L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

L-Imgħallem huwa qrib dawk ta’ qalbhom  imweġġa’

 

Il-Kardinal Dionigi Tettamanzi

 

Ittra tal-Kardinal Tettamanzi lil dawk il-koppji li qed jisseparaw, jiddivorzjaw jew se jibdew xi relazzjoni ġdida.

Il-Ħadd, 6 ta' Jannar 2008 - Epifanija tal-Mulej

 

Għeżież ħuti,

 

Ilu ħafna jberren f’moħħi l-ħsieb li ndur lejkom b’mod tassew dirett u personali.

 

Fil-fatt nieħu gost ħafna nitlob il-permess biex bħala wieħed ta’ ġewwa,  tħalluni nidħol f’darkom u nieħu ftit mill-ħin tagħkom.

 

U se nagħmel dan permezz ta’ dan il-messaġġ sempliċi u familjari – nitlobkom tħalluni noqgħod ħdejkom fi djalogu pjaċevoli u li jissokta iktar ‘il quddiem.

 

Żgur li ħafna minnkom għadhom iħaddnu t-twemmin nisrani u jħossuhom parti mill-Knisja ta’ Kristu u fl-Isqof jaraw il-missier u l-għalliem.  Għalija bħala Isqof huma ħafna għal qalbi dawk l-imgħammdin li forsi tilfu xi ftit minn dak it-twemmin jew li qed iħossuhom maqtugħin,  forsi minħabba xi delużjoni jew xi nuqqas ta’ komprensjoni, mill-merħla ta’ Kristu.

 

Irrid għalhekk niltaqa’ magħkom ilkoll u magħkom niftaħ djalogu biex nitkellmu dwar il-ferħ u d-dwejjaq fil-ħajja ta’ kuljum u nisma’ xi ftit minn dak li ġġarrbu u tiltaqgħu miegħu matul l-erbgħa w għoxrin siegħa tal-ġurnata; irrid nisma’ l-problemi tagħkom u naqsam magħkom dak li nħoss għalikom.

 

Tassew hekk:  waqt li taqraw dan il-messaġġ tiegħi, bexxquli ftit il-bieb ta’ darkom u ħalluni nidħol għandkom.  Anki jien waqt li qed niktbilkom dawn il-kelmtejn, ħossukom qrib tiegħi u afdaw fija

 

Il-Knisja hija qrib tagħkom:

 

Anzi rrid nistqarr magħkom: le m’aħniex barranin  għal xulxin.  Għalija Isqof tagħkom u għal Knisja, intom ulied maħbuba u mixtieqa. Ix-xewqa li nidħol magħkom fi djalogu ġejja mir-rispett profond li għandi lejkom u għax naf li għandkom xi mistoqsijiet u tbatijiet li xi drabi tħossu li huma ttraskurati jew imwarrba mill-Knisja.

 

Irrid għalhekk ngħidilkom li l-kommunita’ nisranija tinteressa ruħha fil-problemi tagħkom.

 

Nemmen li xi wħud minnkom setgħu ħassew xi ftit iebes ir-rapport ma’ l-awtorita’ ekkleskastika; forsi ħassew li ma fehmuhomx f’sitwazzjoni diġa diffiċli u doloruża; forsi ma sabux lil min kien lest jismagħhom u jgħinhom; xi drabi forsi semgħu wkoll kliem nieqes mill-ħniena jew xi kundanna bla ebda raġġ ta’ dawl.  W allura setgħu ħassewhom imwarrba jew irrifjutati mill-Knisja.

 

Bilqegħda ħdejkom ma’ l-istess mejda rrid ngħidilkom u nassikurakom li l-Knisja ma nsietkomx!  Iktar u iktar ma warrbitkomx jew ma stmatkomx!

 

Hawnhekk jaħbtu ma’ moħħi l-kelmiet li l-Papa Pawlu t-Tieni kien qal lill-familji ġejjin minn kull parti tad-dinja fl-okkażjoni tal-Gublew tas-sena 2000.  “Quddiem tant familji mfarrka, il-Knisja tħossha fid-dmir mhux li tgħaddi xi ġudizzju iebes u sever, imma li titfa’ d-dawl tal-kelma t’Alla fil-qalba ta’ tant drammi akkumpanjata mix-xhieda tal-ħniena divina.” 

 

W allura jekk fil-mixja tagħkom iltqajtu ma’ rġiel u nisa mill-kommunita’ nisranija li forsi b’xi mod jew ieħor naqqsukom bl-imġieba tagħhom jew bi kliemhom, nixtieq nurikom id-dispjaċir tiegħi u nħallu lil kulħadd f’idejn il-ġudizzju u l-ħniena t’Alla.

 

Bħala kristjani nħossu għalikom imħabba partikulari bħal ta’ dak il-missier li jħares  bi  premura u attenzjoni lejn ibnu li jkun sab ruħu f’xi diffikulta’ u jkun qed ibati, inkella bħal aħwa li nissapportjawkom b’kull mezz, wara li nkunu għamilna dak kollu li stajna biex nifhmukom u nitkellmu magħkom apertament.

 

Il-weġgħa tagħkom hija wkoll il-weġgħa tagħna

 

Irrid issa nkun kapaċi nisma’  l-mistoqsijiet u r-riflessjonijiet tagħkom.

Anke aħna l-kleru u nies tal-Knisja nifhmu li bosta drabi t-tmiem ta’ relazzjoni ma hix xi deċiżjoni faċli jew li titttieħed malajr.  Għal kuntrarju jkun pass mimli tbatija fil-mixja tal-ħajja tagħkom  li jqiegħed quddiemkom ħafna mistoqsijiet għaliex falla dal-proġett li fih tkunu emmintu u nvestejtu ħafna mill-enerġija tagħkom.

 

Bla dubju ta’ xejn pass bħal dan iħalli feriti li mhux la kemm jitfejqu.   Forsi jinħoloq anke d-dubju kif qatt tista’ tasal biex ittemm xi ħaġa kbira li tant tkun ittamajt fiha;  żgur li tiġi waħidha l-mistoqsija x’se jkunu issa r-responsabiltajiet ta’ kull wieħed u waħda minnkom; kbir ikun id-dispjaċir li tħoss tarak ittradut mis-sieħeb jew sieħba li tkun għażilt għal ħajtek kollha; tħoss is-sens kbir ta’ inċertezza lejn l-ulied li jbatu  bla ma għandhom l-ebda tort.

 

Nista’ nifhem dan l-inkwiet kollu u nassigurakom li dan kollu joħloq niket u feriti li jmissu l-qalb tal-kommunita’ parrokkjali kollha kemm hi.

 

It-tmiem ta’ kull żwieġ huwa motiv ta’ sofferenza għal Knisja u jġib miegħu għadd ta’ mistoqsijiet li mhux la kemm tweġibhom;  imma għaliex il-Mulej jippermetti li tinħall dik ir-rabta,   is-sinjal kbir ta’ l-imħabba totali tiegħu, hekk lejali u sħiħa!

 

U aħna kif stajna nkunu qrib dawn il-miżżewġin!

 

Aħna mxejna tassew magħhom il-mixja tal-vera thejjija, u tajnihom il-vera għajnuna biex jifhmu sew it-tifsira taż-żwieġ li fih ingħaqdu f’ġisem wieħed!

 

Aħna mxejna magħhom pass pass bl-attenzjoni u bl-imħabba fit-triq ta’ l-għerusija qabel iżżewġu u wara li saru familja!

 

Dawn il-mistoqsijiet u din l-għafsa ta’ qalb issa rridu naqsmuhom magħkom għax qed jolqtuna fil-fond u qed jinvestu xi ħaġa li tinteressana mill-qrib;  l-imħabba, il-ħolma u l-ikbar valur fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, ta’ kulħadd.  

 

Naħseb li bħala għarajjes insara tifhmu kemm aħna nħossu u jinteressana dak kollu li qegħdin iġġarrbu.

 

Intom iddeċidejtu li tiżżewġu fi ħdan il-kommunita’ nisranija u tgħixu ż-żwieġ bħala Sagrament li huwa s-sinjal effikaċi tal-preżenza ta’ Kristu fid-dinja.  Din hija l-imħabba sħiħa, totali, li ma titkissirx, fidila, ħajja, bħal l-imħabba ta’ Kristu għalina.

 

U biż-żwieġ tagħkom il-kommunita’ nisranija għarfet din ir-rejalta’ u talbet lil Alla għalikom biex jimlikom bil-grazzja tiegħu sabiex dan l-għamil tagħkom iservi ta’ dawl u ferħ għal dawk kollha li jiltaqgħu magħkom.

 

Meta din ir-rabta titfarrak il-knisja f’ċertu sens,  tiftaqar, għaliex tkun tilfet raġġ ta’ dawl li kien għaliha sinjal ta’ ferħ u konsolazjoni.

 

Il-Knisja għalhekk ma tħarisx lejkom bħala xi barranin li ksirtu xi patt imma tħossha parti minn dil-problema tagħkom u mill-ħsebijiet li jtertqulkom qalbkom.

 

Għalhekk ħbieb, mas-sentimenti tagħkom ibqgħu ċerti li hemm ukoll magħquda s-sentimenti tagħna.

 

Quddiem id-deċiżjoni li tisseparaw

 

Irrid issa inpoġġi ħdejkom u nipprova nirraġuna magħkom u nirriflettu fuq dawk il-passi li wasslukom biex tinterrompu din il-mixja, din il-ħajja miżżewġa tagħkom.

 

Irrid naħseb li qabel ma wasaltu għal din id-deċiżjoni, għamiltu min jaf kemm il-esperiment u kemm batejtu biex tibqgħu tgħixu taħt l-istess saqaf; nervużi, bla paċenzja, bla fiduċja, nuqqas ta’ trasparenza, sens ta’ tradiment, delużjoni u dispjaċir għal dik il-persuna li kienet tidher totalment differenti fil-bidu li sirtu tafu lil xulxin.

 

Din l-esperjenza ripetuta u ta’ kuljum tispiċċa tirrendi lil darkom mhux iktar bejta ta’ mħabba u għaqda, imma gaġġa li ċċarrat minn qlubkom kull ferħ u kuntentizza.

 

Tispiċċaw biex tibdew tgħollu l-vuċi, jonqos ir-rispett reċiproku, u jgħib kull sens ta’ ftehim u għaqda.  W allura tibdew tħossu li ma tistgħux iktar tgħixu maġenb xulxin.

 

Imma le!  L-għażla li twaqqfu u tinterrompu l-ħajja matrimonjali tagħkom qatt ma għandha tkun xi deċiżjoni faċli u ħafifa!

 

Meta żewġ miżżewġin jinfirdu, iġorru f’qalbhom ferita li tagħfas fuq il-ħajja tagħhom, u tħalli anke l-effett tagħha fuq il-ħajja ta’ uliedhom u fuq ta’ dawk li jħobbuhom (ġenituri, aħwa, familjari u ħbieb).

 

Dil-ferita anke l-Knisja tifhimha u tħossha.

 

F’ċerti każi, l-Knisja tħoss li mhux biss huwa leċitu, imma huwa inevitabbli li tittieħed deċiżjoni li l-koppja tissepara; u dan għal ġid u d-dinjita’ tal-persuni, biex jiġu evitati trawmi iktar profondi, biex jibqa’ bla  mittiefes il-kobor taż-żwieġ li ma jistax jinbidel f’disprezz bejn il-koppja.

 

Ma nirrassenjawx ruħna mill-ewwel

 

Quddiem deċiżjoni hekk serja, importanti iżda li ma  nċedux mill-ewwel u nirrassenjaw ruħna u mill-ewwel nagħlqu din il-paġna f’ħajjitna.

 

Is-separazjoni għal kuntrarju għandha toffrilna l-okkażjoni biex ngħarblu aħjar il-ħajja miżżewġa.  Ma hux opportun, mhix ħaġa idejali – jgħidilna wieħed mill-prinċipji tal-ħajja spiritwali – nieħdu deċiżjonijiet definittivi meta ruħna tkun għaddejja minn xi burraxka jew taqlib kbir.

 

Ma nistgħux ngħidu li kollox mitluf:  forsi għad hemm l-enerġija biex nifhmu u naraw xi jkun ġara eżatt fil-ħajja tal-koppja jew tal-familja;   forsi għad hemm ix-xewqa li nagħżlu li nfittxu xi parir espert, xi għajnuna biex nerġgħu nibdew flimkien fażi oħra fil-ħajja; forsi hemm spazju biex nagħrfu sinċerament x’kienu r-responsabiltajiet li kkompromettew dak il-patt ta’ mħabba u għaqda fiż-żwieġ. 

 

Fil-ħajja dejjem hemm ħafna obbligi.  Anke jew dawn jimponihom fuqna l-ambjent ta’ madwarna, is-soċjeta’, fil-verita’ iżda nafu li aħna wkoll għandna għadd ta’ responsabiltajiet. 

 

Anke jew dawn mhux dejjem ridnihom, jew forsi ġew fuqna bla ebda ħażen imma biss b’mod superfiċjali, xorta iżda hemm ġesti, kliem, drawwiet u għażliet li influwenzaw il-ħajja tal-koppja.

 

Kemm għarajjes iħossuhom waħidhom ui jemmnu li magħhom saret inġustizzja u tismagħhom jgħidulek: Jien m’għandix tort!  Jien ma ridtx!  Jien għamilt l-impossibbli!

 

Il-Kelma ta’ l-Imsallab

 

Lil dawk, li fid-dawl tal-verita’, jemmnu li ġabu ruħhom b’mod responsabbli, anke meta tilfu t-teżor taż-żwieġ, irrid bħal aħwa nitlobhom jilqgħu l-appell tal-ħniena  divina ta’ Alla  li jiġġudikana bil-verita’, isejħilna għal konverżjoni u jfejjaqna bil-proposta ta’ ħajja gdida.

 

Li nagħrfu din ir-responsabilta’ ma jfissirx li ngħixu fis-sens tal-ħtija.  Anzi dan ikun ifisser li niftħu l-ħajja għal dik il-liberta  u għal dak it-tiġdid li l-Mulej jagħtina nesperimentaw meta nirritornaw lura għandu.

 

Dan hu li jibqa’ x’nistgħu nagħmlu biex insolvu dawn il-problemi li jirrigwardjaw il-familja, biex nibdlu ħajjitna…dan kollu jrid isir bil-kuraġġ u bil-għaqal.

 

Lil dawk il-koppji mbagħad li ħassew bil-kbir l-inġustizzja li saret magħhom li ġabet din il-kriżi fiż-żwieġ tagħhom, irrid ngħidilhom, li aħna bħala kristjani, ma rridux ninsew  il-kelma doloruża iżda kollha ħajja li ġiet mis-Salib.  Minn dak il-post tat-tbatija, ta’ abbandun u ta’ inġustizzja, il-Mulej Gesu’ wriena l-kobor ta’ l-imħabba tiegħu meta offra lilu nnifsu u ħafer lill-għedewwa.

 

Bħala Isqof, anzi qabel xejn bħala kristjan, ma nista’ qatt ninsa din il-Kelma, imma nħoss li għandi noffrilkom din il-Kelma li għalkemm tweġġa’ u tfieri l-qalb u l-ħajja, iżda tħalli ħafna frott u fiha ħafna sens.

 

Anke jekk matul kull ċelebrazzjoni ewkaristika tridu  tbatu biex tifhmu  u taħfru, fil-verita’  għandkom diġa teżor kbir x’toffru flimkien ma’ Kristu fit-tifkira tas-Salib; il-faqar tagħkom.

 

Matul dawn il-mumenti iebsin tal-ħajja, it-tfal huma fost il-protagonisti innoċenti imma li jidħlu wkoll fl-istorja tagħkom.

 

Ibatu wkoll it-tfal li bdew jitfarfru u jikbru li jaraw l-imħabba tagħhom, fiż-żmien delikat ta’ l-adoloxxenza, qed titfarrak, u spiss jindunaw bil-futur inċert ta’ quddiemhom.

 

Iżda t-tama ma tonqosx:  kuljum nilmħu madwarna eżempji sbieħ u ta’ min jammirahom ta’ ġenituri, li għalkemm isibu ruħhom waħidhom, jirnexxilhom irabbu u jkabbru lil uliedhom  bl-imħabba, bid-dehen, dedikazzjoni u premura.

 

Irrid irrodd ħajr lil dawn l-ommijiet u lil dawk il-misserijiet li jagħtuna dan l-eżempju li jiswa mitqlu deheb.  Iva nirringrazzjahom u nammirahom u nittama li l-kommunita’ tagħna tkun għalihom dejjem ta’ għajnuna.

 

Fl-istess ħin irrid nirrakkommanda lil dawk il-ġenituri kollha separati biex ma jirrendux diffiċli l-ħajja ta’ uliedhom billi jbegħduhom mill-istima u l-preżenza tal-ġenitur l-ieħor u l-familjari tiegħu. L-ulied għandhom bżonn, dan joħroġ ukoll mill-garanziji li tipprovdi l-Liġi, kemm lill-missier kif ukoll lil omm, u mhux joqogħdu jintilfu fil-piki u l-għira.

 

Dan li għidt s’issa jgħodd għal dawk li sseparaw;  imma dan jgħodd ħafna wkoll għal dawk li għamlu l-għażla ħesrem u inevitabbli tad-divorzju u wara bdew xi relazjoni oħra. Jgħodd ukoll għal dawk li għalkemm ma sseparawx u lanqas iddivorzjaw, qegħdin jgħixu ma’ persuna divorzjata jew separata.

 

Meta naħseb f’dawn il-persuni rrid nagħmel l-aħħar mistoqsija, li hija ħafna għal qalbi u li rrid naqsam magħkom b’doża kbira ta’ sinċerita’.

 

Hemm post għalikom fil-Knisja?

 

Xi spazju hemm fil-Knisja għal dawk li qed jgħixu separati, divorzjati jew li bdew xi relazzjoni ġdida?

 

Veru li l-Knisja teskludihom darba għal dejjem mill-ħajja tagħha?

 

Anke jekk it-tagħlim tal-Papa u ta’ l-Isqfijiet f’dan l-ambitu huwa wieħed ċar u kien ripropost kemm il-darba, ġie li tisma’ dan il-ġudizzju:  Il-Knisja skumnikat lid-Divorzjati!  Il-Knisja turi l-bieb lil dawk il-miżżewġin li huma separati!  Dan il-ġudizzju tant laħaq rabba l-għeruq li dawk li ż-żwieġ tagħhom huwa fi kriżi, jitbiegħdu mill-ħajja tal-kommunita’ kristjana minħabba l-biża’ li ma jkunux milqugħa jew li jgħaddu xi ġudizzju fuqhom.

 

Jien irrid nibqa’ qrib tagħkom u nitkellem magħhom b’dik is-sempliċita’ ta’ l-aħwa u allura ma rridx intawwal ħafna:  allura se nipproponilkom il-punt deċisiv ta’ din ir-riflessjoni, jiġifieri l-Kelma ta’ Gesu’ li lejha, bħala kristjani,  għandna nibqgħu lejali.

 

Il-Kelma t’Alla dwar iż-Żwieġ

 

Gesu’ Kristu tkellem dwar iż-Żwieġ b’mod hekk radikali li ssorprenda lill-istess dixxipli tiegħu li wħud minnhom, wisq probabbli, kienu miżżewġin.

 

Kristu jafferma li r-rabta taż-żwieġ bejn raġel u mara ma tinħallx (cf. Mt 19, 1-12)  il-għaliex f’din ir-rabta jidher il-ħsieb oriġinali t’Alla għall-umanita’,  jiġifieri li l-bniedem ma hux waħdu, li l-bniedem irid jgħix ħajja  fidila u twila f’kommunita’.  Din hi wara kollox il-ħajja li jgħix Alla l-imbierek , ħajja ta’ mħabba, imħabba fidila li ma titħassarx, li tidher bħala raġġ ta’ dawl fl-imħabba reċiproka  bejn raġel u mara.  U għalhekk, jikkonferma Gesu’, ‘ma għadhomx  tnejn, imma saru ġisem wieħed.’  Dak li allura għaqqad Alla, m’għandux jifirdu l-bniedem. (Mt 19,6).

 

Minn dak inhar ‘l quddiem, il-Kelma ta’ Gesu ma waqfitx mument wieħed  milli tipprovoka u tinkwieta lil dawk li semgħuha.  Id-dixxipli ta’ Gesu’  ħassewhom skandalizzati minn din il-proposta ta’ l-Imgħallem u donnhom riedu jipprotestaw li jekk iż-żwieġ kien xi ħaġa daqshekk esiġenti u nobbli, allura kien aħjar li wieħed ma jiżżewweġ xejn.  (Mt 19,10)

 

Imma Gesu’ ma jħalliniex waħidna u jagħtina l-kuraġġ:  Min irid jifhem, ħa jifhem (cf. Mt 19,11); ħa jifhem li din l-esiġenza mhix hemm biex tbeżżagħna, imma biex turi għal liema kobor huwa msejjaħ il-bniedem skond il-ħsieb ta’ Alla l-Ħallieq.

 

Dan il-kobor ikompli jistagħna meta dan il-patt taż-żwieġ ikun iċċelebrat  fil-Knisja bħala sagrament, sinjal effikaċi ta’ l-imħabba matrimonjali li tgħaqqad lil Kristu mal-Knisja tiegħu.  Gesu’ ma jitlobniex l-impossibbli, imma joffrilna lilu nnifsu bħala t-triq, il-verita’ u l-ħajja.

 

Il-Kliem ta’ Gesu’  u x-xhieda ta’ kif huwa għex imħabbtu għalina, huma l-uniku punt ta’ riferenza bla ma taqta’ għal Knisja tul iż-żmenijiet kollha li qatt ma nstema’ li tat l-awtorita’ biex tħoll l-għaqda taż-żwieġ sagrament iċċelebrat b’mod validu fl-għaqda intima bejn il-miżżewġin li saru ġisem wieħed.

 

U huwa f’din l-ubbidjenza għal Kelma ta’ Kristu r-raġuni għaliex il-Knisja tikkonsidra impossibbli ċ-ċelebrazzjoni sagramentali tat-tieni żwieġ wara li jkun ġie interrot l-ewwel rabta taż-żwieġ.

 

Għaliex wieħed ma jistax jitqarben

 

Mill-Kelma tal-Mulej stess toħroġ  l-intenzjoni tal-Knisja fil-konfront ta’ dawk il-koppji li reġgħu daħlu f’relazzjoni ġdida li ma jistgħux jirċievu l-Ewkaristija.

 

U dan għaliex?

 

Għaliex fl-istess Ewkaristija għandna s-sinjal ta’ l-imħabba ta’ Kristu lejn iż-żwieġ, imħabba li ma tinħallx, u allura nkunu qed nikkontradixxu din l-imħabba meta koppja tiddeċiedi li tinfired u tibda relazzjoni ġdida.

 

Tridu tifhmu allura li l-liġijiet tal-Knisja ma jesprimux ġudizzju fuq il-valur ta’ l-imħabba u l-kwalita’ tar-relazzjoni li tgħaqqad żewġ divorzjati li reġgħu żżewġu.  Il-fatt li ħafna drabi dawn jgħixu ħajja responsabbli u mhux nieqsa mill-imħabba lejn l-ulied, din ir-rejalta’ l-Knisja flimkien mar-ragħajja tagħha tifhimha u tagħrafha. Allura l-Knisja ma tgħaddix ġudizzju fuq dawn in-nies u fuq kif jgħixu, imma skond il-Liġi tal-Knisja, dawn il-koppji ma jistgħux jesprimu l-imħabba unika, fidila u li ma tinħallx li Kristu għandu lejn il-Knisja tiegħu.

 

Huiwa ċar li n-norma li tagħtina  d-dritt li nersqu lejn l-Ewkaristija Mqaddsa ma tirreferix għal miżżewġin fi kriżi, jew sempliċement separati; skond id-dispożizzjonijiet spiritwali dawn jistgħu jersqu lejn is-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin.  Dan jista’ jingħad ukoll għal dawk li kellhom inġustament jiddivorzjaw iżda xorta għadhom jikkunsidraw iż-żwieġ tagħhom fil-knisja bħala l-uniku f’ħajjithom u jridu jibqgħu fidili lejn il-‘partner’ tagħhom.

 

Huwa żbaljat li naħsbu li dawk li ddivorzjaw u reġgħu żżewġu issa huma esklużi mill-ħajja tal-fidi u mħabba li tgħix il-kommunita’ nisranija.

 

Il-Ħajja tal-Fidi

 

Il-ħajja nisranija tilħaq  il-qofol tagħha meta n-nisrani jieħu sehem sħiħ fl-Ewkaristija, iżda dan mhux biżżejjed.  Bħal piramida, anke jekk din bla quċċata, xorta tibqa valida u ma tiġġarrafx.

 

Għan-nisrani, li wieħed ikun jista’  jieħu sehem fil-quddiesa huwa ta’ l-ikbar importanza u għandha tifsira tremenda, imma anke dawk li ma jistgħux jirċievu t-tqarbin imqaddes jistgħu jagħmlu parti mill-kommunita’ ekklesjali li tant hija għanja fi ħwejjeġ oħra.

 

Il-parteċipazjoni fil-Quddiesa tal-Ħadd iġġib magħha s-smigħ tal-Kelma t’Alla u s–sejħa komuni ta’ l-Ispirtu s-Santu li jgħinna ngħixu l-Kelma t’Alla waqt li nistennew il-miġja tal-Mulej Gesu’.

 

Fil-fatt l-istennija tal-Mulej u l-laqgħa tagħna miegħu huma l-qofol tal-fidi tagħna kif tgħidilna l-Knisja fil-Liturġija tagħha ta’ qabel it-Tqarbin: waqt li qed nistennew il-miġja u t-tama tas-Salvatur tagħna Gesu’ Kristu.  Fil-fatt Huwa diġa ġie, imma għad irid jerġa’ jiġi biex jurina fil-milja kollha tagħha l-imħabba tiegħu għalina.  Aħna diġa ulied Alla  imma dak li aħna tassew  għad irid jidher fl-isplendur kollu tiegħu.

 

Nitlobkom għalhekk biex tieħdu sehem bil-fidi fiċ-ċelebrazjoni ewkaristika anke jekk ma tistgħux tersqu għat-tqarbin għax dan kollu jservikom bħala stimolu biex tintensifikaw l-istennija tagħkom għal miġja ta’ l-Imgħallem Divin u x-xewqa li tiltaqgħu miegħu personalment bis-sabiħ u l-ikrah tal-ħajja.  Ma ninsew qatt:  il-quddiesa fin-natura tagħha, ġġib magħha għaqda spiritwali li tgħaqqadna mal-Mulej, u fih, aħna ningħaqdu  ma’ ħutna kollha li huma mdawrin mal-mejda tiegħu.

 

F’ittra reċenti li kiteb il-Papa Benedittu XVl,  wara li kkonferma li dawk li ddivorzjaw u reġgħu żżewġu, ma jistgħux jersqu għat-tqarbin, jissokta jgħid li huma iżda għalkemm jinsabu f’dak l-istat, xorta jibqgħu parti mill-Knisja li lilhom issegwi b’ċerta attenzjoni bix-xewqa li dawn ikomplu jikkultivaw fihom stil ta’ ħajja kristjana billi jieħdu sehem fil-quddiesa, għalkemm ma jirċevux it-tqarbin imqaddes, jisimgħu l-Kelma t’Alla, jieħdu  

sehem fil-ħajja kommunitarja, fl-Adorazzjoni Ewkaristika,  jidħlu fi djalogu ma’ direttur spiritwali, jagħmlu xi opri ta’ karita’ waqt li jimpenjaw ruħhom fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. (Sacramentum caritatis, 22.2.07, n. 29; Regno-doc. 7,2007.203)

 

Nitlobkom għalhekk intom li ddivorzjajtu u erġajtu żżewwiġtu biex ma titbiegħdux mill-ħajja tal-fidi u mill-ħajja tal-Knisja.

Nitlobkom tieħdu sehem fil-quddiesa fil-Jum tal-Ħadd.

Għalikom ukoll hija mmirata s-sejħa li niġġeddu fil-ħajja li tana l-Ispirtu s-Santu.

Għad-dispożizzjoni tagħkom ukoll huma l-mezzi tal-grazzja t’Alla.

Minnkom il-Knisja tistenna preżenza attiva u li tkun lesti li tgħinu lil min għandu bżonn l-għajnuna tagħkom.

Hawnhekk qed naħseb fil-bżonn kbir li għandhom ħafna minnkom bħala ġenituri fl-edukazzjoni ta’ l-ulied u fil-kuntatt li tridu żżommu mal-familjari li kellkom qabel isseparajtu.

Taħbat ma’ moħħi wkoll ix-xhieda sempliċi imma forsi xi ftit sofferta tal-ħajja nisranija tagħkom fidila lejn it-talb u l-karita’.

U mill-ġdid nerġa’ naħseb kif intom, mill-esperjenza konkreta tagħkom, tistgħu tkunu ta’ għajnuna lil xi ħbieb tagħkom li għaddejjin mill-istess mumenti u sitwazzjonjiet bħal tagħkom.

Partikularment naħseb fil-qagħda ta’ wħud minnkom li kif kiteb il-Papa Gwanni Pawlu t-tieni: Inħossuna fid-dmir li nifhmu l-valur tax-xhieda li qed jagħtu dawk l-individwi, li għalkemm abbandunahom il-‘partner’, bis-saħħa tal-fidi u t-tama kristjana, ma reġgħux għaddew għal xi relazzjoni oħra;  dawn in-nies qed jagħtu xhieda awtentika ta’ fedelta’ li tant għandha bżonn id-dinja tallum.  Minħabba f’hekk dawn għandhom isibu l-kuraġġ u l-għajnuna tar-ragħajja u l-fidili tal-Knisja.  (Familiaris consortio, 22.ll.l981, n.20; EV7/1588). 

 

Magħkom ilkoll filwaqt li nagħmel tiegħi l-kelmiet ta’ l-Isqfijiet tal-Knisja fil-Lombardija, nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex ‘jispirana bil-ġesti u s-sinjali profetiċi li juru biċ-ċar lil kulħadd li ħadd mhu eskluż mill-ħniena ta’ Alla  u li ħadd ma hu abbandunat minn Alla, imma għal kuntrarju Alla jħobbu u jiġri warajh. Il-fatt li nħossuna maħbuba tagħmel l-impossibbli, possibbli!  (Lettera alle famiglie, 22.9.2001, n. 28; cf. Regno-doc.  19,2001,600).

 

Il-Mulej, li qiegħed f’nofsna, huwa qrib tagħkom:

 

Niġi biex nagħlaq din l-ittra tiegħi li biha fittixt li nkun qrib tagħkom għeżież koppji li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, ta’ kriżi, ta’ separazzjoni, jew li erġajtu żżewwiġtu ċivilment wara d-divorzju.

 

Miniex qed nippretendi li fhimt dak kollu li hemm fil-qalb tagħkom jew li rnexxieli nwieġeb għad-domandi kollha li stajtu għamiltu.

 

Nemmen iżda li tajna bidu għall-djalogu li bih nifhmu lil xulxin b’iktar imħabba u verita’.  Nispera li dan id-djologu jissokta bis-sempliċita’ u l-imħabba li ggwidawni biex nikteb din l-ittra.  Mezz essenzjali ħafna jista’ jkun il-kuntatt mas-saċerdoti tagħkom.

 

Nistedinkom tavviċinawhom, tfittxuhom, titkellmu magħhom u tafdaw fihom.  Għal xi wħud minnkom forsi ma hux daqstant faċli li tibnu relazjoni sabiħa mal-Knisja qabel ma tkunu tkellimtu bil-liberta u s-sinċerita’ kollha ma’ xi saċerdot li jgawdi l-fiduċja tagħkom.

 

Titolbux lis-saċerdoti  jsibulkom soluzjonijiet faċli jew xi triq superfiċjali.  Fis-saċerdot fittxu li ssibu lil ħutkom li jgħinukom tifhmu u tgħixu bis-sempliċita’ r-rieda t’Alla; magħkom dawn jafu jisimgħu l-Kelma t’Alla, li hija esiġenti imma li tagħti l-ħajja; dawn jgħinukom, anke f’dawn il-mumenti diffiċli, li tibqgħu mexjin magħqudin mal-Knisja.

 

Permezz tad-djalogu nawguralkom li tiltaqgħu ma’ koppji u familji nsara li għanja fil-fidi u fl-umanita’ jilqgħukom, jisimgħukom u jimxu magħkom fit-triq li lkoll kemm aħna mistennija li nimxu fil-ħajja, jiġifieri dik li nħobbu lil Alla u lill-proxxmu.

 

Tassew ninsab grat li verament ilqajtuni  fi djarkom.

 

Nitlob magħkom lil Alla biex jagħtina dejjem il-qawwa biex flimkien bħala aħwa fl-istess Knisja, inħossuna ċerti u mimlija kuraġġ li l-Mulej huwa viċin dawk ta’ qalbhom muġugħa (Salm 34, 19), u li mħabbtu hija dejjem f’nofsna!

 

Mill-Belt ta’ Milan fl-Epifanija tas-Sinjur tagħna Gesu’ Kristu

 

Kardinal Dionigi Tettamanzi (Arċisqof ta’ Milan)

 

Miġjub fi lsienna mill-Kav Joe M Attard