It-Tlieta 17 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													Il-flus u l-poter iħammġu l-Knisja, 
													mhemmx post għal min irid 
													ifittex karriera
													
													
													It-triq li jurina Ġesù hi 
													dik tal-qadi, imma spiss 
													fil-Knisja hemm min ifittex 
													il-poter, il-flus u l-vanità. 
													Din hi ċ-ċanfira iebsa li 
													għamel il-Papa Franġisku 
													dalgħodu waqt il-quddiesa 
													fil-kappella tad-Dar Santa 
													Marta.
													
													Lid-dixxipli Ġesù 
													jgħallimhom it-triq 
													tas-servizz, imma huma kienu 
													qed jiddiskutu min hu l-akbar 
													fosthom. Minn din is-silta 
													tal-Vanġelu l-Papa Franġisku 
													ħa l-ispunt għall-omelija 
													tal-lum u tkellem dwar it-tentazzjonijiet 
													mondani li llum ukoll, 
													jirvinaw ix-xhieda li tagħti 
													l-Knisja.
													
													Ġesù, osserva l-Papa, 
													jitkellem lingwaġġ ta’ 
													umiljazzjoni, mewt, 
													redenzjoni u huma jitkellmu 
													lingwaġġ ta’ min qed ifittex 
													karriera: min se jkollu l-aktar 
													post għoli, ta’ setgħa.
													
													Huma kellhom din it-tentazzjoni, 
													fi ħsiebijiethom kienu 
													ttentati mid-dinja mondana. 
													Huma jistaqsu min minnhom hu 
													l-akbar filwaqt li Ġesù 
													jgħidlihom biex ikunu 
													tal-aħħar, il-qaddejja ta’ 
													kulħadd.
													
													Fit-triq li jurina Ġesù biex 
													nimxu ‘l quddiem, ir-regola 
													hi s-servizz. L-akbar hu dak 
													li jaqdi, dak li l-aktar 
													jaqdi lill-oħrajn, li ma 
													jiftaħarx, ma jfittixx 
													il-poter, il-flus, il-vanità, 
													is-suppervja. Le, mhux dawn 
													huma l-kbar, saħaq il-Papa. 
													Dak li ġara hawn mal-appostli, 
													u wkoll ma’ omm Ġwanni u 
													Ġakbu, hija storja li tiġri 
													kuljum fil-Knisja, f’kull 
													komunità. Min fostna hu l-akbar? 
													Min jikkmanda? L-ambizzjoni. 
													F’kull komunità – 
													fil-parroċċi u fl-istituzzjonijiet 
													– dejjem b’dil-kilba li 
													nitilgħu ‘l fuq, li jkollna 
													l-poter.
													
													L-ewwel qari wkoll, meħud 
													mill-ittra ta’ San Ġakbu, 
													jwissina biex nitħarsu mill-ħerqa 
													għall-poter, mill-għira li 
													tkisser lill-oħrajn.
													
													Dan ukoll hu l-messaġ 
													għall-Knisja tal-lum. Id-dinja 
													titkellem dwar min għandu l-akbar 
													setgħa biex jaħkem filwaqt 
													li Ġesù jafferma li ġie fid-dinja 
													biex jaqdi mhux biex ikun 
													moqdi. Il-vanità, il poter... 
													Bħal meta jkolli dix-xewqa 
													mondana li nkun jien stess 
													il-poter... mhux li nservi 
													imma li nkun moqdi, li qatt 
													ma nehda nfittex kif se 
													nilħaq aktar, inqassas, 
													inħammeġ lill-oħrajn....
													
													L-għira, ir-risentiment, 
													huma triq qerrieda.
													
													Dan aħna lkoll nafuh. Dan 
													jiġri f’kull istituzzjoni 
													tal-Knisja: fil-parroċċi, 
													fil- kulleġġi, 
													f’istituzzjonijiet oħrajn, 
													anki fil-kurji veskovili.. 
													kullimkien. Il-kilba 
													għall-ispirtu tad-dinja, li 
													hu spirtu ta’ għana, vanità 
													u kburija. Huma żewġ modi ta’ 
													kif wieħed jitkellem, 
													afferma Franġisku: Ġesù 
													jgħallem il-qadi u d-dixxipli 
													jiddiskutu min hu l-akbar 
													fosthom. Ġesù, tenna l-Papa, 
													ġie biex jaqdi u għallimna 
													t-triq tal-ħajja nisranija: 
													il-qadi, l-umiltà.
													
													Meta l-qaddisin il-kbar 
													kienu jgħidu li jħossuhom 
													midinbin kbar – fakkar il-Papa 
													– kien għaliex fehmu dan l-ispirtu 
													tad-dinja li kien fihom u 
													kellhom it-tentazzjonijiet 
													mondani. Ħadd minna, wissa 
													Franġisku, ma jista’ jgħid 
													“jien bniedem qaddis, nadif”.
													
													Ilkoll kemm aħna jkollna 
													tentazzjoniet minn dawn, 
													ikollna t-tenatzzjoni li 
													nkissru lil għajrna biex 
													nikbru aħna. Hija 
													tentazzjoni mondana li 
													tifred u tkisser il-Knisja, 
													mhix l-ispirtu ta’ Ġesù.
													
													Jagħmlilna tajjeb naħsbu 
													dwar kemm-il darba rajna 
													dawn il-ħwejjeġ fil-Knisja u 
													dwar kemm-il darba aħna 
													stess waqajna għal dawn it-tentazzjonijiet 
													u nitolbu lill-Mulej biex 
													idawwalna ħalli nifhmu li l-imħabba 
													għad-dinja, cioè għal dan l-ispirtu 
													mondan, hija għadu ta’ Alla.