It-Tlieta 3 ta’ Mejju 2016
													
													
													
													
													Ġesù huwa t-triq imma ħafna 
													Nsara jgħixu qishom mummji 
													jew vagabondi
													
													
													Ġesù huwa l-veru triq 
													tal-ħajja Nisranija u huwa 
													importanti li ‘l ħin kollu 
													niċċekkjaw aħniex mexjin 
													warajh bil-koerenza jew jekk 
													l-esperjenza tal-fidi tagħna 
													tilfitx it-triq jew weħlet 
													xi mkien. Dan il-ħsieb hu s-sustanza 
													tal-omelija li għamel il-Papa 
													Franġisku fil-kappella 
													tad-Dar Santa Marta dalgħodu.
													
													Il-ħajja tal-fidi hija mixja 
													u mat-triq niltaqgħu ma 
													ħafna tipi ta’ nsara. 
													Il-Papa Franġsiku għamel 
													katalgu qasir ta’ dawn: 
													insara mummji, insara 
													vagabondi, insara rashom 
													iebsa, insara bin-nofs – 
													dawk li jibqgħu miblugħin 
													quddiem xi panorama ta’ 
													ġmiel imma jibqgħu imwaħħlin 
													hemm. Nies li għal raġuni 
													jew oħra insew li l-unika 
													triq ġusta – ifakkarna dan 
													il-Vanġelu tal-lum – hija 
													Ġesù, li lil Tumas 
													jikkonfermalu : “Jiena hu t-triq, 
													min ra lili ra lill-Missier”.
													Il-Papa Franġsiku mbagħad 
													beda jispjega waħda waħda, 
													dawn il-kategoriji ta’nsara 
													konfużi u beda b’dawk li ma 
													jimxux, li jagħtu l-idea li 
													huma ftit jew wisq 
													ibbalzmati.
													
													Nisrani li mhux f’mixja, li 
													ma jaqtax għal għonq it-triq, 
													hu nisrani li mhux nisrani, 
													qal Franġisku. Ma nistgħux 
													ngħidu x’inhu. Hu nisrani xi 
													ftit pagan; qiegħed hemm, 
													wieqaf, ma jimxix ‘il 
													quddiem fil-ħajja nisranija, 
													f’ħajtu ma jwarrdux 
													il-Beatitudnijiet, ma 
													jagħmilx opri tal-ħniena.
													
													Hu wieqaf u skużawni l-kelma, 
													qiesu mummja, mummja 
													spiritwali. U hemm insara li 
													huma mummji spiritwali, 
													weqfin. Ma jagħmlux deni, 
													imma lanqas jagħmlu l-ġid.
													
													Hemm imbagħad in-nisrani ta’ 
													ras iebsa. Meta nimxu, qal 
													il-Papa, jiġri li xi kultant 
													niżbaljaw it-triq, imma dik 
													mhix l-agħar ħaġa. It-traġedja 
													hi li tkun rasek iebsa u 
													tgħid li dik hi t-triq bla 
													ma tħalli leħen il-Mulej 
													jgħidlek li mhix dik, 
													jgħidlek: Erġa’ lura u ibda 
													miexi mill-ġdid fit-triq it-tajba. 
													Hemm kategorija oħra: l-insara 
													li jimxu mingħajr ma jafu 
													fejn sejrin. Huma l-vagabondi 
													tal-ħajja nisranija. 
													Ħajjithom iduru min-naħa 
													għal-oħra u b’hekk jitilfu 
													s-sbuħija tal-qrubija ma’ 
													Ġesù, mal-ħajja ta’ Ġesù.
													
													Jitilfu t-triq għax jiġru 
													minn post għal ieħor bla 
													direzzjoni u dil-ħajja 
													twassalhom għal ħajja 
													mingħajr sbokk. Il-vagabondaġġ 
													hu labirint, u mbagħad ma 
													jkunux jafu mnejn se joħorġu! 
													Dawn tilfu s-sejħa ta’ Ġesù. 
													M’għandhomx boxxla biex 
													joħorġu mill-labirint u 
													jibqgħu jagħqdu hemm ġew, 
													ifittxu.
													
													Hemm insara oħra li 
													jissaħħru wara s-sbuħija ta’ 
													xi ħaġa u jieqfu nofs triq, 
													mistgħaġbin b’dak li jkunu 
													qed jaraw, b’dak il-pajsaġġ. 
													U jieqfu! Il-ħajja nisranija 
													mhix attrazzjoni, hija 
													verità! Hija Kristu Ġesù!
													
													Meta naraw dan, kompla 
													jirrifletti l-Papa Franġisku, 
													jiġu f’moħħna ċerti 
													mistoqsijiet. Il-mixja li 
													bdejt bil-Magħmudija kif 
													sejra? Wieqfa? Żbaljajt it-triq? 
													Indur dejjem bla ma naf fejn 
													sejjer spiritwalment? Nieqaf 
													quddiem dak li jogħġobni: 
													il-mondanità, il-vanità, jew 
													dejjem miexi ‘l quddiem u l-Beatitudnijiet 
													u l-opri tal-ħniena 
													nagħmilhom ħaġa konkreta?
													
													Għax it-triq ta’ Ġesù, 
													kompla l-Papa, hi mimlija 
													faraġ, glorja, imma slaleb 
													ukoll. Imma dejjem bil-paċi 
													tal-qalb.
													
													Illum nieqfu b’din 
													il-mistoqsija, imma 
													nagħmluha lilna nfusna, 
													ħames minuti kollox. Kif 
													jien sejjer fil-mixja 
													nisranija? Wieqaf, żbaljat, 
													indur, wieqaf mistgħaġeb 
													bis-sbuħija ta’ dak li 
													jogħġobni jew fit-triq ta’ 
													Ġesù li qal “Jien t-triq?
													
													Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu 
													jgħallimna nimxu tajjeb, 
													dejjem! U meta ngħejjew, 
													ftit tan-nifs, u nerġgħu 
													nibdew mexjin. Nitolbu din 
													il-grazzja, temm il-Papa.