SOĊJETÀ MINGĦAJR
ĊERTEZZI MORALI
TITFARRAK U TFARRAK IL-FAMILJI
Omelija ta’ Mons
Isqof Mario Grech,
Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment Nadif,
Marsalforn – Il-Ħamis, 23 ta’ Lulju 2009
Ambjent
moralment nadif
Qegħdin
nagħmlu din il-manifestazzjoni biex nitolbu lil Alla
bl-interċessjoni ta’ Marija biex iżomm idejh fuqna u fuq
il-poplu tiegħu f’pajjiżna; fl-istess waqt iltqajna biex
bil-preżenza tagħna nibagħtu messaġġ lis-soċjetà u ngħidulha
li aħna għandna għal qalbna ambjent li huwa moralment nadif.
Il-frażi
“ambjent moralment nadif” tista’ tingħata żewġ tifsiriet.
Nistgħu nagħtuha t-tifsira li nittama li aħna lkoll nixtiequ
nagħtuha, jigifieri li nixtiequ li l-ambjent ta’ madwarna
jkun tassew nadif f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja etika u
morali tagħna.
Riskju ta’
soċjetà mingħajr riferiment etiku preċiż
Però wieħed
jista’ jifhem din il-frażi bil-kontra, fis-sens li llum l-bniedem
irid ambjent “nadif” minn dak kollu li huwa etiku u morali!
Nibża’ li fis-soċjetà tagħna għandna min mhux biss jagħti
din l-interpetazzjoni, imma qed jaħdem biex ikollna soċjetà
ħielsa minn kull prinċipju etiku u morali. Il-preżenza ta’
dan il-kurrent fis-soċjetà tinkwetani mhux biss bħala ragħaj
spiritwali imma wkoll bħala ċittadin tar-Repubblika tagħna!
Għax meta soċjetà tfassal sistema li tkun miftuma minn kull
forma ta’ riflessjoni u rabta etika, tkun qegħda tibni fuq
ir-ramel.
Illum aħna
parti mill-Unjoni Ewropea. Ma nistgħux ma nirrikonoxxux li
f’dawn l-aħħar ħamsin sena l-Ewropa għamlet avvanzi kbar. Il
fatt li kważi l-membri kollha għandhom l-istess munita
jindika l-għaqda ekonomika. Qed isir xogħol biex ikun
hemm għaqda ġuridika, fis-sens li l-istituzzjonijiet
Ewropej ifasslu u jagħmlu liġijiet li jkunu japplikaw
għall-pajjiżi membri. F’dawn il-każi, il-leġiżlatur
nazzjonali jissottometti ruħu għal leġiżlazzjoni
sovranazzjonali li tinħadem fi Brussel u Strasburg, u
għalhekk il-liġijiet mhux dejjem isiru minn dawk li l-poplu
jagħżel biex imexxuh bħala nazzjon, imma jiġu ddettati minn
ħaddieħor. Hemm ħidma biex ikun hemm għaqda politika,
fis-sens li l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jkollhom politika li
toqrob lejn ta’ xulxin.
Dan kollu
jgħin biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-popli. Imma,
imbagħad, ma hemmx impenn biex ikun hemm “unità etika”,
fis-sens li tintlaħaq komunjoni ta’ valuri etiċi u morali li
huma s-sinsla mhux biss tal-bniedem imma ta’ kull soċjetà!
Pjuttost, fid-diskorsi li nisimgħu mill-istituzzjonijiet
Ewropej jaslulna messaġġi kuntrarji: biex Alla ma jissemmiex
għax Alla jappartjeni lill-ħajja privata taċ-ċittadini
Ewropej u mhux lill-ħajja pubblika!
Ma nistgħux
ma nagħtux każ ta’ dawn il-messaġġi għax aħna nagħmlu parti
minn din ir-realtà Ewropea! Ma nafx fejn twassalna din id-direzzjoni!
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien jemmen ħafna fl-Ewropa,
jgħid li l-Ewropej għandhom quddiemhom l-isfida l-kbira li
jibnu kultura u etika tal-unità; jekk dawn ikunu nieqsa,
allura kull politika maħsuba biex iġġib l-għaqda, hija
desitnata li llum jew għada tisfaxxa! Jekk l-Ewropa, f’isem
il-valur tat-tolleranza u r-rispett universali, tagħmel
għażla favur l-indifferentiżmu etiku u x-xettiċiżmu dwar
il-valuri fundamentali, hija tkun qed tħejji t-triq biex
jerġgħu joħorġu l-iskeletri tal-waħx li kellna fl-istorja
Ewropea tal-imgħoddi! Għaliex jekk ma jkollnix regola
tal-ħajja – jekk ma niffissawx dawk il-punti fermi li fuqhom
nistgħu inserrħu, naqgħu fir-relattiviżmu.
Pressjoni
fuq pajjiżna
Hija
indikattiva f’dan ir-rigward il-kampanja li qed tagħmel
Brigitta Ohlsson, membru tal-partit tal-Liberali fl-Iżvezja
(Swedish Liberal People's Party), biex tiġbor miljun
firma permezz tal-internet ħalli mbagħad tagħmel pressjoni
mal-Unjoni Ewropea biex pajjiżi bħal Malta jintroduċu l-liġi
tal-abort. Din mhix l-ewwel darba li kien hemm pressjoni
anke fil-parlament Ewropew biex isiru liġijiet li ma
għandhom ebda riħa ta’ etika u morali, anzi jmorru kontra
dak li huwa moralment nadif!
Il-messaġġ
ta’ Santa Briġida lill-Ewropa
Illum
il-Knisja qed tagħmel il-festa ta’ Santa Briġida tal-Iżvezja!
Għaxar snin ilu, meta l-Knisja kienet qed tiċċelebra s-Sinodu
dwar il-Knisja fl-Ewropa, il-Papa Ġwanni Pawlu II ippropona
tliet kompatruni ġodda lill-Ewropa: Santa Briġida
tal-Iżvezja, Santa Katerina ta’ Siena, u Santa Tereża
Benedetta tas-Salib (Edith Stein)! Bħalissa ninsabu
fis-sajf u minn ġimgħa għall-ohra nagħmlu l-festi patronali
tagħna – festi li, għalkemm jeħdulna ħafna enerġija, huma
ċelebrazzjonijiet tajba u sbieħ, basta jsiru bil-qies!
Għalhekk, billi llum hi l-festa ta’ Santa Briġida, inqisu
sinjal mill-Providenza li niffesteġġjaw waħda mill-kompatruni
l-ġodda tal-Ewropa. Insejħilhom ġodda għax sa għaxar snin
ilu, il-patruni tal-Ewropa kienu San Benedittu – li wettaq
l-ewwel ħidma biex iseħħ l-għaqda fl-Ewropa, – u l-aħwa San
Ċirillu u San Metodju – li kienu pijunieri fl-evanġelizzazzjoni
tad-dinja Slava u tal-Ewropa tal-Lvant.
Għalkemm
Santa Briġida kienet tgħix fis-seklu 14 (1303-1373), il-Papa
Ġwanni Pawlu xorta ħass li kellu jipproponiha ħalli l-poplu
tal-Ewropa tal-lum jispira ruħu minnha fl-impenn soċjali u
politiku tagħna. Aħna l-Insara ma nistgħux nirrinunzjaw
għas-sehem tagħna fil-politika. Huwa minnu li Santa Briġida
hija mistika u waqqfet ordni reliġjuż tas-Salvatur, imma kif
jistqarr fl-Ittra Apostolika “Spes aedificandi”, il-Papa
jipreżentaha lill- lill-Ewropa
bħala lajka li għexet il-ħajja Nisranija fil-familja!
Briġida hija ta’ eżempju kif l-imħabba konjugali hija triq
li twassal għall-qdusija. Briġida kienet miżżewġa u kellhom
tmien ulied, waħda minnhom hija qaddisa: Santa Katerina.
Huwa interessanti li lill-Ewropa li ma għadhiex temmen
fil-familja, il-Papa joffri bħala patruna tal-Ewropa
mara-omm li għexet fil-familja. Ftit xhur ilu, l-Olandiż
Arie Hoekman, membru tal-United
Nations Population Fund stqarr li t-tkissir
tal-familja tradizzjonali huwa rebħa għal min għandu għal
qalbu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem! Jista’ jkollna
viżjoni aktar mċajpra minn din? Huwa f’dan il-kuntest li
l-Papa jistieden lill-Ewropa, sajma minn dak kollu li huwa
etiku u morali, biex ikollha aktar fiduċja fiċ-ċittadini li,
fuq l-eżempju ta’ Santa Briġida u żewgha Ulf, jistgħu jgawdu
l-familja mibnija fuq iż-żwieġ.
Dimensjonijiet tal-familja
Fl-Ittra
Apostolika li semmejt, il-Papa
isemmi erba’ dimensjonijiet tal-familja fejn Santa
Briġida tat il-kontribut tagħha.
Kienet
familja li temmen fit-talb intens. Sfortunatament
illum l-familja ma għandhiex ħin għat-talb! Mentri t-talb
jiddisponi lill-bniedem biex jitkellem ma’ Alla, hu jikxef
l-ordni morali nwaqqaf minnu. Fil-talb il-familja mhux biss
tinfetaħ u tingħaqad ma’ Alla, imma tingħaqad flimkien.
Permezz tat-talb, il-bniedem jitgħallem iqiegħed lil Alla
f’ħajtu u jgħix f’riferiment għalih.
Il-familja
ta’ Santa Briġida kienet tagħti importanza lill-qari tal-Kelma
t’Alla. Aħna għadna ħerġin minn Missjoni Djoċesana.
Nixtieq li d-diskorsi, l-esperjenzi u l-inizjattivi li
kellna matul dik is-sena mbierka, is-Sena Pawlina, inkomplu
naħdmu fuqhom biex verament il-familji tagħna jkunu mibnija
fuq l-Evanġelju.
Fiz-żwieg u
fil-familja, il-mortifikazzjoni kellha valur għal
Santa Briġida. Forsi llum mhux moda nitkellmu mis-sens
taċ-ċaħda; pjuttost aktar aħna konxji mil-libertajiet u d-drittijiet
li għandna jew naħsbu li għandna. Imma għandna wkoll id-dmirijiet.
Huwa pożittiv li llum għandna aktar libertà, imma din iġġib
magħha r-responsabilità personali. Waħda mir-raġunijiet
għaliex il-familji tagħna għaddejjin minn mumenti tqal, hija
proprju għaliex għandna soċjetà mehdija fil-pjaċir, u ma
tridx tisma bil-mortifikazzjoni!
Ir-raba
plier tal-familja ta’ Santa Briġida kienet il-karità
li kienet tagħmel ġenerożament ma’ min kien fil-bżonn. Il-familji
tagħna llum pjuttost qed jingħalqu fihom infushom; qed
jingħalqu għall-“hajja” – kemm fi ħdan l-istess familja kif
ukoll barra mill-familja. Dak li qed iseħħ fil-liġi
tal-familja Ewropea għandu jħasseb lil min iħobb tassew
il-familja! Imma billi ma għandniex fiduċja fil-bniedem li
huwa kapaċi jgħix l-esperjenza taż-żwieġ u l-familja –
esperjenza profondament umana u qaddisa, – is-soċjetà
bilfors ikollha toħloq għodda ġuridika biex taparsi toffri
rimedju – mentri fil-fatt b’dawn il-miżuri tkun qed ddawwar
il-ħabel ma’ għonqha stess!
Il-familja
l-ewwel skola
Fil-kuntest
ta’ ambjent Ewropew moralment imniġġeż, aħna mhux biss
għandna nilqgħu kontra kull kurrent li jista’ jfarrak
il-familja – li hija lqugħ naturali li kull persuna suppost
ikollha biex timbena bħala persuna, – imma rridu nkunu wkoll
proattivi u nibagħtu l-messaġġ kollu tama tagħna – tama
msejsa fuq dak li tgħidilna r-raġuni imma wkoll fuq dak li
jgħallimna Kristu u l-Knisja tiegħu. Santa Briġida kella
mħabba kbira lejn il-Papa u l-Knisja
Jien ma
nistax ma napprezzax ir-rispett li l-poplu tagħna għandu
lejn il-Missier tagħna l-Papa u l-Maġisteru tiegħu; imma
hemm bżonn nirriflettu aktar dwar it-tagħlim tal-Knisja u
nippruvaw napplikawh fil-ħajja tagħna, ħalli l-familja
tagħna mhux biss tkun l-ewwel esperjenza ta’ Knisja, imma
tkun ukoll skola ta’ virtujiet umani u soċjali. Għax jekk
nieħdu ħsieb il-familja, inkunu nħejju ġenerazzjoni li
ħmistax jew għoxrin sena oħra nkunu nistgħu nafdawlha l-poter
politiku ta’ pajjiżna. Uħud minnhom forsi wkoll jagħtu
kontribut f’oqsma Ewropej. Nappella lill-familja biex titfa’
ħarsitha ’l quddiem billi llum nedukaw lil uliedna f’dawn
il-valuri umani u Kristjani, u hekk inkun qegħdin inħejju
ġenerazzjoni politika ġdida għall-futur.
Inqiegħed
lill-familji kollha tagħna taħt il-ħarsien ta’ Marija, Omm
Kristu u Omm tagħna lkoll. Marija, il-mara li afdat
fil-Kelma li saret bniedem, tista’ turina d-direzzjoni biex
nassiguraw li jkollna ambjent moralment nadif. Amen.
|