Il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													Lill-midinbin għandna 
													nifhmuhom imma qatt 
													m’għandna nagħmlu 
													kompromessi mal-verità
													
													
													Għall-quddiesa tal-Papa 
													fil-Kappella tad-Dar Santa 
													Marta tal-Ġimgħa 20 ta’ 
													Mejju kien hemm preżenti 8 
													koppji li għalqu ħamsin sena 
													miżżewġin u koppja oħra li 
													qed tiċċelebra l-25 taż 
													żwieġ
													
													Il-Vanġelu hu mimli bin-nasses 
													li l-Iskribi u l-Fariżej 
													riedu jdaħħlu lil Ġesù fihom, 
													biex inaqqsulu l-awtorità 
													tiegħu u l-krittu li kien 
													igawdi fost il-poplu, beda 
													jgħid il-Papa. Każ minnhom 
													hu dak li jirrakkuntalna l-Vanġelu 
													tal-lum meta l-Fariżej 
													staqsewh jekk hux sewwa li 
													raġel jibgħat lill-martu.
													
													Il-Papa qal li din kienet 
													nasba mħejjija minn ‘grupp 
													żgħir ta’ teoloġi li kienu 
													konvinti li l-għerf u l-għaqal 
													kollu tal-poplu t’Alla kien 
													kollu taħt is-setgħa tagħhom.
													
													Ġesù joħroġ minn din in-nasba 
													kif kien diġà ħareġ minn dik 
													li għamlulu s-Saduċej dwar 
													il-mara li kellha seba’ 
													rġiel imma li, fi kliem Ġesù, 
													wara l-qawmien ma tkun 
													il-mara ta’ ħadd minnhom 
													għax ma jkunx hemm aktar 
													żwiġijiet. F’dak il-każ, qal 
													Franġisku, Kristu tkellem 
													dwar il-milja eskatoloġika 
													taż-żwieġ. Iżda mal-Fariżej 
													juri l-milja tal-armonija 
													tal-ħolqien: Alla ħalaqhom 
													raġel u mara u t-tnejn isiru 
													ġisem wieħed.
													
													M’għadhomx tnejn imma ġisem 
													wieħed għalhekk il-bniedem 
													m’għandux jifred dak li 
													jgħaqqad Alla. Fiż-żewġ każi 
													Ġesù jitkellem dwar verità 
													assoluta – din hi l-verità, 
													dejjem! U Ġesù qatt ma 
													jinnegozja l-verità imma dan 
													il-grupp żgħir ta’ teoloġi 
													“illuminati” kienu 
													jinnegozjaw il-verità u 
													jġibuha biss każistika.
													Ġesù ma jinnegozjax 
													il-verità. Din hi l-verità 
													dwar iż-żwieġ u mhemm ebda 
													verità oħra.
													
													Imma Ġesù, kompla jgħid 
													Franġisku, hu tant ħanin, hu 
													tant kbir, li qatt u qatt ma 
													jagħlaq il-bieb 
													għall-midinbin. Għalhekk ma 
													jieqafx wara li jgħid x’inhi 
													l-verità imma jistaqsihom 
													x’kien għamel Mosè fil-liġi.
													
													Meta l-Fariżej iweġbuh dak 
													li kitbilhom Mosè, Ġesù 
													jgħidilhom li Mosù tahom dik 
													is-setgħa minħabba l-ebusija 
													ta’ qalbhom. Li jfisser, 
													kompla Franġisku, li Ġesù 
													dejjem jagħmel distinzjoni 
													bejn il-verità u d-dgħufuja 
													umana mingħajr ma joqgħod 
													idur mal-lewża.
													
													Fid-dinja li qed ngħixu fiha, 
													bil-kultura tal-proviżorju, 
													din ir-realtà tad-dnub hi 
													qawwija ħafna. Imma hu u 
													jfakkar lil Mosè Ġesù 
													jgħidilna: Hemm l-ebusija 
													tal-qalb, hemm id-dnub iżda 
													xi ħaġa tista’ ssir: 
													il-maħfra, il-komprensjoni, 
													l-akkumpanjament, l-integrazzjoni, 
													id-dixxerniment ta’ dawn 
													il-każijiet........ Imma l-verità 
													ma tista’ tinbigħ qatt!
													
													Ġesù għandu ħila jlissen din 
													il-verità tant kbira u fl-istess 
													ħin jifhem ħafna 
													lill-midinbin, lid-dgħajfa.
													
													Dawn huma ż-żewġ affarijiet 
													li għallimna Ġesù: il-verità 
													u l-komprensjoni, dak li t-teoloġi 
													“imdawwlin” ma jirnexxilhomx 
													jagħmlu għax magħluqin 
													fil-formola matematika ta’ 
													“tista” jew “ma tistax”. Dan 
													ma jħallihomx jaraw ixqfa 
													usa u lanqas allihom 
													ikollhom imħabba akbar lejn 
													id-dgħufija umana.
													
													Biżżejjed inħarsu lejn id-delikatezza 
													li biha Ġesù jġib ruħu mal-adultera 
													li kienet se titħaġġar: 
													Lanqas jien ma nikkundannak; 
													mur u tidnibx iżjed. Jalla 
													Ġesù jgħallimna biex fi 
													qlubna ngħożżu l-verità u 
													jkabbrilna qlubna biex 
													nifhmu, nakkumpanjaw lil 
													ħutna kollha li jinsabu 
													f’diffikultà.
													
													Dan hu don li jtihulna l-Ispirtu 
													s-Santu, temm il-Papa 
													Franġisku, mhux l-imgħallmin 
													li biex jgħallmuna għandhom 
													bżonn jirriduċu l-milja ta’ 
													Alla f’formola matematika. 
													Jalla l-Mulej itina din 
													il-grazzja.