It-Tnejn 23 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													Il-veru ferħ itihulna Ġesù 
													mhux il-ġid materjali 
													
													
													
													In-nisrani ma jistax ma 
													jkunx bniedem hieni, afferma 
													l-Papa Franġisku waqt 
													il-quddiesa lbieraħ it-Tnejn 
													fil-kappella tad-Dar Santa 
													Marta. Anki fit-tbatija 
													tal-ħajja n-nisrani jaf 
													jafda f’Ġesù u jgħix 
													bit-tama.
													
													Mill-ġdid il-Papa wissa biex 
													nħallux il-ġid materjali 
													jikkmandana għax dan iġib 
													miegħu biss dwejjaq. 
													In-nisrani jgħix bil-ferħ u 
													bl-istgħaġib, bis-saħħa 
													tal-qawmien mill-mewt ta’ 
													Ġesù Kristu, qal il-Papa hu 
													u jikkummenta l-ewwel qari 
													tal-liturġija tal-lum meħud 
													mill-ittra ta’ San Pietru 
													Appostlu.
													
													Franġiku żied li anki jekk 
													inkunu mikdudin mill-provi 
													tal-ħajja qatt ma jista’ 
													jonqsilna l-ferħ ta’ dak li 
													Alla għamel magħna, li 
													wellidna mill-ġdid fi Kristu 
													u tana t-tama.
													
													Aħna, osserva l-Papa, 
													nistgħu nimxu lejn dik 
													it-tama li l-ewwel insara 
													kienu jqisuha ankra fis-sema. 
													Aħna nitilgħu ma’ dik il—katina 
													u nimxu lejn dik it-tama li 
													ttina l-ferħ. In-nisarani hu 
													bniedem ferħan, bil-ferħ 
													f’qalbu. Ma hemm ebda 
													nisrani li ma jħossx il-ferħ 
													f’qalbu.
													
													Tgħiduli, imma padre, rajt 
													tant li huma mdejjqin! Dawk 
													mhumiex insara, saħaq il-Papa 
													Franġisku, jgħidu li huma 
													nsara imma mhumiex! 
													Jonqoshom xi ħaġa.
													Il-karta tal-identità tan-nisrani 
													hu l-ferħ, il-ferħ li jiġi 
													mill-Vanġelu; il-ferħ li 
													konna magħżulin minn Ġesù, 
													salvati minnu, imġeddin biH; 
													il-ferħ li jiġi mit-tama li 
													Ġesù qed jistenniena, 
													il-ferħ li anki fis-slaleb 
													tal-ħajja, jitfisser mod 
													ieħor: jiġifieri l-paċi 
													fiċ-ċertezza li Ġesù qiegħed 
													magħna, jakkumpanjana.
													
													In-nisrani, żied il-Papa, 
													ikattar dan il-ferħ aktar ma 
													jkollu fiduċja f’Alla, Alla 
													li dejjem jiftakar fil-patt 
													li għamel. Min-naħa tiegħu, 
													in-nisrani jaf li Alla 
													jiftakar fih, iħobbu u 
													jakkumpanjah, li Alla 
													jistennih. Dan hu l-veru 
													ferħ.
													
													Il-Papa Franġisku għadda 
													biex jikkummenta l-Vanġelu 
													tal-ġurnata, il-laqgħa ta’ 
													Ġesù maż-żgħażugħ għani. 
													Kien bniedem li ma kellux 
													ħila jiftaħ qalbu għall-ferħ 
													u għażel id-dwejjaq għax 
													kien għani ħafna. Kien 
													marbut ma’ ġidu!
													
													Ġesù kien qalilna li ma 
													nistgħux naqdu żewġ sidien: 
													jew taqdi lill-Mulej jew 
													lill-flus. Il-ġid fih 
													innifsu mhux xi ħaġa ħażina 
													imma li naqdu l-flus hu 
													ħażin. L-imsejken żgħażugħ 
													telaq qalbu sewda. Qarras 
													wiċċu u telaq imtaqqal. Meta 
													fil-parroċċi tagħna, 
													fil-komunitajiet tagħna, fl-istituzzjonijiet 
													tagħna nsibu nies li jgħidu 
													li huma nsara u jriduha ta’ 
													nsara imma wiċċhom dejjem 
													imqarras, ikun hemm xi ħaġa 
													fihom li mhix sew. Għandna 
													ngħinuhom biex isibu lil 
													Ġesù, biex ineħħu dak id-dwejjaq 
													ħalli jkunu jistgħu jsibu l-ferħ 
													tal-Vanġelu, ħalli jkollhom 
													dan il-ferħ li jiġi biss 
													mill-Vanġelu.
													
													Franġisku kompla jikkummenta 
													dwar il-ferħ u l-istgħaġib. 
													L-istgħaġib it-tajjeb 
													quddiem ir-rivelazzjoni, 
													quddiem l-imħabba ta’ Alla, 
													quddiem l-emozzjoni 
													tal-Ispirtu s-Santu. In-nisrani 
													hu bniedem mistgħaġeb, kelma 
													li nsibuha meta Ġesù 
													jispjega lill-Appostli li 
													dak iż-żgħażugħ twajjeb ma 
													rnexxilux jimxi warajH għax 
													kien marbut ma’ ġidu.
													
													Allura min jista’ jsalva, 
													staqsew l-Appostli? U l-Mulej 
													weġibhom: hu impossibbli 
													għall-bniedem, imma mhux 
													għal Alla!
													
													Il-ferħ nisrani, għalhekk, 
													l-istgħaġib li jġib miegħu 
													l-ferħ, il-ħelsien mill-irbit 
													mal-ħwejjeġ tad-dinja, mill-mondanità...il-mondanità 
													li tifridna minn Ġesù, 
													insibuh biss bil-qawwa 
													t’Alla, fil-qawwa li jtina 
													l-Ispirtu s-Santu.
													
													Nitolbu llum lill-Mulej biex 
													itina dan l-istgħaġib meta 
													nintrefgħu lejH, meta naraw 
													l-għana spiritwali li tana. 
													U ma’ dan l-istgħaġib itina 
													wkoll il-ferħ, il-ferħ 
													tal-ħajja li ngħixu bil-paċi 
													tal-qalb minkejja d-diffikultajiet; 
													u nitolbuh iħarisna milli 
													nfittxu l-hena f’tant 
													affarijiet li jnisssulna d-dwejjaq, 
													iwiegħdu ħafna imma ma jtuna 
													xejn lura!
													
													Ftakru tajjeb, temm il-Papa, 
													in-nisrani hu bniedem 
													tal-ferħ, ferħ fil-Mulej; 
													bniedem mistgħaġeb.