LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

 

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

Produzzjoni minn CBNnews - www.cbnnews.com

 

Dwar il-post tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.

"Waħda mill-eqdem komunitajiet insara qegħda fuq il-gżira ta’ Malta fil-Mediterran. L-istorja tagħha tibda’ fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  Chuck Holton kien Malta fejn iltaqgħa ma’ raġel li jemmen għamel skoperta biblika tal-għaġeb."

Mis-sit www.cbnnews.com

 

In-Nawfraġju ta' San Pawl, f'Malta [Atti:27:1 - 28:10]

Meta qatgħuha li kellna nitilqu għall-Italja, ħallew lil Pawlu u 'l xi ħabsin oħra f'idejn ċenturjun tar-riġment ta' l-imperatur, jismu Ġulju. Tlajna fuq ġifen ta' Adramitti, li kien se jitlaq għall-inħawi ta' l-Asja, u qlajna 'l barra. Kellna magħna lil Aristarku minn Tessalonika tal-Maċedonja. L-għada wasalna Sidon. Ġulju mexa tajjeb ma' Pawlu, u ħallieh imur għand ħbiebu biex jagħtuh li kellu bżonn. Tlaqna minn hemm u mxejna għall-irdoss ta' Ċipru, għax l-irjieħ kienu kontrina. Mbagħad qsamna l-baħar lejn in-naħa taċ-Ċiliċja u tal-Pamfilja u wasalna Mira f'Liċja.  Hemm  iċ-ċenturjun sab ġifen minn ta' Lixandra li kien sejjer l-Italja, u tellagħna fuqu. Għal ħafna jiem imxejna bil-mod, u bit-tbatija wasalna biswit Knidu. Billi l-irjieħ ma ħallewniex nersqu 'l ġewwa, għaddejna għal l-irdoss ta' Kreta lejn in-naħa ta' Salmoni.  Wara li mxejna magħha bit-tbatija, wasalna f'post, msejjaħ il-Portijiet is-Sbieħ, li kien qrib il-belt ta' Lasaja.

 

Kien għadda ħafna żmien u s-safar kien ġa sar perikoluż, għax Jum is-Sawm kien ġa għadda. Għalhekk Pawlu wissiehom  u qalilhom: "Ħbieb, qiegħed nara li s-safra se tkun ta' ħsara u telf kbir, mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna wkoll." Imma ċ-ċenturjun aktar qagħad għal dak li qallu l-kaptan u sid il-ġifen milli għal dak li qal Pawlu. Billi  l-port ma kienx tajjeb biex ngħaddu x-xitwa fih, il-biċċa l-kbira kienu tal-fehma li naqilgħu 'l barra minn hemm biex forsi nkunu nistgħu naslu Feniċi, port ta' Kreta, li jħares lejn il-lbiċ u l-majjistral, u ngħaddu  x-xitwa hemm.

 

U billi qamet żiffa min-naħa tan-nofsinhar, stħajjlu li kienu se jilħqu l-ħsieb tagħhom. Refgħu l-ankra u mxew max-xatt ta' Kreta. Imma f'daqqa waħda qam riefnu qawwi, jgħidulu grigal, u beda jonfoħ min-naħa tal-gżira. Il-ġifen inqabad u ma setax iżomm kontra r-riħ; u aħna ntlaqna għall-qawwa tar-riħ u ħallejnieh iġorrna. B'ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta' daqsxejn ta' gżira jisimha Kawda. Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna,  u għalhekk tellgħuha mill-baħar. Mbagħad qabdu  l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu.  L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b'idejhom stess.  Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

 

In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf.  Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.  Għax dal-lejl deherli anġlu ta' dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, 'Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.' Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f'Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli.  Jinħtieġ iżda li naħbtu ma' gżira."

 

 Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin 'l hawn u 'l hemm fil-baħar ta' Adrija. Għall-ħabta ta' nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art.  Skandaljaw il-fond tal-baħar, u sabu għoxrin qama; mxejna ftit ieħor 'il quddiem, reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.  Huma beżgħu li xi mkien konna se naħbtu ma' xi skoll, u għalhekk niżżlu erba' ankri  mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ.  Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: "Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw."  Mbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.

 

Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu b'xi ħaġa, u qalilhom: "Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb u trejjqu b'xi ħaġa ta' l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef xagħra waħda minn rasu."  Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Mbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta' l-ikel huma wkoll.  Konna b'kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen.  Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu  l-qamħ il-baħar.

 

Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jistgħu, jitfgħu l-ġifen fuqha. Rħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Mbagħad tellgħu l-qala' ż-żgħir ta' quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta.  Iżda ħbatna ma' sikka bejn żewġ kurrenti, u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.  Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm;  iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva 'l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art;  lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

 

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.  In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma' id Pawlu.  In-nies  tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma' idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!"  Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.  Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa' u jmut f'daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

 

F'dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu.  Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom.  Wrewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

 


Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org