L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 
 

 

 

Riflessjonijiet tal-Papa Franġisku waqt il-Quddiesa minn Dar Santa Marta

 
 

lt-Tnejn 9 ta’ Mejju 2016

L-Ispirtu s-Santu jagħmilna nsara veri mhux insara “virtwali”

L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-Knisja qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Waqt il-quddiesa l-Papa sellem lis-sorijiet Vinċenzjani li jaħdmu u jmexxu d-dar Santa Marta, għax illum hija l-festa tal-fundatriċi tagħhom Santa Luisa Marillac.

Għall-omelija l-Papa Franġisku ħa spunt mid-djalogu bejn l-ewwel dixxipli u San Pawl f’Efesu meta qalulu: aħna lanqas biss smajna bl-Ispirtu s-Santu.

Illum ukoll, osserva Franġisku, jiġri bħalma ġara lil dawk id-dixxipli, li minkejja li kienu jemmnu f’Ġesù ma kienux jafu min hu l-Ispirtu s-Santu. Ħafna jgħidu li fil-katekiżmu tgħallmu li l-Ispirtu s-Santu hu t-Tielet Persuna tat-Trinità, imma jieqfu hemm u ma jkunu jafu xejn aktar.


L-Ispirtu s-Santu hu dak li jmexxi l-Knisja, li jaħdem fiha, fi qlubna, hu dak li lil kull nisrani jagħmlu persuna differenti minn oħrajn, imma li mbagħad jgħaqqad lil kulħadd flimkien.

Hu dak li jmexxi, li jiftaħ il-bibien u jistiednek biex tagħti xhieda ta’ Ġesù. Smajna fil-bidu tal-quddiesa: “Irċievu l-Ispirtu s-Santu u tkunu xhieda tiegħi fid-dinja kollha”.

L-Ispirtu s-Satu hu dak li jqanqalna biex infaħħru ‘l Alla u nitolbu. Hu dak li jgħallimna nħarsu lejn il-Missier u ngħidulu: “Missierna”. Jeħlisna minn dil-qagħda ta’ orfni li fiha jrid idaħħalna l-ispirtu tad-dinja.

L-Ispirtu s-Santu hu l-protagonista tal-Knisja, kompla jgħid il-Papa, hu dak li jaħdem fil-Knisja. Il-periklu hu li aħna ma ngħixux dan, meta ma jkollniex ħila nwettqu din il-missjoni u nirriduċu l-fidi f’regoli morali, f’etika.

Ma nistgħux nieqfu biss fil-ħarsien tal-Kmandamenti bla ma nagħmlu xejn aktar: dan nista’ nagħmlu u dak ma nistax, s’hawn nista’ nasal u mhux aktar! B’hekk il-morali ssir ħaġa riġida, distakkata.

Il-ħajja nisranija mhix etika, imma hija laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Huwa propju l-Ispirtu s-Santu li jmexxini lejn dil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.
Imma f’ħajjitna, l-Ispirtu s-Santu qiesu priġinier speċjali, ma nħalluhx jimbuttana ma nħalluhx iċaqlaqna. Kollox jagħmel, kollox jaf, jaf ifakkrna x’qal Ġesù, jaf jispjegalna dak li għamel Ġesù.

Ħaġa waħda biss ma jafx jagħmel l-Ispirtu s-Santu – ma jafx jagħmilna nsara “tas-salott”. Dan ma jafx jagħmlu! Ma jafx jagħmel minna nsara virtwali imma jaf jagħmilna nsara bil-virtù. Hu jieħu l-ħajja kif inhi bil-profezija li jaqra s-sinjali taż-żminijiet u b’hekk imexxina ‘l quddiem.

Hu priġunier ġewwa qalbna. Ngħidu li hu t-Tielet Persuna tat-Trinità u nieqfu hemm. Dil-ġimgħa, żied il-Papa, jagħmlilna tajjeb nirriflettu fuq dak li jagħmel l-Ispirtu s-Santu fija u nistaqsu lilna nfusna jekk għallimniex it-triq tal-libertà.


L-Ispirtu s-Santu li hemm fija, kompla jgħid Franġisku, jimbuttani biex noħroġ minni nnifsi, mingħajr biża’? Kif inhu l-kuraġġ tiegħi, il-kuraġġ li jtini l-Ispirtu s-Santu biex noħroġ minni nnifsi, biex nagħti xhieda ta’ Ġesù? U aktar: kif inhi l-paċenzja tiegħi fil-mumenti tal-prova? Għax anki l-paċenzja jtihilna l-Ispirtu s-Santu.

F’dil-ġimgħa ta’ tħejjija għall-festa ta’ Pentekoste naħsbu ftit: Jien verameent nemmen jew għalija l-Ispirtu s-Santu hu kliem biss? Nippruvaw nitkellmu miegħu u ngħidulu: Jiena naf min int, Int tinsab f’qalbi, Int ir-ruħ tal-Knisja, Int tmexxiha ‘l quddiem, Int tgħaqqad lil kulħadd flimkien, aħna li aħna differnti minn xulxin, bid-diversità, imma lkoll ħaġa waħda. Ngħidulu dawn l-affarijiet kollha u nitolbuh il-grazzja li nitgħallmu nwettqu fil-prattika ta’ ħajjitna, dak li jagħmel Hu. Il-grazzja tal-ħlewwa tiegħu: inkunu doċli bħall-Ispirtu s-Santu. Matul dil-ġimgħa nagħmlu dan: naħsbu fl-Ispirtu s-Santu u nitkellmu miegħu.