Il-Ħamis 19 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													L-għonja li jisfruttaw 
													il-ħaddiema huma sangisugi u 
													qed jagħmlu dnub mejjet
													
													
													Hu dnub mejjet li tisfrutta 
													lill-ħaddiema biex tistgħana. 
													Hekk afferma l-Papa waqt l-omelija 
													fid-Dar Santa Marta ilbieraħ 
													filgħodu.
													
													L-ewwel qari tal-lum, meħud 
													mill-ittra ta’ San Ġakbu, hi 
													twissija serja lill-għonja 
													li jiġimgħu il-flus 
													bl-isfruttament tal-ħaddiema. 
													L-għana fih innifsu hu 
													tajjeb, spjega l-Papa, imma 
													hi ħaġa relattiva, mhix 
													assoluta. Infatti, dawk li 
													jimxu fuq dik li nsejħulha 
													“teoloġija tal-prosperità” 
													li żżomm li “Alla jurik li 
													int ġust għax itik tant ġid”, 
													huma fl-iżball.
													
													Il-problema hi li wieħed ma 
													jorbotx qalbu mal-ġid għax 
													ma nistgħux naqdu ‘l Alla u 
													l-flus. Dawn jistgħu jsiru 
													ktajjen li jisirqulna l-libertà 
													li nimxu wara Ġesù.
													
													Allura San Ġakbu jgħidilna: 
													il-paga tal-ħaddiema li 
													għamlu l-ħsad fl-artijiet 
													tagħkom u li intom ma 
													ħallastuhomx flimkien mal-protesti 
													tal-ħassada waslu f’widnejn 
													Il-Mulej li jista’ kollox. 
													Meta wieħed jistgħana għax 
													jisfrutta n-nies, l-għonja 
													li jisfruttaw, ikunu qed 
													jisfruttaw ix-xogħol tan-nies 
													u dawn l-imsejkna jsiru 
													skjavi.
													
													Imma ejjew naħsbu f’illum u 
													naraw li qed isir l-istess 
													fid-dinja kollha. “Irrid 
													naħdem”. “Tajjeb, ejja 
													nagħmlu kuntratt, minn 
													Settembru sa Ġunju, mingħajr 
													assikurazzjoni fuq is-saħħa...”.. 
													U wara li jieqaf, f’Lulju u 
													Awwissu dak li jkun jiekol 
													l-arja. F’Settembru mbagħad 
													nagħmlu kuntratt ieħor........
													
													Min jagħmel dan hu veru 
													sangisug u jgħix minn fuq 
													demm in-nies li jkunu saru 
													lsira tax-xogħol.
													
													Il-Papa Franġisku fakkar dak 
													li kienet qaltlu tfajla li 
													sabet ix-xogħol, taħdem 
													11-il siegħa kuljum għal 650 
													Ewro, mingħajr bolla: “jekk 
													trid aċċetta, inkella dabbar 
													rasek. Warajk hemm ħaddieħor, 
													kju sħiħ”.
													
													Dawn l-għonja, osserva 
													l-Papa, iħaxxnu bwiethom u 
													l-Appostlu jgħid: Ħxintu 
													għal-jum il-ġudizzju. Id-demm 
													ta’ dawn in-nies kollha li 
													intom erdajtu u li għextu 
													minn fuq darhom huwa għajta 
													lill-Mulej, huwa sejħa 
													għall-ġustizzja.
													
													L-isfruttament tan-nies – 
													afferma mill-ġdid il-Papa – 
													illum hu veru skjavitù. Aħna 
													konna naħsbu li l-iskjavi ma 
													jeżistux aktar. Minnu li ma 
													jmorrux iġibuhom mill-Afrika 
													jew mill-Amerika. Imma 
													jinsabu fi blietna. Hemm it-traffikanti, 
													dawk li jbiegħu n-nies għax 
													xogħol mingħajr ebda ħniena.
													
													Waqt l-udjenza tal-bieraħ 
													irriflettejna fuq l-għani 
													Epulun u Lażżru. Imma dan l-għani 
													kien jgħix fid-dinja tiegħu 
													u ma kienx jinduna li 
													quddiem biebu kien hemm xi 
													ħadd bil-ġuħ. Għallanqas dak 
													l-għani ma kienx jinduna u 
													ħalla lil Lażżru jmut 
													bil-ġuħ. 
													
													Li qed isir hu agħar minn 
													hekk: qed noqtlu n-nies 
													bix-xogħol biex ingawdu aħna! 
													Ngħixu minn fuq demm in-nies. 
													Dan hu dnub mejjet, dnub 
													mejjet. Jeħtieġ ħafna 
													penitenza, tant radd lura 
													biex nikkonvertu minn dan 
													id-dnub.
													
													B’umoriżmu l-Papa qal li 
													meta miet bniedem xħiħ in-nies 
													bdew jgħidu: il-funeral kien 
													irvinat għax ma setgħux 
													jagħlqu t-tebut peress li 
													ried jieħu miegħu kull ma 
													kellu! Ħadd ma jista’ jieħu 
													miegħu il-ġid li jkollu!
													
													Naħsbu ftit f’dan id-dramm 
													tal-lum: l-isfruttament tan-nies, 
													demmhom li jsir skjav. U dan 
													ma jolqotx biss lil min 
													jittraffika 
													għall-prostituzzjoni u lit-tfal 
													għax-xogħol, imma wkoll dak 
													it-traffikar hekk imsejjaħ “ċiviliżżat”: 
													Jien inħallsek daqshekk, 
													mingħajr ma ntik benefiċċji, 
													vaganzi, assikurazzjoni fuq 
													is-saħħa,,, xejn.. bla ebda 
													kopertura.... basta 
													nistgħana jien!
													
													Jalla l-Mulej ifehemna llum 
													dik is-sempliċità li 
													jgħallimna Ġesù fil-Vanġelu 
													tal-lum: aktar importanti 
													tagħti tazza ilma f’isem 
													Ġesù mir-rikkezzi kollha 
													mrekknin bl-isfruttament 
													tan-nies.