It-Tlieta 31 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													In-Nisrani jaqdi mill-ewwel 
													u bil-ferħ mingħajr ma 
													joqgħod iqarras wiċċu - il-Papa 
													Franġisku
													
													
													Kif tinbidel id-dinja kieku 
													nitgħallmu naqdu u nersqu 
													lejn l-oħrajn! B’dal-ħsieb 
													il-Papa Franġisku temm l-omelija 
													li għamel dalgħodu 
													fil-kappella tad-Dar Santa 
													Marta.
													
													Il-Papa għamel riflessjoni 
													dwar il-Madonna fil-jum li 
													fih jintemm ix-xahar dedikat 
													lilHa. Is-servizz u l-laqgħa, 
													qal il-Papa, jnisslu fina 
													ferħ li jimlielna ħajjitna.
													
													Il-kuraġġ tan-nisa, il-ħila 
													li nersqu lejn l-oħrajn 
													b’idejna maħruġa bħala 
													sinjal li rridu ngħinu, 
													minnufih. U, fuq kollox, 
													il-ferħ, dak il-ferħ li 
													jimla l-qalb u jagħti 
													lill-ħajja sens u direzzjoni 
													ġodda.
													
													Il-Papa silet dawn il-punti 
													kollha mill-qari tal-Vanġelu 
													tal-lum li jirakkonta ż-żjara 
													ta’ Marija lil Santa 
													Eliżabetta. Din is-silta, 
													flimkien mal-kliem 
													tal-Profeta Sofonija fl-ewwel 
													qari u dak ta’ San Pawl fit-tieni 
													qari, fil-fehma tal-Papa, 
													jtina liturġija mimlija ferħ 
													li jasal bħal żiffa ħelwa li 
													timlielna ħajjitna.
													
													Kemm huma koroħ l-insara li 
													dejjem wiċċhom imqarras, l-insara 
													bil-geddum. Ħaġa kerha, 
													kerħa, kerħa, tenna l-Papa. 
													Dawn mhumiex insara għal 
													kollox. Jemmnu li huma, imma 
													mhumiex insara sħaħ. Dan hu 
													l-messaġġ nisrani. 
													
													Huwa f’din l-atmosfera ta’ 
													ferħ, li l-liturġija tal-lum 
													tirregalalna żewġ affarijiet 
													li rrid nitkellem dwarhom: 
													l-ewwel l-atteġġjament u t-tieni, 
													il-fatt. L-atteġġjament u l-qadi.
													
													Dak ta’ Marija kien servizz 
													li Hi tat mingħajr tlajjar, 
													osserva l-Papa. Il-Vanġelu 
													jgħidilna li Marija marret 
													tħaffef. Dan minkejja li 
													kienet tqila u bir-riskju li 
													mat-triq tiltaqa’ mal-ħallelin. 
													Dit-tfajla ta’ sittax-il 
													sena, sbatax, mhux aktar, 
													kienet kuraġġuża, osserva 
													l-Papa. Qamet u telqet 
													mingħajr ma qagħdet tfittex 
													skużi.
													
													Il-kuraġġ ta’ mara. 
													Fil-Knisja hemm ħafna nisa 
													kuraġġużi: huma bħall-Madonna. 
													In-nisa li jrabbu l-familja, 
													li jedukaw lil uliedhom, li 
													jiffaċċjaw tant kuntrarju, 
													tant dulur, li jieħdu ħsieb 
													il-morda......
													
													Huma kuraġġużi, għax jaqbu u 
													jibdew iservu, u jibqgħu 
													jservu. Is-servizz hu sinjal 
													nisrani. Min ma jgħixx biex 
													jaqdi, ma jaqdix biex jgħix. 
													Il-qadi bil-ferħ, dan hu l-atteġġjament 
													li rrid nipproponi llum. 
													Hemm il-ferħ anki fil-qadi.
													
													It-tieni punt li rrifletta 
													dwaru l-Papa kien il-laqgħa 
													bejn Marija u kuġinitha. 
													Dawn iż-żewġ nisa jiltaqgħu 
													bil-ferħ, osserva Franġisku, 
													dak il-waqt kien festa sħiħa. 
													Kieku aħna nitgħallmu 
													nagħmlu dan it-tip ta’ qadi 
													u nersqu lejn l-oħrajn, 
													kieku kif tinbidel id-dinja!
													
													Il-laqgħa hi sinjal nisrani 
													ieħor. Persuna li tgħid li 
													hi nisranija u m’għandhiex 
													ħila tersaq lejn ħaddieħor, 
													mhix nisranija sħiħa. Kemm 
													il-qadi kif ukoll il-laqgħa 
													jitolbu minna li noħorġu 
													minna nfusna: noħorġu biex 
													naqdu u biex niltaqgħu, biex 
													inħaddnu persuna oħra. B’dan 
													il-qadi ta’ Marija, b’din 
													il-laqgħa, tiġġedded 
													il-wegħda tal-Mulej, 
													titwettaq fil-preżent, f’dak 
													il-preżent. U propju l-Mulej, 
													kif smajna fl-ewwel qari: 
													“Il-Mulej Alla tiegħek li 
													jinsab f’nofskom” – Il-Mulej 
													insibuh fil-qadi, il-Mulej 
													insibuh fil-laqgħa tagħna 
													mal-oħrajn.