LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

LAJK JITKELLEM FIS-SINODU TAL-ISQFIJIET

L-Intervent mill-President tal-Azzjoni Kattolika fis-Sinodu tal-Isqfijiet 2012

FRANCO MIANO

17 Ottubru 2012

 

Inħossni grat  lejn il-Qdusija tiegħu l-Papa li tani din l-opportunita eċċezzjonali li nieħu sehem fis-Sinodu bħala uditur, u anki għall-kliem li qal fil-11 ta’ Ottubru li għadda  kemm  fil-għodu waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-ftuħ tas-sena tal-Fidi kif ukoll fil-għaxija meta ntemmet il-fjakkolata biex tfakkar il-ħamsin sena mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Fl-omelija tas-7 ta’ Ottubru, il-Papa saħaq: “ Il-Knisja teżisti biex tevanġelizza.  Fidili għall-kmand tal-Mulej Ġesu Kristu, id-dixxipli marru fid-dinja kollha jxandru l-Aħbar it-Tajba fil-waqt li kullimkien taw bidu għall-komunitajiet insara”. 

 

 

 

 

1.        Huwa għalhekk li l-lajċi huma msejħin biex jieħdu sehem fil-missjoni kollha tal-Knisja, ħalli   “kulħadd skont il-parti tiegħu, iwettaq fil-Knisja u fid-dinja l-missjoni propju tal-poplu nisrani kollu”. (Lumen Gentium n.31).  Il-messaġġ tal-Konċilju jpoġġi s-sejħa tal-lajċi  f’dawl partikolarment sinifikattiv, li jesprimi sens ħaj tal-korresponsabbilta fil-Knisja lokali u fil-Knisja universali, li  kapaċi jegħleb prospettivi ta’ kollaborazzjonijiet funzjonali sempliċi. Din hi sejħa li titlob li  nkunu qabel ma nagħmlu.

L-iskoperta/l-iskoperta mill-ġdid ta’ din is-sejħa, ta’ dan is-sens profond tas-sehem tal-lajċi fil-missjoni kollha tal-Knisja, tidher waħda mill-ħidmiet fundamentali li l-Evanġelizzazzjoni ġdida għandha quddiemha.   U minn dan toħroġ il-ħtieġa li, permezz ta’ forom differenti ta’ impenn edukattiv, nerġgħu npoġġu fuq quddiemnett id-dimensjoni tal-vokazzjoni fil-ħajja, il-promozzjoni tal-kultura  tal-vokazzjoni li tagħraf tkun  responsabbli u twieġeb għal dak li l-Mulej jitlob, għal dak li  jitlob mill-ħajja tiegħi u għal dak li jitolbu ħuti l-bnedmin, u  anki kultura ta’ għaniet  li kapaċi li timmira lejn dak li jgħodd.

  Hawnhekk qed nitkellmu minn impenn deċiżiv fuq livell antropoloġiku u morali, imma wkoll mill-fatt li kull wieħed minna jikber fil-kapaċita li jagħti xhieda billi jgħix b’mod sħiħ is-sejħa tiegħu. Dak li jista’ jwassal biex wieħed jistaqsi dwar il-vokazzjoni tiegħu hi x-xhieda diretta u mgħixa ta’ vokazzjonijiet awtentiċi lajkali,  dik ta’ vokazzjonijiet awtentiċi għas-saċerdozju ministerjali u għall-ħajja konsagrata, ix-xhieda ta’ miżżewġin insara u ta’ ġenituri kuntenti, ta’ presbiteri kuntenti fil-ministeru tagħhom, ta’ reliġjużi ferħana, il-kuntatt ma’ nies li jwettqu għażliet veri u profondi.

2.        Mela,  biex wieħed   jagħraf  il-vokazzjoni tiegħu  hu meħtieġ kuntest ta’ relazzjoni adegwata. L-Evanġelizzazzjoni ġdida titlob kapaċitajiet ġodda ta’ relazzjoni u ta’ relazzjonijiet, uċuh li jħallu lilhom infushom jiġu mistoqsija minn uċuh oħra, riġlejn li jixtiequ jimxu, idejn li jieħdu b’idejn oħra, qalb miftuħa, moħħ attent u pront. L-Evanġelizzazzjoni ġdida teħtieġ persuni li  joħorġu barra minnhom infushom u  li jagħrfu x-xewqa  kbira  li jaqsmu d-don li rċevew ma’ oħrajn; dan id-don hu d-don tal-laqgħa tagħhom mal-Mulej. L-Evanġelizzazzjoni ġdida titlob persuni li permezz ta’ ħajjithom jirrakkuntaw il-mervalji tal-Mulej.  Titlob rabtiet tajbin, rabtiet ta’ ħajja tajba, sabiħa, vera.     Għalhekk illum, meta  l-għan  hu t-tħabbira  tal-Evanġelju mill-ġdid  lill-irġiel u n-nisa ta’ żmienna,  jeħtieġ  nagħtu aktar valur lid-dimensjoni intrinsikament komunitarja tal-ħajja tal-Knisja, li għandha l-pedament tagħha fid-don tal-komunjoni.    Allura, minkejja li nagħrfu  r-rikkezza li teżisti fil-ħafna toroq tal-ħajja ekkleżjali tagħna, ma nistgħux ma naħsbux fil-parroċċa, il-post fejn jinsabu d-djar tagħna, fejn igħixu l-familji tagħna, il-post fejn jinbnew l-ewwel relazzjonijiet. Illum ukoll il-parroċċa tibqa’ l-għajn tar-raħal, li dwarha tkellem Ġwanni XXIII u li reġa’ semmieha wkoll Ġwanni Pawlu II fil-Christifideles laici  (n. 27), tibqa’ l-Knisja  li tgħammar fost id-djar tal-bnedmin, sinjal u strument tal-vokazzjoni ta’ kulħadd għall-komunjoni.

 

3.         Fil-ħajja u fis-servizz li tagħti lill-parroċċa, u qabel dan, anki  fis-servizz li tagħti lid-djoċesi u lill-Isqof, l-Azzjoni Kattolika tista’ tirrappreżenta “forma singulari ta’ ministerjalita lajkali”  fejn titwettaq u tiżviluppa ruħha  enerġija  ta’ relazzjoni f’sens ekkleżjali,  fejn kull wieħed jitgħallem jifhem li d-don tal-fidi u d-doni kollha li rċeva għandhom destinazzjoni komunitarja. Dan ifisser li ma nistgħux nilqgħu don u nżommuh għalina, imma jeħtieġ noffruh lill-ħajja tal-komunita, lis-soċjeta, lid-dinja:  l-aħbar sabiħa li rċevejna u li sirna responsabbli tagħha, irridu nikkomunikawha u npoġġuha għad-dispożizzjoni tal-oħrajn.  Din hi l-imġiba karatteristika tal-Azzjoni Kattolika, li l-vokazzjoni tagħha hi li tkun ta’ servizz, li tkun lajkat assoċjat djoċesan, biex tista’ tkun laboratorju konkret għall-evanġelizzazzjoni ġdida fir-realtajiet ta’ Knejjes partikulari, madwar l-Isqof,  filwaqt li  tippromwovi u twettaq l-orjentamenti pastorali. Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II  reġa’ wera mill-ġdid lill-Azzjoni Kattolika d-definizzjoni tal-identita tagħha fl-erba’ punti li hemm fl-Apostolica Actuositatem n.20, punti li nerġgħu nsibuhom fil-Christifideles Laici n.31.  Aħna nħossuna fost dawk il-lajċi li “jistgħu jkunu wkoll imsejħin b’modi differenti biex jgħinu aktar fil-qrib fl-appostolat tal-ġerarkija – kif naqraw fil-Lumen Gentium n.33 -   bħalma kienu jagħmlu dawk l-irġiel u nisa li kienu jgħinu lill-Appostlu Pawlu fit-tixrid tal-Evanġelju u li ħadmu ħafna għall-Mulej”( ara Fil 4,3; Rm 16,3 ss).  Fid-dawl ta’ dan il-patrimonju esiġenti tal-ħajja tal-Knisja li dejjem tiġġedded fil-mixja tagħha wara Kristu, aħna noffru d-disponibbilta tagħna lir-rgħajja tal-Knejjes  tagħna f’isem bosta  lajċi  li b’fedelta  jistennew proposti formattivi esiġenti, relazzjonijiet personali intensi li l-fatt li aħna asoċjazzjoni jgħinna nikkultivaw.

Nitobu b’mod partikulari lill-isqfijiet u lis-saċerdoti tagħna biex jimxu magħna u jgħinuna npoġġu fiċ-ċentru tal-formazzjoni tagħna l-primat  tal-ħajja spiritwali, it-triq tal-qdusija li juruhielna tant qaddisin u beati li jakkumpanjawna  (qed naħseb fuq il-beatu Ġużeppi Toniolo biex nirreferi biss għal wieħed minn ta’ dan l-aħħar),   formazzjoni  li tagħmel li  kull wieħed minna  xhud u appostlu kulfejn ikun  billi juża d-doni u l-kompetenzi tiegħu,  formazzjoni li tagħmilna  kapaċi niddjalogaw mal-kulturi u nesprimu l-fidi tagħna bl-għixien u bil-kliem:  żgħażagħ, adulti, tfal, familji, għalliema, studenti, professjonisti, ħaddiema, artisti, operaturi fil-komunikazzjoni…… ilkoll protagonisti, ilkoll korresponsabbli tal-evanġelizzazzjoni u  tal-evanġelizzazzjoni ġdida biex lil dawk li niltaqgħu magħhom  fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħinuhom “jiltaqgħu mill-ġdid mal-Mulej, li waħdu jimla ħajjitna b’tifsira profonda u  serena;  biex  ngħinuhom jiskopru mill-ġdid il-fidi, għajn ta’ Grazzja li twassal  għall-ferħ u għat- tama fil-ħajja personali, familjari u soċjali” (Benedittu XVI, omelija 7/10/2012).   

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link