltaqgħu.
L-istess kif jagħmel Ġesù
fil-Vanġelu, ta’ kuljum, anki
f’dan il-jum, l-aħħar wieħed. Hu
jiltaqa’ ma’ Pilatu, ma’ Erodi,
mal-qassisin, mas-suldati, ma’
ommu, maċ-Ċirinew, man-nisa ta’
Ġerusalemm, maż-żewġ ħallelin li
saru l-aħħar żewġ sieħba tiegħu
fil-vjaġġ. Fiż-żgħożija, ta’
kuljum ikollna l-okkażjoni li
niltaqgħu ma’ xi ħadd, u kull
laqgħa hi ġdida, sorprendenti.
Nixjieħu meta ma nkunu rridu
naraw lil ħadd, meta l-biża’ li
jġib l-għeluq jegħleb il-ftuħ
fiduċjuż: il-biża’ li ninbidlu,
għax li niltaqgħu mal-oħrajn
ifisser li ninbidlu, li nkunu
lesti nerġgħu nibdew mexjin
b’għajnejn ġodda. Li naraw u
niltaqgħu, fl-aħħar nett,
iwassalna biex nitolbu, għax li
tara u tiltaqa’ mbagħad inissel
fik il-ħniena, imqar f’dinja li
donnha tilfet il-mogħdrija u
f’jum bħal dan, mitluq
għall-korla bla qalb,
għall-kefrija u għat-telqa
aljenata tal-bnedmin. Imma jekk
nimxu bil-qalb wara Ġesù, anki
fit-triq misterjuża tas-Salib,
allura jistgħu jitnisslu
mill-ġdid il-kuraġġ u l-fiduċja
u, wara li nkunu rajna u ftaħna
qalbna għal-laqgħa, nistgħu
nduqu l-grazzja tat-talb, mhux
iżjed waħidna, imma flimkien.
VIA CRUCIS
L-I Stazzjon
Ġesù kkundannat għall-mewt
Mill-Vanġelu skont San Luqa
(23:22-25)
Għat-tielet
darba [Pilatu] qalilhom:
“Imma
dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih
ebda ħtija li ħaqqha l-mewt.
Mela nagħtih is-swat u nitilqu”.
Iżda huma b’ħafna għajat baqgħu
jinsistu u jitolbu li jkun
imsallab, sakemm fl-aħħar
għaddiet tagħhom. Għalhekk
Pilatu qatagħha li jsir kif
talbu huma. Telqilhom lil min
talbu, jiġifieri lil dak li kien
mitfugħ il-ħabs minħabba
rewwixta u qtil, u lil Ġesù
tahulhom bħalma xtaqu.
Narak, Ġesù, quddiem
il-Gvernatur, li għal tliet
darbiet jipprova jmur kontra
r-rieda tal-poplu u fl-aħħar
jagħżel li jibqa’ ma jagħżilx,
quddiem il-folla, li għal tliet
darbiet tiġi mistoqsija u dejjem
tiddeċiedi kontrik. Il-folla,
jiġifieri kulħadd, jiġifieri
ħadd. Moħbi qalb il-massa,
il-bniedem iwarrab dik
il-personalità li hi tiegħu, hu
l-leħen ta’ elf leħen ieħor.
Qabel ma jiċħad lilek, jiċħad
lilu nnifsu, iħalli
r-responsabbiltà tiegħu tintilef
qalb dik dejjem tinbidel
tal-ġmiegħi bla wiċċ. U
safrattant, hu responsabbli.
Imqarraq mix-xewwiexa,
mill-Ħażen li jippreżenta ruħu
b’leħen qarrieq u li jtarrax,
huwa l-bniedem li jikkundannak.
Illum aħna nitkexkxu quddiem
inġustizzja bħal din, u jiġina
li nitbiegħdu. Imma meta nagħmlu
hekk, inkunu ninsew dawk
id-drabi kollha meta konna aħna
l-ewwel nies li għażilna li
nsalvaw lil Barabba flok lilek.
Meta widnejna kienu torox
għas-sejħa tat-Tajjeb, meta
ppreferejna nagħlqu għajnejna
għall-inġustizzja li kienet qed
isseħħ quddiemna.
F’dik il-pjazza ppakkjata, kien
ikun biżżejjed kieku mqar qalb
waħda tiddubita, imqar wieħed
jgħolli leħnu kontra l-elf leħen
tal-Ħażen. Kull darba li l-ħajja
tqegħdilna għażla quddiemna, ħa
niftakru f’dik il-pjazza u f’dak
l-iżball. Inħallu lill-qlub
tagħna jiddubitaw u nġagħlu
l-leħen tagħna jogħla.
Nitolbok, Mulej, ħares int fuq
l-għażliet tagħna,
dawwalhom bid-Dawl tiegħek,
rawwem fina l-ħila li niddubitaw
ftit lilna nfusna:
il-Ħażen biss qatt ma jiddubita
xejn.
Is-siġar li jniżżlu għeruqhom
fil-ħamrija,
jekk jiġu msoqqija bil-Ħażen,
jinxfu u jmutu,
imma int niżżiltilna l-għeruq
tagħna fis-Sema
u l-friegħi tagħna poġġejthomlna
fuq l-art biex hawn nagħrfuk u
nimxu warajk.
Missierna…
It-II
Stazzjon
Ġesù mgħobbi s-salib
Mill-Vanġelu skont San Mark
(8:34-35)
[Ġesù]
sejjaħ
lejh in-nies flimkien
mad-dixxipli tiegħu u qalilhom:
“Jekk
xi ħadd irid jiġi warajja,
għandu jiċħad lilu nnifsu,
jerfa’ salibu, u jimxi warajja.
Għax min irid isalva ħajtu,
jitlifha; imma min jitlef ħajtu
għall-imħabba tiegħi u
tal-Evanġelju, isalvaha”.
Narak, Ġesù, inkurunat bix-xewk,
waqt li tilqa’ s-salib tiegħek.
Tilqgħu, kif dejjem ilqajt
kollox u lil kulħadd. Jgħabbuk
bl-għuda, tqila, ħarxa, imma int
ma tirribellax, ma tarmix dak
l-istrument ta’ tortura inġust u
ta’ stmerrija. Tieħdu fuqek u
tibda miexi waqt li ġġorru fuq
spallejk. Kemm drabi rribellajt
u rrabjajt kontra l-biċċiet
tax-xogħol li tawni, li
ħassejthom tqal jew inġusti. Int
ma tagħmilx hekk. M’intix ħafna
ikbar minni, illum konna ngħidu
li għadek żagħżugħ; imma int
doċli, u tieħu bis-serjetà dak
li toffrilek il-ħajja, kull
okkażjoni li tippreżentalek,
donnok trid tinżel fil-fond
tal-affarijiet u tiskopri li
dejjem hemm xi ħaġa iżjed minn
dak li jidher, tifsira moħbija u
sorprendenti. Grazzi għalik,
nifhem li dan hu salib ta’
salvazzjoni u ta’ ħelsien, salib
li jweżinni meta neħel, madmad
ħelu, toqol ħafif.
Mill-iskandlu tal-mewt tal-Iben
ta’ Alla, mewt ta’ midneb, mewt
ta’ bniedem ħati, tinbet
il-grazzja li fl-uġigħ niskopru
mill-ġdid il-qawmien,
fit-tbatija l-glorja tiegħek,
fit-taħbit is-salvazzjoni
tiegħek. L-istess salib, li
għall-bniedem hu simbolu ta’
umiljazzjoni u ta’ tbatija,
issa, grazzi għas-sagrifiċċju
tiegħek, jidher bħala wegħda:
minn kull mewt terġa’ tinbet
il-ħajja u f’kull dalma jixgħel
id-dawl. U nistgħu ngħidu:
“Is-sliem, o salib, tama
waħdanija tagħna!”.
Nitolbok, Mulej, agħmel li
għad-dawl tas-Salib, simbolu
tal-fidi tagħna,
nistgħu naċċettaw it-tbatijiet
tagħna u, imdawlin minn
imħabbtek,
ngħannqu s-slaleb tagħna, li
jsiru glorjużi permezz tal-mewt
u l-qawmien tiegħek.
Agħtina l-grazzja li nħarsu lejn
il-ġrajjiet ta’ ħajjitna
u fihom niskopru mill-ġdid
l-imħabba tiegħek għalina.
Missierna…
It-III
Stazzjon
Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba
Mill-ktieb tal-Profeta Isaija
(53:4)
Iżda
hu rafa’
fuqu l-mard tagħna, tgħabba
bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh
bħal wieħed ikkastigat, mitluq
minn Alla u miġjub fix-xejn.
Narak, Ġesù, fit-tbatija int u
miexi t-triq lejn il-Kalvarju,
mgħobbi bi dnubietna. U narak
taqa’, b’idejk u rkupptejk
mal-art, mifni bl-uġigħ. B’liema
umiltà waqajt! Kemm
umiljazzjonijiet tgħaddi minnhom
issa! In-natura tiegħek ta’ veru
bniedem tidher b’mod ċar f’din
il-parti ta’ ħajtek. Is-salib li
ġġorr huwa tqil; għandek bżonn
l-għajnuna, imma meta taqa’
mal-art ħadd ma jiġi jgħinek,
anzi, il-bnedmin jiżżuffjettaw
bik, jiddieħku quddiem ix-xbieha
ta’ Alla li jaqa’. Forsi
jħossuhom delużi, forsi kellhom
idea żbaljata tiegħek. Xi drabi
naħsbu li l-fidi fik tfisser li
f’ħajjitna ma naqgħu qatt.
Flimkien miegħek naqa’ jiena
wkoll, u miegħi l-ideat tiegħi,
dawk li kont għamilt fuqek: kemm
kienu dgħajfa!
Narak, Ġesù, tagħfas snienek u,
mitluq għalkollox fl-imħabba
tal-Missier, terġa’ tqum u
tkompli bil-mixja tiegħek.
B’dawn l-ewwel passi lejn
is-salib, hekk ħosbiena, Ġesù,
tfakkarni fi tfajjel ċkejken li
jmidd l-ewwel passi lejn
il-ħajja u jitlef il-bilanċ u
jaqa’ u jibki, imma mbagħad
ikompli. Jafda ruħu fid-dirgħajn
tal-ġenituri u ma jiqafx; jibża’
imma jibqa’ miexi, għax
il-fiduċja hi aqwa mill-biża’.
Bil-kuraġġ tiegħek tgħallimna li
l-fallimenti u l-waqgħat ma
għandhom qatt iwaqqfu l-mixja
tagħna u li dejjem għandna
għażla x’nagħmlu: jew inċedu jew
nerġgħu nqumu miegħek.
Nitolbok, Mulej, erġa’ qajjem
fina ż-żgħażagħ
il-kuraġġ li nerġgħu nqumu wara
kull waqgħa
proprju kif għamilt int fit-triq
tal-Kalvarju.
Nitolbok, agħmel li nagħrfu
napprezzaw dejjem
id-don wisq kbir u prezzjuż
tal-ħajja,
u li l-fallimenti u l-waqgħat
ma jkunu qatt raġuni biex
narmuh,
għax nafu li jekk nafdaw fik,
nistgħu nerġgħu nqumu
u nsibu l-qawwa li nibqgħu
mexjin,
dejjem.
Missierna…
Ir-IV
Stazzjon
Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu
Mill-Vanġelu skont San Luqa
(2:34-35)
Xmun berikhom, u qal lil ommu
Marija:
“Ara,
dan se jġib il-waqgħa u
l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se
jkun sinjal li jmeruh, – u inti
wkoll, sejf jinfidlek ruħek! –
biex jinkixfu l-ħsibijiet
moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.
Narak, Ġesù, qed tiltaqa’ ma’
ommok. Marija tinsab hemm, timxi
fit-toroq iffullati, hemm bosta
persuni magħha. L-unika ħaġa li
tagħżilha mill-oħrajn hi l-fatt
li hi qiegħda hemm biex issieħeb
lil binha. Sitwazzjoni li
narawha ta’ kuljum: l-ommijiet
isieħbu lil uliedhom lejn
l-iskola, jew għand it-tabib,
jew jeħduhom magħhom ix-xogħol.
Imma Marija tispikka fost
l-ommijiet l-oħra: hi qed
issieħeb lil binha lejn il-mewt
tiegħu. Li tara lil ibnek stess
imut hi l-agħar xorti li tista’
tawgura lil xi persuna, l-iktar
waħda mhix naturali; iktar
kiefra jekk l-iben, innoċenti,
qed imut b’idejn il-ġustizzja.
X’xena xejn normali u inġusta
qed nilmaħ quddiem għajnejja!
Ommi rabbietni f’sens ta’
ġustizzja u għallmitni nafda
fil-ħajja, imma dak li llum qed
jaraw għajnejja m’għandu xejn
minn dan, hu sajjem minn kull
sens, u hu mimli wġigħ u niket.
Narak, Marija, int u tħares lejn
l-imsejken iben tiegħek: għandu
l-marki tas-swat fuq dahru u
jiġi mġiegħel jerfa’ t-toqol
tas-salib, aktarx ma jdumx ma
jaqa’ taħtu bl-għeja. Imma int
kont taf li, illum jew għada,
dan kellu jseħħ; kien ġie
mħabbar lilek, imma issa seħħ u
kollox hu differenti; u huwa
dejjem hekk, aħna qatt m’aħna
ppreparati quddiem il-ħajja,
quddiem il-ħruxija tagħha.
Marija, issa tinsab imnikkta,
kif kienet tkun kull mara kieku
sabet ruħha flokok, imma m’intix
qalbek maqtugħa. Għajnejk
mhumiex mitfija, mhumiex qed
iħarsu fil-vojt, int ma timxix
rasek baxxuta. Int tiddi mqar
fid-diqa tiegħek, għax għandek
it-tama, taf li dak ta’ ibnek
mhux sa jkun vjaġġ lejn naħa
waħda biss u taf, tħoss, kif
l-ommijiet biss jafu jħossu, li
ma ddumx ma terġa’ tarah.
Nitolbok, Mulej: għinna inti
biex inżommu dejjem quddiem
għajnejna l-eżempju ta’ Marija,
li aċċettat il-mewt ta’ binha
bħala misteru kbir ta’
salvazzjoni.
Għinna naġixxu b’ħarsitna fuq
it-tajjeb li hemm fl-oħrajn
u mmutu fit-tama tal-qawmien
u bl-għarfien li m’aħna qatt
waħidna,
lanqas mitluqa minn Alla, lanqas
minn Marija,
omm twajba li dejjem għandha
għal qalbha lil uliedha.
Missierna…
Il-V
Stazzjon
Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù
jerfa’ s-salib
Mill-Vanġelu skont San Luqa
(23:26)
Huma u sejrin bih, qabbdu
wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni,
li kien ġej lura mir-raba’,
u għabbewh bis-salib biex iġorru
wara Ġesù.
Narak, Ġesù, mgħattan taħt
it-toqol tas-salib. Qed nara li
mhux jirnexxielek waħdek;
proprju fil-mument tal-ikbar
sforz, bqajt waħdek, mhumiex
hemm dawk li kienu jgħidu li
huma ħbieb tiegħek: Ġuda
ttradiek, Pietru ċaħdek,
l-oħrajn telquk. Imma hawn
f’daqqa waħda sseħħ din
il-laqgħa, ma’ wieħed raġel,
kien min kien, li forsi kien
sema’ dwarek imma ma mexiex
warajk, imma issa jinsab hawn,
maġenbek, spalla ma’ spalla
miegħek, biex jaqsam fil-madmad
tiegħek. Jismu Xmun u hu barrani
ġej mill-bogħod, minn Ċirene.
Għalih din ħaġa li llum ma kienx
jistennieha, imma li tinbidel
f’laqgħa.
Huma bla għadd il-laqgħat ta’
ħbiberija u ta’ tilwim li
jkollna ta’ kuljum, fuq kollox
aħna ż-żgħażagħ li nidħlu l-ħin
kollu f’kuntatt ma’ realtajiet
ġodda, persuni ġodda. U huwa
fil-laqgħa mhux mistennija,
fl-inċident, fis-sorpriża li
taqbadna fuq sieq waħda, li hemm
moħbija għalina l-opportunità li
nħobbu, li nagħrfu l-aħjar
fil-proxxmu tagħna, anki meta
f’għajnejna jidher li hu
differenti minna.
Xi drabi nħossuna bħalek, Ġesù,
mitluqa minn dawk li konna
naħsbuhom ħbieb tagħna, taħt
toqol li jgħaffiġna. Imma ma
rridux ninsew li hemm Xmun minn
Ċirene lest biex jieħu s-salib
tagħna. Ma rridux ninsew li
m’aħniex waħidna, u minn dan
l-għarfien irridu nieħdu l-qawwa
biex nitgħabbew bis-salib ta’
min għandna maġenbna.
Qed narak, Ġesù: issa jidher li
tal-inqas qed tħoss xi ftit
tas-serħan, jirnexxielek tieħu
nifs għal ftit, issa li
m’għadekx iżjed waħdek. U nara
lil Xmun: min jaf ħassx li
l-madmad tiegħek ħafif, min jaf
jekk intebaħx x’fissret dik
il-laqgħa mhux mistennija
għall-ħajja tiegħu!
Mulej, nitolbok biex kull wieħed
u waħda minna
jsib il-kuraġġ li jkun
bħaċ-Ċirinew,
li jieħu s-salib u jimxi fuq
il-passi tiegħek.
Hekk kull wieħed u waħda minna
jkun umli u qawwi
biex nistgħu nitgħabbew
bis-salib ta’ min niltaqgħu
miegħu.
Agħmel li, meta nħossuna
waħidna,
nistgħu nagħrfu fit-triq tagħna
lil Xmun iċ-Ċirinew
li jieqaf u jieħu fuqu t-toqol
tagħna.
Agħtina li nagħrfu nfittxu
l-aħjar f’kull persuna,
li nkunu miftuħa għal kull
laqgħa anki fid-diversità.
Nitolbok biex kull wieħed u
waħda minna
jista’ jiskopri mqar bla
mistenni li jinsab maġenbek.
Missierna…
Is-VI
Stazzjon
Il-Veronika timsaħ il-wiċċ ta’
Ġesù
Mill-ktieb tal-Profeta Isaija
(53:2-3)
Bħal xitla kiber quddiemna, u
bħal għerq minn art niexfa. Ebda
sura ma kellu, u ebda ġmiel biex
inħarsu lejh, jew xi sura biex
nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u
mwarrab mill-bnedmin, bniedem li
bata u kien jaf x’inhu
l-mard, bħal wieħed li n-nies
jaħbu wiċċhom minnu, bniedem
imżeblaħ, u aħna xejn ma
qisnieh.
Narak, Ġesù, fil-miżerja, kważi
ma tintgħarafx, ittrattat qisek
kont l-aħħar wieħed
mill-bnedmin. Timxi bi tbatija
lejn il-mewt tiegħek bil-wiċċ
imbiċċer kollu dmija, anki jekk
bħal dejjem ta’ qalb ħelwa u
umli, tħares ’il fuq. Waħda mara
tross minn qalb il-folla biex
tara mill-qrib dak il-wiċċ
tiegħek li, forsi, tant drabi
kien kellem lill-qalb tagħha u
li hi kienet ħabbet. Tarah batut
u tixtieq tgħinu. Ma jħalluhiex
tgħaddi, huma ħafna, wisq, u
armati. Imma xejn ma jimpurtaha
minn dan kollu, hi determinata
li tilħqek u għal waqt wieħed
jirnexxielha tmissek, tmellsek
bil-maktur tagħha. Din tagħha hi
l-qawwa tal-ħlewwa. Għajnejkom
jiltaqgħu għal ftit ma’ ta’
xulxin, il-wiċċ ta’ wieħed
f’tal-oħra.
Dik il-mara, il-Veronika, li
dwarha ma nafu xejn, ma nafux
l-istorja tagħha, tirbaħ
il-Ġenna b’sempliċi ġest ta’
karità. Tersaq qribek, tosserva
l-wiċċ tiegħek kollu ġrieħi u
tħobbu iktar minn qatt qabel.
Il-Veronika ma tiqafx mad-dehra
ta’ barra, li llum hi tant
importanti fis-soċjetà tagħna
tal-apparenzi, imma tħobb bla
kundizzjonijiet dak il-wiċċ
sfigurat, mhux ikkurat, bla
rtokki u imperfett. Dak il-wiċċ,
il-wiċċ tiegħek, Ġesù, sewwasew
fl-imperfezzjoni tiegħu, jikxef
il-perfezzjoni ta’ mħabbtek
għalina.
Nitolbok, Ġesù, agħtini l-qawwa
li nersaq qrib tal-persuni
l-oħra, ta’ kull persuna,
żagħżugħa jew anzjana, fqira jew
għanja, għażiża għalija jew
barranija,
u li f’dawk l-uċuħ nilmaħ
il-wiċċ tiegħek.
Għinni ma nibqax lura
milli ngħin lill-proxxmu, li fih
inti tgħammar,
bħalma l-Veronika ġriet lejk
fit-triq tal-Kalvarju.
Missierna…
Is-VII
Stazzjon
Ġesù jaqa’ għat-tieni darba
Mill-ktieb tal-Profeta Isaija
(53:8,10)
Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u
min qagħad jaħseb fuq xortih?
Iva, qaċċtuh mill-art
tal-ħajjin, minħabba fi dnub
il-poplu tiegħi kien midrub. […]
Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu
bil-mard.
Narak, Ġesù, terġa’ taqa’
quddiem għajnejja. Meta taqa’
mill-ġdid turini li int bniedem,
tassew bniedem. U narak terġa’
tqum mill-ġdid, iżjed deċiż minn
qabel. Terġa’ tqum mhux
b’suppervja; m’hemmx kburija
fil-ħarsa tiegħek, hemm biss
imħabba. U int u tkompli
bil-mixja tiegħek, u terġa’ tqum
fuq saqajk wara kull waqgħa, int
tħabbar il-Qawmien tiegħek, turi
li int lest biex titgħabba
mill-ġdid u għal dejjem, fuq
l-ispallejn imdemmgħa tiegħek,
bit-toqol tad-dnub tal-bniedem.
Meta waqajt mill-ġdid int
bgħattilna messaġġ ċar ta’
umiltà, waqajt mal-art, fuq dak
l-humus li minnu twelidna
aħna l-“umani”. Aħna ħamrija,
aħna tajn, m’aħna xejn ħdejk.
Imma int ridt issir bħalna, u
issa turi li int qrib tagħna,
bl-istess taħbit tagħna,
l-istess dgħufijiet tagħna,
bl-istess għaraq ta’ ġbinna.
Issa int ukoll, f’din il-Ġimgħa,
kif jiġri lilna, int mgħattan
taħt it-tbatija. Imma int issib
il-qawwa li tibqa’ miexi, ma
tibżax mid-diffikultajiet li
tista’ tħabbat wiċċek magħhom, u
taf li fl-aħħar tat-taħbit hemm
il-Ġenna; terġa’ tqum biex timxi
proprju ’l hemm minn dan, biex
tiftħilna l-bibien ta’
saltnatek. Sultan stramb int,
sultan fit-trab.
Inħossni mħawwad: aħna m’aħniex
denji li nqabblu t-taħbit u
l-waqgħat tagħna ma’ tiegħek.
Tiegħek huma sagrifiċċju,
l-ikbar sagrifiċċju li għajnejja
u l-istorja kollha qatt tista’
tara.
Nitolbok, Mulej, agħmel li nkunu
lesti nerġgħu nqumu wara li
nkunu waqajna,
li nistgħu nitgħallmu xi ħaġa
mill-fallimenti tagħna.
Fakkarna li meta jkun imiss
lilna niżbaljaw u naqgħu,
jekk inkunu miegħek u nabqdu
f’idejk,
nistgħu nitgħallmu u nerġgħu
nqumu.
Agħmel li aħna ż-żgħażagħ
nistgħu nwasslu lil kulħadd
il-messaġġ tal-umiltà tiegħek
u li l-ġenerazzjonijiet li għad
jiġu jiftħu għajnejhom għalik
u jagħrfu jifhmu mħabbtek.
Għallimna ngħinu lil min qed
ibati u jaqa’ maġenbna:
biex nimsħu l-għaraq tiegħu u
nnewlulu jdejna biex nerġgħu
nqajmuh.
Missierna…
It-VIII
Stazzjon
Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’
Ġerusalemm
Mill-Vanġelu skont San Luqa
(23:27-31)
Kotra kbira ta’ nies kienet
miexja warajh; fosthom kien hemm
xi nisa li bdew iħabbtu fuq
sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar
lejhom u qalilhom:
“Nisa
ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku,
iżda ibku lilkom infuskom u lil
uliedkom. Għax, araw, għad jiġi
żmien meta jgħidu:
‘Hienja
dik li ma għandhiex tfal, hieni
l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider
li qatt ma redda’!”.
Imbagħad
jibdew jgħidu lill-muntanji:
‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet:
‘Ordmuna!’.
Għax
jekk dan kollu qegħdin jagħmluh
liz-zokk meta għadu aħdar, mela
xi jsir minnu meta jinxef?”.
Narak u nisimgħek, Ġesù, int u
tkellem lin-nisa li magħhom
tiltaqa’ fi triqtek lejn
il-mewt. Fil-jiem kollha ta’
ħajtek għaddejt tiltaqa’ ma’
tant persuni, iltqajt u tkellimt
ma’ kulħadd. Issa titkellem
man-nisa ta’ Ġerusalemm li
jarawk u jibku. Anki jien waħda
minn dawk in-nisa. Imma int,
Ġesù, fit-twissija tiegħek tuża
kelmiet li jolqtuni, huma
kelmiet konkreti u diretti;
mal-ewwel daqqa t’għajn jistgħu
jidhru ibsin u severi għax
skjetti. Fil-fatt, illum aħna
mdorrijin għal dinja magħmula
mit-tagħwiġ tal-kliem,
ipokrezija kiesħa tgħatti u
tiffiltra dak li nkunu rridu
ngħidu tassew; dejjem nevitaw
iżjed it-twissijiet, nippreferu
nħallu lill-ieħor għad-destin
tiegħu, u ma nippruvawx inwissuh
għall-ġid tiegħu.
Imma int, Ġesù, tkellem lin-nisa
bħal missier, anki billi
ċċanfarhom; kliemek hu kliem ta’
verità u jasal minnufih bl-iskop
tiegħu ta’ korrezzjoni, u mhux
ta’ ġudizzju. Hu lingwaġġ
differenti minn tagħna, int
dejjem titkellem b’umiltà u
tasal dritt għall-qalb.
F’din il-laqgħa, l-aħħar waħda
qabel is-salib, toħroġ mill-ġdid
l-imħabba tiegħek bla qies lejn
dawk li huma fl-aħħar post u
mwarrbin; fil-fatt, in-nisa,
f’dak iż-żmien, ma kinux meqjusa
li jistħoqqilhom min jagħti
kashom, waqt li int, fil-ħlewwa
tiegħek, int tabilħaqq
rivoluzzjonarju.
Nitolbok, Mulej, agħmel li jien,
flimkien man-nisa u l-irġiel ta’
din id-dinja,
nistgħu nsiru dejjem iżjed
karitatevoli
ma’ dawk fil-bżonn, sewwasew kif
kont tagħmel int.
Agħtina l-qawwa li nimxu kontra
l-kurrent
u nidħlu f’kuntatt awtentiku
mal-oħrajn,
nibnu pontijiet u nevitaw li
ningħalqu fl-egoiżmu tagħna
li jwassalna għas-solitudni
tad-dnub.
Missierna…
Id-IX
Stazzjon
Ġesù jaqa’ għat-tielet darba
Mill-ktieb tal-Profeta Isaija
(53:5-6)
Iżda
hu kien miġruħ minħabba fi
dnubietna, misħuq minħabba fi
ħżunitna. Għas-saħħa tagħna
waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat
tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa,
kull wieħed minna qabad triq
għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu
l-ħażen tagħna lkoll.
Narak, Ġesù, int u taqa’
għat-tielet darba. Diġà waqajt
darbtejn u d-darbtejn terġa’
tqum. M’hemmx iżjed limiti
għall-għeja u t-tbatija, issa
tidher kważi għalkollox mirbuħ,
f’din it-tielet u l-aħħar
waqgħa. Kemm drabi, fil-ħajja
ta’ kuljum, jiġrilna li naqgħu.
Tant naqgħu drabi li ma nibqgħux
ngħoddu, imma nittamaw dejjem li
kull waqgħa tkun l-aħħar waħda,
għax trid il-kuraġġ tat-tama
biex tista’ tħabbat wiċċek
mat-tbatija. Meta wieħed jaqa’
ħafna drabi, fl-aħħar is-saħħa
tikkrolla u t-tama tgħib
għalkollox.
Nistħajjilni ħdejk, Ġesù,
fil-mixja li qed twasslek lejn
mewtek. Diffiċli naħseb li int
l-Iben ta’ Alla. Diġà kien hemm
min ipprova jgħinek, imma issa
int bla saħħa, wieqaf,
ipparalizzat u jidher li mhux ħa
jirnexxielek iżjed tibqa’ miexi.
Imma hekkhu li f’daqqa waħda
narak terġa’ tqum, tiddritta
riġlejk u dahrek, kemm
jippermettilek is-salib fuq
spallejk, u terġa’ taqbad miexi,
mill-ġdid. Iva, sejjer biex
tmut, imma trid tasal sal-aħħar.
Forsi din hija l-imħabba. Dak li
nista’ nifhem hu li mhuwiex
importanti kemm drabi naqgħu,
dejjem se jkun hemm l-aħħar
waħda, forsi l-agħar, il-prova
l-iżjed terribbli li fiha aħna
msejħin insibu l-qawwa biex
naslu sa tmiem il-mixja. Għal
Ġesù t-tmiem hu t-tislib,
il-mewt assurda, imma li tikxef
tifsira iktar profonda, għan
ogħla, dak li jsalvana lkoll.
Nitolbok, Mulej, agħtina ta’
kuljum
il-kuraġġ li nibqgħu mexjin
fit-triq tagħna.
Agħmel li nilqgħu sal-aħħar
it-tama u l-imħabba li tajtna.
Jalla kulħadd ikun jista’
jaffronta l-isfidi tal-ħajja
bil-qawwa u l-fidi li bihom inti
għext
l-aħħar mumenti tal-mixja
tiegħek
lejn il-mewt tas-salib.
Missierna…
L-X Stazzjon
Ġesù mneżża’ minn ħwejġu
Mill-Vanġelu skont San Ġwann
(19:23)
Wara li sallbu lil Ġesù,
is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu
u qassmuh f’erbgħa,
sehem lil kull wieħed minnhom. U
ħadu wkoll it-tunika; din kienet
libsa bla ħjata, minsuġa biċċa
waħda minn fuq s’isfel.
Narak, Ġesù, għeri, kif qatt ma
rajtek qabel. Ċaħħduk imqar minn
ħwejġek, Ġesù, u qed jaqtgħu
x-xorti għalihom. F’għajnejn
dawn il-bnedmin int tlift
l-aħħar biċċa għata ta’ dinjità
li kien fadallek, l-uniku oġġett
li kellek tiegħek tul din
il-mixja ta’ tbatija. Fil-bidu
taż-żminijiet, Missierek kien
niseġ il-ħwejjeġ għall-bnedmin,
biex ilibbishom bid-dinjità;
issa, il-bnedmin ineżżgħuhomlok.
Narak, Ġesù, u fik nara
immigrant żagħżugħ, ġisem
imbiċċer li jasal f’art ħafna
drabi kiefra, lesta biex
tneżżagħlu ħwejġu, l-uniku ġid
tiegħu, u tbigħhom; biex tħallih
hekk bis-salib tiegħu waħdu,
bħal tiegħek, bil-ġisem tiegħu
waħdu mkisser, bħal tiegħek,
b’għajnejh waħidhom mimlija
niket, bħal tiegħek.
Imma hemm xi ħaġa li n-nies
spiss tinsa dwar id-dinjità: din
tinsab taħt il-ġilda tiegħek, hi
parti minnek u dejjem ħa tkun
miegħek, u iżjed u iżjed f’dan
il-mument, f’din l-għera.
L-istess għera li biha niġu
għad-dawl tad-dinja hi dik li
biha l-art tilqagħna mal-għabex
tal-ħajja. Minn omm għall-oħra.
U issa hawn, fuq din l-għolja,
hemm ukoll l-omm tiegħek, li
terġa’ tarak għeri.
Narak u nifhem il-kobor u
l-ġmiel tad-dinjità tiegħek,
tad-dinjità ta’ kull bniedem, li
ħadd qatt ma jista’ jħassar.
Nitolbok, Mulej, agħmel li lkoll
kemm aħna nistgħu nagħrfu
d-dinjità li tiġi min-natura
tagħna,
anki meta nsibu ruħna għerja u
waħidna quddiem l-oħrajn.
Agħmel li nistgħu dejjem naraw
id-dinjità tal-oħrajn,
u nistmawha, u nħarsuha.
Nitolbuk tagħtina l-kuraġġ
meħtieġ
biex nifhmu lilna nfusna lil
hemm minn dak li bih aħna
mlibbsa;
u li naċċettaw l-għera li hi
tagħna
u tfakkarna fil-faqar tagħna,
li miegħu int innamrajt sa ma
tajt ħajtek għalina.
Missierna…
Il-XI-il
Stazzjon
Ġesù msammar mas-salib
Mill-Vanġelu skont San Luqa
(23:33-34)
Meta
waslu fil-post jgħidulu
l-Qorriegħa, sallbuhom hemm,
lilu u lill-ħatja, wieħed fuq
il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq
ix-xellug. U Ġesù qal:
“Missier,
aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma
jagħmlu”.
Narak, Ġesù, imneżża’ minn
kollox. Riedu jikkastigawk,
innoċenti, imsammar mal-għuda
tas-salib. X’kont nagħmel jien
li kieku kont flokhom, kien
ikolli l-kuraġġ nagħraf
il-verità tiegħek, tiegħi? Int
kellek il-qawwa li tiflaħ
għat-toqol ta’ salib, li toqgħod
għal dawk li ma jemmnukx, li
jikkundannawk għall-kelmiet
skomdi tiegħek. Illum mank
jirnexxielna nniżżlu ftit
tal-kritika, bħallikieku kull
kelma ġiet imlissna biex
tferina.
Int lanqas quddiem il-mewt ma
waqaft, emmint bil-qawwa
fil-missjoni tiegħek u fdajt
f’Missierek. Illum, fid-dinja
tal-internet, tant aħna
kkundizzjonati minn kulma
jiċċirkola fuqu li xi drabi
niddubita anki minn kliemi
stess. Imma kliemek hu
differenti, hu b’saħħtu
fid-dgħufija tiegħek. Int
ħfirtilna, ma żammejtx korla
fik, għallimtna nagħtu ħaddejna
l-ieħor u mort iktar lil hemm
minn hekk, sas-sagrifiċċju sħiħ
tal-persuna tiegħek.
Inħares madwari u nara għajnejn
imsammrin fuq l-iskrin
tal-mowbajl, mitlufa fuq
il-midja soċjali biex isammru
kull żball tal-oħrajn mingħajr
possibbiltà ta’ maħfra. Bnedmin
li, maħtufa mir-rabja, jgħajtu
li jinbagħdu għall-iżjed
raġunijiet bla sens.
Inħares lejn il-ġrieħi tiegħek u
naf, issa, li jien ma kienx
ikolli s-saħħa tiegħek. Imma
qiegħda bilqiegħda hawn
f’riġlejk, u nħalli warajja jien
ukoll kull dubju, inqum mill-art
biex nista’ nkun eqreb lejk,
imqar b’ċentimetru wieħed biss.
Nitolbok, Mulej, agħmel li,
quddiem it-tajjeb,
jien nista’ nkun pronta nagħrfu;
agħmel li, quddiem inġustizzja,
insib
il-kuraġġ li nieħu r-riedni ta’
ħajti f’idejja u naġixxi
bil-kontra;
agħmel li ninħeles mill-biżgħat
kollha
li bħal imsiemer iwaħħluni u
jżommuni mbiegħda
mill-ħajja li int ittamajt u
ħejjejt għalina.
Missierna…
It-XII-il
Stazzjon
Ġesù jmut fuq is-salib
Mill-Vanġelu skont San Luqa
(23:44-47)
Għall-ħabta tas-sitt siegħa
waqgħet dalma kbira fuq
il-pajjiż kollu sad-disa’
siegħa, għax ix-xemx iddallmet.
Il-velu tas-santwarju ċċarrat
min-nofs.
Imbagħad
Ġesù għajjat għajta kbira u qal:
“Missier,
f’idejk
jien nerħi ruħi”.
U kif qal hekk, ħarġet ruħu.
Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara,
beda jfaħħar lil Alla u jgħid:
“Tassew
li dan bniedem ġust!”.
Narak, Ġesù, u din id-darba ma
rridx inħares lejk. Qed tmut.
Kont tant sabiħ biex tħares lejk
meta kont tkellem lill-folol,
imma issa spiċċa kollox. U jien
ma rridx narah it-tmiem; mhux
darba u tnejn dawwart wiċċi
n-naħa l-oħra, kważi drajt
naħrab mill-uġigħ u l-mewt,
illuppjat.
Il-karba tiegħek fuq is-salib hi
b’saħħitha, agonizzanti: ma
konniex lesti għal tant turment,
m’aħniex, qatt m’aħna sa nkunu.
Jiġina naturali li naħarbu,
maqbuda mill-paniku, quddiem
il-mewt u t-tbatija,
nirrifjutawhom, nippreferu
nħarsu band’oħra jew nagħlqu
għajnejna. Imma int tibqa’ hemm
fuq is-salib, tistenniena
b’dirgħajk miftuħa, u tiftħilna
għajnejna.
Dan hu misteru kbir, Ġesù:
tħobbna billi tmut, billi
tintelaq, billi trodd ruħek,
billi twettaq ir-rieda
tal-Missier, billi tinħeba. Int
tibqa’ fuq is-salib, u dan hu
biżżejjed. Ma tipprovax tispjega
l-misteru tal-mewt, tat-temma
ta’ kull ħaġa, imma tagħmel
iżjed minn hekk: tgħaddi minnha
b’ruħek u ġismek kollha. Misteru
kbir, li jibqa’ jisfidana u
jagħtina fuqiex naħsbu;
jisfidana, jistedinna niftħu
għajnejna, biex nistgħu naraw
imħabbtek anki fil-mewt, anzi
ibda proprju mill-mewt. Huwa
hemm li ħabbejtna: fl-aktar
kundizzjoni vera tagħna, li ma
tistax tiġi eliminata u evitata.
Huwa hemm li nifhmu, imqar jekk
b’mod li għadu imperfett,
il-preżenza ħajja tiegħek,
awtentika. Għal dan, dejjem se
jkollna l-għatx: għall-qrubija
tiegħek, biex int tkun Alla
magħna.
Nitolbok, Mulej, iftaħli
għajnejja,
biex narak anki fit-tbatija,
fil-mewt, fit-tmiem li mhuwiex
il-veru tmiem.
Ħawwad l-indifferenza tiegħi
bis-salib tiegħek, riegħed
it-telqa tiegħi.
Sfidani dejjem bil-misteru
tiegħek tal-għaġeb,
li jegħleb il-mewt u jagħti
l-ħajja.
Missierna…
It-XIII-il
Stazzjon
Ġesù mniżżel mis-salib
Mill-Vanġelu skont San Ġwann
(19:38-40)
Wara dan, Ġużeppi minn
Arimatija, li kien dixxiplu ta’
Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’
mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu
biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù.
Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa
l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll
Nikodemu, dak li qabel kien mar
għand Ġesù billejl, u ġieb
miegħu taħlita ta’ morr u
sabbara, tiżen xi mitt libbra.
Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’
Ġesù u kebbewh bil-faxex
tal-għażel bil-fwejjaħ, kif
soltu jagħmlu l-Lhud qabel
id-difna.
Narak, Ġesù, għadek hemm, fuq
is-salib. Bniedem tad-demm u
l-laħam, bid-dgħufijiet tiegħu,
bil-biżgħat tiegħu. Kemm batejt!
Hi xena li bilkemm nifilħu
nħarsu lejha, forsi proprju għax
mimlija umanità: din hi
l-kelma-muftieħ, hawn twassal
il-mixja tiegħek, miżgħuda bi
tbatija u taħbit. Proprju dik hi
l-umanità li spiss ninsew
nagħrfu fik u nfittxu fina
nfusna u fl-oħrajn, għax aħna
wisq aljenati b’ħajja li tagħfas
fuq il-pedala tal-aċċelleratur,
għomja u torox quddiem
id-diffikultajiet u t-tbatijiet
tal-oħrajn.
Narak, Ġesù: issa m’għadekx
hemm, fuq is-salib; erġajt lura
mnejn ġejt, imniżżel tistrieħ
f’ġuf l-art, fuq ħoġor ommok.
Issa t-tbatija għaddiet, għebet
fix-xejn. Din hi s-siegħa
tal-mogħdrija. Fil-ġisem tiegħek
bla ħajja naqraw l-eku tal-qawwa
li biha affrontajt it-tbatija;
it-tifsira li seħħlek tagħtiha
tilma fl-għajnejn ta’ min għadu
hemm u baqa’ ħdejk u dejjem se
jibqa’ ħdejk fl-imħabba,
mogħtija u milqugħa. Tinfetaħ
għalik, għalina, ħajja ġdida,
dik tas-Sema, sinjal ta’ dak li
jibqa’ jirreżisti u ma jħallix
il-mewt tfarrku: l-imħabba. Int
tinsab hawn, magħna, f’kull
waqt, ma’ kull pass, f’kull
inċertezza, f’kull dell. Waqt li
d-dalma tal-qabar tgħatti
l-ġisem tiegħek mixħut
fid-dirgħajn ta’ ommok, jien
narak u nibża’ imma ma
niddisprax, għax għandi fiduċja
li d-dawl, id-dawl tiegħek, għad
jerġa’ jiddi.
Nitolbok, Mulej,
agħmel li fina tibqa’ dejjem
ħajja t-tama,
il-fidi fl-imħabba tiegħek bla
tarf.
Agħmel li nistgħu nżommu dejjem
ħajja u mixgħula
l-ħarsa tagħna lejn
is-salvazzjoni eterna,
u li jirnexxielna nsibu s-serħan
u l-paċi fil-mixja tagħna.
Missierna…
L-XIV-il
Stazzjon
Ġesù midfun f’qabar ġdid
Mill-Vanġelu skont San Ġwann
(19:41-42)
Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien
hemm ġnien, u f’dan
il-ġnien kien hemm qabar ġdid li
fih kienu għadhom ma difnu lil
ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù,
għax kien Jum it-Tħejjija
għal-Lhud, u għax il-qabar kien
fil-qrib.
Ma narakx iżjed, Ġesù, issa
waqgħet id-dalma. Jaqgħu
dlamijiet kbar mill-għoljiet, u
Ġerusalemm miżgħuda bl-imsiebaħ
tax-Shabbat, barra d-djar
u fil-kmamar. Iħabbtu kontra
l-bibien tas-sema, magħluqa u
msakkrin sewwa: għal min din
is-solitudni kollha? F’lejl bħal
dan min jista’ jorqod? Tidwi
l-belt tal-biki tat-trabi,
tal-krib tal-ommijiet, tar-ronda
tas-suldati: imut dan il-jum, u
int biss irqadt. Torqod? U fuq
liema sodda? Liema għata tostrok
mid-dinja?
Mill-bogħod Ġużeppi ta’
Arimatija mexa wara l-passi
tiegħek, u issa fuq ponot
subgħajh isieħbek fir-raqda,
jostrok mill-ħars ta’ dawk li
żebilħuk u bagħduk. Liżar
ikeffen il-ġisem kiesaħ tiegħek,
jixxotta d-demm u l-għaraq u
l-biki. Tinżel mis-salib, imma
ħafif. Ġużeppi jerfgħek fuq
spallejh, imma int ħafif:
m’initx iġġorr it-toqol
tal-mewt, mhux tal-mibegħda,
mhux tar-rabja. Torqod bħal meta
kont imdawwar bit-tiben sħun u
Ġużeppi ieħor ħaddnek
f’dirgħajh. Bħal dakinhar issa
m’hawnx wisa’ għalik, issa
m’għandekx fejn isserraħ rasek:
imma fuq il-Kalvarju, fuq
il-qorriegħa iebsa tad-dinja,
hemm jikber ġnien fejn ħadd qatt
għadu ma ġie midfun.
Fejn mort, Ġesù? Fejn inżilt,
jekk mhux fil-qiegħ nett? Fejn,
jekk mhux fil-post li ħadd għadu
qatt ma daħal fih, fiċ-ċella
l-aktar dejqa? Inqbadt fl-istess
xbieki tagħna, tjassart
fl-istess diqa tagħna: bħalna
mxejt fuq din l-art, u issa
bħalna taħt l-art issib post
għalik.
Nixtieq naħrab ’il bogħod, imma
ġewwa fija hemm int; m’hemmx
bżonn noħroġ infittxek barra,
għax int qed tħabbat fuq il-bieb
ta’ qalbi.
Nitolbok, Mulej, li ma
mmanifestajtx ruħek fil-glorja
imma fis-sikta ta’ lejl mudlam.
Int li ma tħarisx lejn il-qoxra,
imma tara fis-satra
u fil-qiegħ nett tidħol,
mill-qiegħ nett tisma’ l-leħen
tagħna:
agħmel li, għajjenin kif aħna,
nistgħu nistrieħu fik,
nagħrfu fik in-natura tagħna,
u fl-imħabba ta’ wiċċek rieqed
nilmħu
l-ġmiel li aħna tlifna.
Missierna…
|