LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

L-Isqof Mario Grech iqaddes mal-Papa Franġisku

"Għan-Nisrani, ir-Regola tad-deheb hija l-umiltà"

Rapport dwar l-Omelija tal-Papa

April 8, 2013: L-umiltà hija r-regola tad-deheb. Għan-nisrani li jimxi ‘l quddiem ifisser li jbaxxi lilu nnifsu.  U hu propju mit-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità.

Din kienet it-tema prinċipali tal-omelija tal-Papa Franġisku, fil-quddiesa li ċċelebra fil-kappella ta’ Dar Santa Marta,  u li fiha kkonċelebraw miegħu l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech u l-Arċisqof ta’ Los Angeles, José Horacio Gómez.

Il-Papa qal li l-istorja kollha tal-fidi hija magħmula minn umiltà u tkellimna lkoll dwar l-umiltà.  U dan jidher ukoll mill-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù.  F’kull ġrajja jidher li Alla ried li kollox isir fil-moħbi, li ma jsirx publiku, li bħal donnu kien mgħotti bid-dell tal-Ispirtu s-Santu. U hu għalhekk li jgħaddi mit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jbaxxi lilu nnifsu: jiġi għandna u jbaxxi lilu nnifsu.  U jkompli jbaxxi lilu nnifsu sas-salib.

Fil-mument tat-tħabbira, anke Marija baxxiet lilha nfisha: ma tifhimx kollox, imma hija ħielsa: tifhem biss dak li hu meħtieġ. Huwa diffiċli tgħid iva. Imma hija umli: ‘Tkun magħmula r-rieda ta’ Alla’.  Tħalli ruħa għar-rieda ta’ Alla.  U Ġużeppi, l-għarus, kienu għadhom lanqas iżżewġu, anke huwa jbaxxi lilu nnifsu u jġorr fuqu din ir-responsabiltà tant kbira.  Anki Ġużeppi jgħid iva lill-anġlu, li meta kien rieqed urieh dik il-verità.  Propju l-mod ta’ Marija u Ġużeppi juru li biex l-imħabba kollha ta’ Alla tasal għandna, tgħaddi mit-triq tal-umiltà.

Il-Papa imbagħad semma kif fil-ktieb tad-Dewteronomju hemm miktub, ‘Jiena ħriġtek fid-deżert, kif missier jieħu lill-ibnu’ (Dewt. 1:30-32).  Alla, umli, huwa tant tajjeb. Alla li jissaporti. Dan huwa differenti mill-atteġjament tal-idoli: l-idoli huma qawwija, jġagħluk tifhem: hawn nikkmanda jien!

Alla tagħna - għaliex Hu tajjeb, għaliex mhux Alla taparsi, Huwa veru; mhux xi Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, Huwa veru – jippreferi jimxi b’dan il-mod, mit-triq tal-umiltà.  Din l-imħabba kollha tiġi mit-triq tal-umiltà.  Li tkun umli ma jfissirx li timxi fit-triq hekk, b’għajnejn baxxi: le, le. L-umiltà hija dik li jgħallimna Alla, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi.  L-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib.

U din hija r-regola tad-deheb tan-nisrani: jipprogressa, jimxi ‘l quddiem, ibaxxi lilu nnifsu.  Ma jistgħax jgħaddi minn triq oħra.  Jekk jiena ma nbaxxix lili nnifsi, jekk inti ma tbaxxix lilek innifsek, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nbaxxi lili nnifsi?’    Sabiex tħalli l-imħabba kollha ta’ Alla tgħaddi minn din it-triq, li hija l-unika waħda li Hu għażel – ma għażilx oħra – li twassal sas-salib. U wara, għar-rebħa tal-qawmien.  Ir-rebħa tan-nisrani tieħu dil-mixja tat-tbaxxija. Naħseb li hekk jgħidu hux: tbaxxi lilek innifsek.  Inħarsu lejn Ġesù li jibda jbaxxi lilu nnifsu f’dan il-misteru tant sabiħ.  Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi.  U nitolbu l-grazzja tal-umiltà.  Imma ta’ din l-umiltà, li hija t-triq li minnha żgur tgħaddi l-imħabba.

Meta Pawlu jgħdilna, ‘qisu lill-oħrajn aħjar minnkom’ (ara Fil 2:3), kultant huwa diffiċli taħseb hekk.  Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex huwa, fil-qiegħ nett ta’ qalbu jaf li l–imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà.  Infatti jekk ma hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ bblukkata, ma tgħaddix. 

Għalhekk ħa nitolbu lill-Madonna, lill San Ġużepp u lill-Ġesù għall-grazzja tal-umiltà.

 

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

 

Barka Speċjali tal-Papa Franġisku

għall-Poplu Malti

 

Il-kummenti tal-Isqof ta’ Għawdex

Monsinjur Mario Grech

dwar il-laqgħa tiegħu mal-Papa Franġisku

8 ta’ April 2013.

Ikklikkja hawn biex tisma' l-Isqof Grech innifsu  

"Kienet laqgħa sabiħa ħafna, l-ewwel stedinni biex nitlob miegħu fil-quddiesa.  Kienet il-festa tal-Lunzjata u għamel meditazzjoni sabiħa ħafna (ara rapport tal-omelija tal-Papa Franġisku fuq ix-xellug ta’ din il-paġna) dwar it-triq tal-umiltà li għażel Alla biex jasal għand il-bniedem, u qal li anke din hija t-triq li għandu juża l-bniedem biex jasal għand Alla. 

"Naturalment f’dawn l-ewwel ġimgħat tal-Pontifikat tiegħu jidher ċar li dak li jgħid il-Papa fl-omelija jgħixu hu.  Imbagħad kelli ċans nitkellem ras imb’ras miegħu.  Miegħi kien hemm ukoll naturalment, Monsinjur Alfred Xuereb li huwa s-Segretarju tal-Papa.  U b’ċajta l-Papa qalli, ‘Inti ġejt biex tieħu ‘l dan lura miegħek?’ U jiena għidtlu, ‘Anzi huwa ta’ unur kbir għall-Knisja lokali li għandna saċerdot tagħna jaqdi lil Pietru, jaqdi lill-Papa.

"Imbagħad tkellimna dwar il-vokazzjonijiet u ħeġgiġni biex jiena u sħabi nkomplu naħdmu b’risq il-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, u semma wkoll il-familja.  U meta tkellimna dwar il-familja, semmejna l-isfida tad-don tal-ħajja għaliex sfortunatament, l-Ewropa, u pajjiżna jagħmel parti mill-Ewropa, qegħdha tixjieħ. Waħda mir-raġunijiet hi għaliex sirna xħaħ mal-ħajja.  Hekk, il-Papa jidher li jixtieq jappoġġja l-moviment favur il-ħajja u jalla l-bniedem ma jkunx aktar materjalista u allura jibża’ jirriskja milli jinfetaħ għad-don tal-ħajja.

"Il-Papa bagħat barka specjali lill-poplu tagħna f’pajjiżna, imma semmieli espressament lil dawk li qed jgħixu l-ħajja kontemplattiva, jigifieri s-sorijiet li għandna tal-klawsura.  Qalli, ‘Għidilhom li nibgħatilhom minn qalbi l-Barka Appostolika tiegħi’.  U dak huwa sinjal illi aħna għandna nġibu ‘l quddiem ukoll din il-ħajja tat-talb li għandna fil-Knejjes tagħna."

 

ajr tar-recording lil Radju Marija.)

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link