LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

2. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert, "Wittu t-triq tal-Mulej."

Ġw. 1:6-8, 19-28.


Q

Qari

Il-Profeta.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl…

Ix-xhieda ta' Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta' Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, "Int min int?", hu stqarr bla ma ċaħad: "Jien m'iniex il-Messija." Huma reġgħu staqsewh: "Mela min int? Elija?" "M'iniex," qalilhom. "Int il-Profeta?" "Le," weġibhom. Mbagħad qalulu: "Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?" U hu wieġeb kif qal  il-profeta Isaija: Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.  ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ” Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: "Mela kif qiegħed tgħammed la m'intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?" "Jiena ngħammed bl-ilma," weġibhom Ġwanni, "imma f'nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu."

Dan ġara f'Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.


M

Meditazzjoni

 

 

Raġel mibgħut minn Alla. 

Ħadd ma jista’ jaħtar lilu nnifsu.  Is-sejħa trid bilfors tkun ġejja minn Alla. Fil-magħmudija tagħna, aħna wkoll irċevejna s-sejħa biex ikollna sehem mill-missjoni profetika ta’ Kristu. Jien konxju minn din is-sejħa tiegħi?

 

Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen.

Bħala nisrani, id-Dawl tiegħi huwa Kristu.  Nixhed għalih fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja tiegħi, qiegħed fejn qiegħed u qiegħed ma’ min qiegħed? Minn dak li ngħid u nagħmel, qiegħed inkun strument biex tikber u tixtered il-fidi fi Kristu?

 

“Inti Profeta?”   “Le” weġibhom.

Fl-umiltà tiegħu Ġwanni qatt ma xehed għalih innifsu, imma biss għal Kristu li kellu jiġi warajh.  Iżda kien Kristu stess li xehed għalih, “Xi ħriġtu taraw fid-deżert?  Profeta?  Iva ngħidilkom, anzi iżjed minn profeta.” (Mt 11:9) U jiena, nħobb nitkellem xejn fuqi nnifsi?  Naf li huwa biss l-Ispirtu li jixhed għalina, li aħna ulied Alla? (ara Rum 8:16)

 

F'nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx.

Kemm jgħodd għalija dan il-kliem ta’ Ġwanni?  Ilni tant snin nisrani, imma lil Ġesù nafu tassew?  Jew naf biss dak li smajt u qrajt dwaru?  Qatt intbaħt li huwa qiegħed ħaj f’nofsna, anke llum?  U jiena, fejn qiegħed infittxu?  Fejn u f’min nista’ nsibu?

 

T

Talb

 

 

 

 

Mulej Alla, għinni nagħraf is-sejħat li inti tgħamilli u nagħmel biss dak li trid minni, int.

Spirtu Qaddis kompli agħtina anke llum profeti vera biex jkomplu jħabbrulna il-Kelma tiegħek u jgħinuna nħejju t-triq għall-miġja tiegħek.

Kristu Ġesù, inti l-uniku Dawl tagħna, imma fl-imħabba kbira tiegħek għalina, minkejja d-dnub tagħna, inti sejjaħtilna biex inkunu dawl għall-oħrajn. Għinna nkunu fidili għal din ir-responsabiltà kbira li fdajtilna f’idejna.

Alla tiegħi, aħfirli ta’ kull darba li bix-xhieda falza tiegħi, kont ta’ tfixkil għall-ħuti minflok ma ressaqthom lejk, aktar komplejt bgħetthom minnek.

Mulej Ġesù, kemm drabi kont maġenbi u jiena m’għaraftekx.  Kompli sejjaħli bil-kelma tiegħek, saħħaħni bl-ikel mill-mejda tiegħek u nebbaħni kull darba li tgħaddi minn ħdejja fil-persuna ta’ xi ħadd minn ħuti.

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum ma nistgħax ngħix l-istess ħajja li għix Ġwanni l-Għammiedi fid-deżert, imma jiena wkoll nista’ nsib ftit mumenti ta’ ġabra, li fihom nħalli l-ħsibijiet li jtaqqluni u l-proġetti li jorbtuni magħhom biex meħlus minn kull xkiel nintelaq mistrieh fil-preżenza ta’ Alla.

Tajjeb li f’dan il-ħin ta’ kontemplazzjoni, li jkun aħjar jekk nagħmlu waħdi, nneħħi minn moħħi l-ħsibijiet kollha tiegħi.  Nieqaf nitkellem, mhux biss ma’ l-oħrajn ta’ madwari, imma wkoll ma’ Alla nnifsu, ħalli f’dan il-ħin inħalli lilu jkellimni hu.  U anke jekk lilu ma nisemgħux ikellimni, xorta waħda naf, b’fidi ferma, li huwa qiegħed hemm, ħdejja.

 

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta