Il-Papa Piju IX

ipproklama lil San Gużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali

fit-8 ta' Diċembru 1870

 

 

Din it-traduzzjoni bil-Malti tad-Digriet saret minn Mons. Prof. Hector Scerri mill-ilsien Ingliż kif dehret fir-rivista Dublin Review, Sena 16 (Jannar 1871), u kif ġiet riprodotta fil-ktieb The Man Nearest to Christ: Nature and Historic Development of the Devotion to St Joseph ta’ F. L. Filas (Milwaukee: Bruce Publishing Company, 1944), 163-164.

Fl-2020 dan id-dokument jagħlaq 150 sena.

 

 

Ara wkolL

Redemptoris Custos. Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-persuna u l-missjoni ta' San Ġużepp fil-ħajja ta' Kristu u tal-Knisja ...

Quemadmodum Deus

Digriet tal-Kongregazzjoni tar-Riti

Approvat mill-Papa Piju IX

li bih qed jipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali

8 ta’ Diċembru 1870

 

1. Hekk kif Alla Setgħan ħatar lil Ġużeppi, iben il-Patrijarka Ġakobb, fuq l-art kollha tal-Eġittu biex jaħżen il-qamħ għall-poplu, hekk ukoll meta waslet il-milja taż-żmien u Hu kien se jibgħat fid-dinja l-Iben il-waħdieni tiegħu, il-Feddej tad-dinja, Huwa għażel Ġużeppi ieħor, li tiegħu l-ewwel Ġużeppi kien bħal dehra minn qabel, u li għamlu sid u kap tad-dar tiegħu u ta’ dak kollu li huwa tiegħu, dak li jħares l-aktar teżori għeżież tiegħu. U għalhekk, Ġużeppi kien mgħarras lill-Verġni bla tebgħa Marija, u minnha twieled, permezz tal-Ispirtu s-Santu, Sidna Ġesù Kristu, li f’għajnejn il-bnedmin ried li jkun magħruf b’iben Ġużeppi, u kien jobdih. U ġara li Dak, li numru bla għadd ta’ slaten u profeti tal-qedem xtaqu jaraw, Ġużeppi mhux biss rah, imma wkoll tħaddet miegħu, u għannqu b’imħabba ta’ missier, u biesu, u ħaseb għalih bl-akbar diliġenza biex ikollu x’jiekol – iva, lil Dak li l-fidili aktar tard kellhom jirċievu bħala l-Ħobż li niżel mis-sema sabiex ikunu jista’ jkollhom il-ħajja ta’ dejjem.

 

2. Minħabba din id-dinjità mill-aktar għolja li Alla sawwab fuq dan l-aktar qaddej fidil tiegħu, il-Knisja sa minn dejjem tat l-ogħla ġieħ lill-imbierek Ġużeppi u faħħritu, flimkien ma’ martu, il-Verġni Omm Alla, u fittxet l-interċessjoni tiegħu fi żmien it-tiġrib. U issa, għalhekk, meta f’dawn iż-żminijiet ta’ inkwiet kbir il-Knisja hija mġarrba minn għedewwa minn kull naħa u hija mtaqqla minn hemm tant tqil li bnedmin mingħajr Alla qed jaħsbu li l-bibien tal-infern għelbuha, l-Isqfijiet tad-dinja Kattolika ressqu lill-Papa t-talbiet, kemm tagħhom kif ukoll tal-fidili afdati lilhom, hu qed jogħġbu jaħtar lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. U din it-talba u x-xewqa tagħhom kienet imġedda minnhom bi ħrara liema bħala waqt il-Konċilju Ekumeniku tal-Vatikan. Għaldaqstant, għoġob lill-Papa Piju IX, tant imġarrab mill-ġrajjiet riċenti li huma ta’ min jistmerrhom, li jilqa’ x-xewqat tal-Isqfijiet li hu nnifsu, flimkien mal-fidili kollha, jistkenn taħt il-patroċinju l-aktar qawwi ta’ San Ġużepp. Għalhekk, huwa ddikjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali, u qed jordna li l-festa tiegħu, li taħbat nhar id-19 ta’ Marzu, tkun iċċelebrata minn issa bħala festa doppja tal-ewwel klassi, imma mingħajr ottava, peress li taħbat fi żmien ir-Randan.

 

Fl-aħħarnett, huwa qed jordna li f’dan il-jum, qaddis għall-Verġni Omm Alla u għal żewġha safi, tiġi ppubblikata dikjarazzjoni għal dan il-għan, u li dan qed isir b’dan id-digriet tal-Kongregazzjoni tar-Riti Mqaddsa.

 

 

8 ta’ Diċembru 1870