lt-Tlieta 10 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													
													Il-missjunarju hu dak li 
													“jaħli” ħajtu għal-Ġesù
													
													
													Kull bniedem li jagħżel li 
													jmur il-missjoni biex 
													iħabbar il-Vanġelu 
													fil-postijiet l-aktar 
													imwarrbin, hu doċli 
													għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu 
													li jimbuttana biex “naħarqu” 
													ħajjitna għall-Kelma t’Alla.
													
													Waqt l-omelija fid-Dar Santa 
													Marta lbieraħ, it-Tlieta, 
													filgħodu, il-Papa Franġsiku 
													qal li s-sejħa li jagħmlilna 
													l-Ispirtu s-Santu hi 
													mbuttatura biex ħajjitna 
													ntuha kollha lil Kristu, 
													anzi “naħrquha” għalih.
													
													Dan hemm fil-qalb ta’ kull 
													appostlu. Kien in-nar li 
													ħeġġeġ f’qalb San Pawl, hu 
													l-istess nar li jaqbad 
													fil-qlub ta’ tant żgħażagħ 
													li ħallew pajjiżhom, 
													lill-familji u telqu ‘l 
													bogħod, f’kontinenti oħra 
													biex iħabbru lil Ġesù Kristu.
													
													Ir-riflessjoni tal-Papa 
													kienet imnebbħa lilu 
													mis-silta meħuda mill-Atti 
													tal-Appostli li 
													tirrakkuntalna l-firda ta’ 
													Pawlu mill-komunità ta’ 
													Miletu. Xena li tqanqek: 
													Pawlu jaf u jgħid li ma 
													kienx se jarahom aktaar.
													
													Kellu jmur Ġerusalemm għax 
													hemm bagħtu l-Ispirtu, u 
													Pawlu jagħraf li l-Ispirtu 
													jikkmandalu ħajtu u jnebbħu 
													biex iħabbar il-Vanġelu 
													minkejja l-problemi u l-weġgħat 
													li kellu jħabbat wiċċu 
													magħhom.
													
													Dan il-qari jfakkarni 
													fil-ħajja tal-missjunarji ta’ 
													kull żmien, qal il-Papa. 
													Huma obdew il-kmand 
													tal-Ispirtu s-Santu: 
													il-vokazzjoni! Meta mmorru 
													f’dawk il-postijiet 
													tal-missjoni u nżuru ċ-ċimiterji 
													naraw il-lapidi tagħhom: 
													ħafna mietu żgħar, f’età ta’ 
													anqas minn 40 sena minħabba 
													l-mard ta’ dak il-post. 
													Ħajjiet żgħażugħa mogħtijin, 
													“maħruqin” għal Alla.
													
													Jiena naħseb li huma, fl-aħħar 
													mumenti, bogħod minn 
													pajjiżhom, mill-familji 
													tagħhom, mill-għeżież 
													tagħhom aktarx qalu: Kien ta’ 
													siwi dak li għamilt. 
													Il-missjunarju jitlaq bla ma 
													jaf x’hemm jistennih, qal il-Papa 
													li kkwota l-ħajja ta’ San 
													Franġisku Saverju kif 
													ħallihielna miktuba l-kottieb 
													u poeta Spanjol tas-seklu 
													għosrin José María Pemàn. 
													Hija paġna li tfakkarna 
													fil-ħajja ta’ San Pawl: Naf 
													biss, qal l-Appostlu hu u 
													jsellem, li minn belt għal 
													oħra l-Ispirtu s-Santu 
													jurini li hemm jistennewni 
													ktajjen u nkwiet.
													
													Il-missjunarju jaf li l-ħajja 
													mhix se tkun faċli, imma 
													xorta jibqa’ għaddej, 
													ikkummenta Franġisku li 
													stqarr li jħossu mqanqal 
													meta jiftakar 
													fil-missjunarji tal-lum.
													
													Il-misjunarji tagħna, kompla 
													jgħid, huma l-eroj 
													tal-evanġeliżżazzjoni ta’ 
													żmienna. Kienet l-Ewropa li 
													mliet lill-kontinenti l-oħra 
													bil-missjunarji li kienu 
													jitilqu u ma jiġux lura.
													
													Jidhirli li hu ġust li 
													nirringrazzjaw lill-Mulej 
													għax-xhieda tagħhom. Hi 
													ġustizzja li aħna nifirħu li 
													għandna dawn il-missjunarji 
													li huma xhieda ta’ veru. 
													Jien nimmaġina kif kienu l-aħħar 
													mumenti tagħhom, kif setgħet 
													kienet il-firda mill-ħajja 
													tagħhom. Bħal Franġisku 
													Saverju: Ħallejt kollox imma 
													kien ta’ siwi! Telqu 
													bis-satra, huma martri għax 
													offrew ħajjithom 
													għall-Vanġelu. Huma l-glorja 
													tagħna dawn il-missjunarji! 
													Il-glorja tal-Knisja tagħna!
													
													Waħda mill-kwalitajiet 
													tal-missjunarju hi d-doċilità 
													għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu, 
													qal Franġisku, li temm l-omelija 
													b’talba. Franġisku talab li 
													ż-żgħażagħ tagħna aktar 
													milli jintrikbu mis-sens 
													ta’nuqqas ta’ sodisfazzjoni, 
													jisimgħu leħen l-Ispirtu li 
													jġegħelhom imorru ‘l hinn 
													minnhom infushom u ħajjithom 
													“jaħarquha” għall-kawżi 
													aktar nobbli.
													
													Liż-żgħażagħ tal-lum, li qed 
													iħossuhom mifxulin, li mhux 
													qed isibu sodisfazzjon 
													fil-ħajja tal-konsumiżmu u 
													narċisista, irrid ngħidilhom: 
													ħarsu lejn ix-xefaq u araw 
													lil dawn il-missjunarji! 
													Itolbu lill-Ispirtu s-Santu 
													biex jgħinkom tmorru aktar 
													‘l hinn u “taħarqu” 
													ħajjitkom. Hija kelma iebsa 
													imma l-ħajja għandha valur 
													jekk tkun mgħexja tajjeb.
													
													Imma biex ngħejxuha tajjeb 
													irridu “naħarquha” billi 
													ningħatw għall-qadi, 
													għat-tħabbir. Dan hu l-ferħ 
													tat-tħabbira tal-Vanġelu, 
													temmil-Papa Franġisku.