It-Tnejn 30 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													Il-Knisja hi ħielsa 
													fil-profezija imma meta tkun 
													magħluqa fil-gaġġa 
													tal-liġijiet tagħmel biss 
													skjavi
													
													
													Fil-mixja tal-fidi l-Knisja 
													u kull nisrani għandhom 
													joqgħodu attenti u 
													jingħalqux f’sistemi ta’ 
													regoli imma jagħtu wisa’ 
													għat-tifkira tad-doni li 
													rċevew minn Alla, 
													għad-dinamiżmu tal-profezija 
													u għax-xefaq tat-tama. 
													Il-Papa Franġisku ġabar l-omelija 
													li għamel dalgħodu 
													fil-kappella tad-Dar Santa 
													Marta f’dawn it-tliet 
													kelmiet.
													
													Hemm il-qafas tal-liġi li 
													jillimita kollox u s-saqaf 
													ħellies tal-profezija li 
													timbuttana ‘l hinn mill-konfini. 
													Fil-ħajja tal-fidi l-fiduċja 
													żejda fir-regola, wissa 
													l-Papa Franġisku, tista’ 
													toħnoq il-valur tat-tifkira 
													u d-dinamiżmu tal-Ispirtu s-Santu.
													
													Fis-silta tal-Vanġelu 
													tal-lum, Ġesù juri dan 
													lill-iskribi u l-fariżej - 
													li jridu jsikktuh – 
													bil-parabbola tal-ħaddiema 
													tad-dielja qattelin. Il-bdiewa 
													li lilhom kienet imqabbla 
													l-art li s-sid kien ħawwel u 
													organiżża, jiddeċiedu li 
													jirribellaw u bdew joqtlu 
													wieħed wieħed lill-qaddejja 
													li jmorru jiġbru dak li hu 
													ta’ sidhom.
													Id-dramm jilħaq il-qofol 
													tiegħu meta huma joqtlu lil 
													bin is-sid, għax fil-fehma 
													tagħhom, b’dak l-att kienu 
													se jirtu kollox huma.
													
													
													Il-qtil tal-qaddejja u 
													tal-iben – xbieha 
													tal-profeti tal-Bibbja u ta’ 
													Kristu – juri, afferma 
													l-Papa Franġisku, poplu 
													magħluq fih innifsu, li mhux 
													miftuħ għal-wegħdiet ta’ 
													Alla, li mhux qed jistenna 
													l-wegħdiet ta’ Alla. Poplu 
													mingħajr tifkira, mingħajr 
													profezija, mingħajr tama. 
													Lill-kapijiet tal-poplu 
													jinteressahom partikolarment 
													li jgħollu l-ħitan tal-liġi 
													f’sistema ġuridiku magħluq, 
													u xejn aktar.
													
													It-tifkira ma tinteressahomx. 
													Il-profezija: aħjar li l-Profeti 
													ma jiġux. It-tama? Kulħadd 
													jaħseb għalih innifsu. Din 
													hi s-sistema lil biha huma 
													jilleġittimaw: id-dutturi 
													tal-liġi, it-teoloġi li 
													dejjem isemmu l-każi u ma 
													jħallux wisa’ għal-libertà 
													tal-Ispirtu s-Santu; ma 
													jagħrfux id-don ta’ Alla, 
													id-don tal-Ispirtu, u lil 
													dan jagħlquh f’gaġġa għax ma 
													jifilħux iħallu taħdem 
													il-profezija tat-tama.
													
													Wara kollox, qal il-Papa, 
													Ġesù stess ikun ittentat 
													biex jitlef il-memorja 
													tal-missjoni tiegħu, biex ma 
													jagħtix lok għall-profezija 
													u biex jagħżel is-sigurezza 
													minflok it-tama. Din hi l-essenza 
													tat-tliet tentazzjonijiet li 
													ġarrab fid-deżert.
													
													Għalhekk, osserva Franġisku, 
													lil dawn in-nies Ġesù, li 
													kien jaf hu stess x’inhi t-tentazzjoni, 
													iċanfarhom u jgħidilhom: 
													Intom idduru nofs id-dinja 
													biex tfittxu ‘l min jimxi 
													warajkom u meta ssibuhom 
													tagħmluhom skjavi.
													
													Dan il-poplu hekk organiżżat, 
													dil-Knisja tant organiżżata 
													tagħmel l-iskjavi. B’hekk 
													nifhmu kif irreaġixxa Pawlu 
													meta tkellem dwar l-iskjavitù 
													tal-liġi u tal-libertà li 
													tagħti l-grazzja.
													
													Poplu liberu, Knisja libera 
													huma dawk li għandhom it-tifkira, 
													iħallu lok għall-profeti, ma 
													jitilfux it-tama.
													
													L-għalqa tad-dwieli 
													organiżżata tajjeb, saħaq il-Papa 
													Franġisku, hija x-xbieha 
													tal-poplu t’Alla, tal-Knisja 
													u wkoll ix-xbieha tar-ruħ 
													tagħna li l-Missier jikkura 
													dejjem b’tant imħabba u 
													b’tant tenerezza.
													
													Meta nirribellaw kontrih, 
													insiru bħall-ħaddiema 
													tal-għalqa tad-dwieli, 
													qattiela, inkunu tilifna t-tifkira 
													tad-don li rċevejna mingħand 
													Alla, id-don biex niftakru u 
													ma niżbaljawx il-mixja. 
													Importanti ħafna li nduru 
													lejn l-għeruq tagħna.
													
													Niftakarhom jien 
													il-meravilji li l-Mulej 
													għamel miegħi tul ħajti? 
													Niftakar fid-doni tal-Mulej? 
													Għandi ħila niftaħ qalbi 
													għall-profeti, cioè għal min 
													jgħidli: dan mhux sew, trid 
													timxi ‘l hemm, imxi u 
													rriskja?
													
													Dan jagħmlu l-profeti.... 
													Jien miftuħ għal dan jew 
													nibża’ u nippreferi 
													ningħalaq fil-gaġġa tal-liġi? 
													U fl-aħħar, għandi tama 
													fil-wegħdiet ta’ Alla, kif 
													kellu missierna Abraham, li 
													telaq minn artu mingħajr ma 
													kien jaf fejn sejjer, imma 
													biss għax kellu fiduċja 
													f’Alla?
													
													Jagħmlilna tajjeb nagħmlu 
													dawn it-tliet mistoqsijiet 
													lilna nfusna, temm il-Papa.