It-Tlieta 24 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													Il-qdusija hija tama mimlija 
													kuraġġ, pass pass kull jum 
													li jgħaddi
													
													
													Il-mixja fil-preżenza t’Alla, 
													afferma l-Papa Franġisku 
													waqt il-quddiesa nhar it-Tlieta 
													filgħodu fid-Dar Santa 
													Marta, tfisser li nimxu lejn 
													il-qdusija. Dan l-impenn 
													jeħtieġ qalb li taf tittama 
													bil-kuraġġ, tinterroga lilha 
													nfisha u, bis-sempliċità, 
													tinfetaħ għall-grazzja 
													t’Alla.
													
													Il-qdusija ma tinxtarax u 
													ebda qawwa umana ma tista’ 
													takkwistaha. Il-qdusija 
													sempliċi tagħna l-insara, 
													dik li għandna niksbu kull 
													jum ta’ ħajjitna, qal 
													Franġisku, hi triq li 
													nimxuha biss jekk tkun 
													imsaħħha minn erba’ elementi 
													li ma nistgħux ngħaddu 
													mingħajrhom: il-kuraġġ, 
													it-tama, il-grazzja u l-konverżjoni.
													
													Il-Papa kien qed jikkummenta 
													s-silta mill-liturġija 
													tal-lum it-Tlieta, li nsibu 
													fl-ewwel qari mill-ittra ta’ 
													San Pietru. Il-Papa 
													ddeskriva dis-silta bħala 
													trattat żgħir dwar 
													il-qdusija. Qabel kollox din 
													tfisser li nimxu 
													fil-preżenza t’Alla b’mod 
													impekkabbli.
													
													Il-qdusija hi mixja, tenna 
													l-Papa, li ma tistax 
													tinxtara jew tinbigħ. Lanqas 
													nistgħu ntuha bħala rigal. 
													Il-qdusija hi mixja 
													fil-preżenza ta’Alla, li 
													rrid nagħmilha jien; ħadd ma 
													jista’ jagħmilha għalija jew 
													minfloki. Nista’ nitlob biex 
													ħaddieħor ikun qaddis, imma 
													rrid nagħmel il-mixja miegħu, 
													mhux nagħmilha minfloku.
													
													Illum se nuża xi kliem, 
													kompla Franġisku, li 
													jgħallmuna l-qdusija 
													tal-ħajja ta’ kuljum, 
													il-qdusija, biex insejħulha 
													hekk, anonima.
													L-ewwel il-kuraġġ: il-mixja 
													lejn il-qdusija teħtieġ 
													il-kuraġġ. Is-Saltna 
													tas-Sema ta’ Ġesù hi għal 
													dawk li għandhom il-kuraġġ 
													li jibqgħu mexjin ‘il 
													quddiem.
													
													Il-kuraġġ hu sostnut mit-tama, 
													it-tieni kelma li tressaqna 
													lejn il-qdusija. Il-kuraġġ 
													ta’ min jittama fil-laqgħa 
													ma’ Ġesù. Imbagħad hemm it-tielet 
													element: Pietru jikteb 
													“qiegħdu t-tama kollha 
													tagħkom f’dik il-grazzja”. 
													Ma nistgħux insiru qaddisin 
													bil-ħila tagħna biss. Il-qdusija 
													hi grazzja. Inkunu twajbin, 
													inkunu qaddisin, kull jum li 
													jgħaddi nagħmlu pass ‘il 
													quddiem fil-ħajja nisranija. 
													Din hi grazzja li jtina Alla 
													u rridu nitolbuhielu.
													
													Il-kuraġġ, il-qdusija hi 
													mixja li rridu nagħmluha 
													bil-kuraġġ u t-tama, 
													disposti biex nirċievu 
													dil-grazzja. It-tama 
													tal-mixja: kemm hu sabiħ id-disa’ 
													kapitlu tal-ittra lil-Lhud, 
													aqrawh. Jirrakkonta l-mixja 
													ta’ missirijietna, l-ewwel 
													nies li kienu msejħin minn 
													Alla, u kif huma mxew ‘il 
													quddiem.
													
													Dwar missierna Abraham jgħid: 
													Hu telaq mingħajr ma kien 
													jaf fejn sejjer. Imma kien 
													mimli tama.
													
													Fl-ittra tiegħu, Pietru, 
													kompla jgħid il-Papa, juri 
													l-importanza tar-raba’ 
													element. Meta jistieden lil 
													min jaqra l-ittra biex ma 
													jibqax marbut max-xewqat ta’ 
													dari u, essenzjalment 
													iħeġġiġhom biex jibdlu 
													qlubhom minn ġewwa b’impenn, 
													kuljum. 
													
													Il-konverżjoni hi ħaġa ta’ 
													kuljum. Tgħiduli: biex 
													nikkonverti rrid nagħmel 
													il-penitenza, nsawwat lili 
													nnifsi.......? Le, le u le: 
													il-konverżjoni hi passi 
													żgħar.
													
													Jirnexxilek ma tqassasx dwar 
													xi ħadd ieħor? Allura int 
													bdejt it-triq lejn 
													il-qdusija! Ħaġa tant 
													sempliċi. Jiena naf li intom 
													ma tqassux dwar l-oħrajn, 
													mhux hekk?, qal il-Papa lil 
													dawk preżenti fil-kappella.
													
													Affarijiet żgħar: għandi 
													aptit nikkritika lil ta’ 
													ħdejja, lil sieħbi fuq ix-xogħol 
													– nigdem ftit ilsieni. 
													Jintefaħlek xi ftit imma l-ispirtu 
													tiegħek ikun aktar qaddis, 
													ikun qed jagħmel dil-mixja. 
													Xejn straordinarju: 
													mortifikazzjoni, sempliċi, 
													mhux veru? Il-mixja lejn 
													il-qdusija hi sempliċi. 
													Mingħajr ma nħarsu lura, 
													imma nimxu dejjem ‘il 
													quddiem, bil-qawwa interjuri.
													
													Intant illejla l-Papa se 
													jiċċelebra quddiesa solenni 
													u purċissjoni fis-Solennità 
													ta’ Corpus Domini 
													fil-Vatikan.