LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

3. Qalulu, "Fejn toqgħod, Rabbi?" Weġibhom, "Ejjew u taraw."

Ġw. 1:35-42.


Q

Qari

 

L-Esperjenza tad-Dixxiplu u x-Xhieda Tiegħu

L-għada Ġwanni raġa' kien hemm ma' tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: "Araw il-Ħaruf ta' Alla." Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: "Xi tridu?" Iżda huma staqsewh: "Fejn toqgħod, Rabbi?" - li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: "Ejjew u taraw." U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta ta' l-għaxar siegħa.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x'kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: "Sibna l-Messija" - li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa" - jew Pietru.


M

Meditazzjoni

 

 

 

"Araw il-Ħaruf ta' Alla."  

Għall-poplu Lhudi, il-ħaruf kien il-vittma, li bid-demm tiegħu,  imraxxax fuq  il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djarhom (Eż 12:7), huma kienu ġew meħlusa mill-kastig.  Il-ħaruf kien għall-poplu Lhudi, l-aħħar ikla li ħadu qabel telqu mill-jasar fl-Eġittu u mxew lejn l-art imwegħda (Eż 12:8). 

Ġwanni l-Għammiedi kien fehem sewwa min kien Ġesù u x’kienet il-missjoni tiegħu, u meta lid-dixxipli tiegħu wriehom lil Ġesù bħala l-Ħaruf ta’ Alla, ried jgħidilhom li biex jimxu warajh, jridu jkunu lesti mhux għat-trijonfaliżmu ta’ Ħadd il-Palm, imma għas-sagrifiċċju tal-Kalvarju.

Forsi mhux l-istess kien il-messaġġ li profeta ieħor, Xmun kien ta lil Omm Ġesù fit-tempju?  "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna." (Lq 2 :34-35)

Anke Pawlu wera li kien fehmu dan meta stqarr, "Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u 'l dan imsallab.”  (1 Kor 2:2)

  • U għalija, bħala nisrani,  dan għandu tifsira?

  • Nemmen tassew li Ġesù, kien il-ħaruf, li b’demmu fdieni mill-jasar tad-dnub u b’ġismu qiegħed kuljum isaħħaħni fil-mixja tiegħi lejn l-art imwegħda lili wkoll?

  • Jiena konxju li issa jiddependi minni jekk is-sagrifiċċju tiegħu, għalija ma jkun jiswa xejn?

  • Qiegħed bħal San Pawl intemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu, għall-ġisem tiegħu, li huwa l-Knisja? (Kol 1:24)

  • X’inhuwa s-sehem tiegħi fost ħuti biex lilhom ukoll tasal l-Aħbar it-Tajba, dik li Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem ? (Ġw 3 :16)

 

Semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Is-smiegħ tal-kelma għalihom, ma kienx biss mezz ta’ tagħrif li bih saru jafu xi biċċa informazzjoni li qabel ma kellhomx. Għaż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni, il-kelma li semgħu kienet sejħa li dwarha ħtiġilhom jidu azzjoni, marru wara Ġesù.

  • U jiena, il-Kelma ta’ Alla hija sejħa, jew naqrha u nismagħha daqs li kieku kienet biċċa tagħrif ieħor ?  Nieħu azzjoni dwarha?

Fit-tiftix tagħhom għal triq li twassal eqreb lejn dak li kienu qed ifittxu, iż-żewġ dixxiplu kienu l-ewwel ingħaqdu fil-grupp ta’ Ġwanni l-Għammiedi.  Imma, issa li semgħuh jurihom triq oħra, huma kien lesti jħallu s-sigurtà li kien jagħtihom, biex jimxu wara Mgħallem ġdid.  Wara kollox, Ġwanni kien dejjem ċar magħhom fi kliemu, li huwa ma kienx il-Messija.  Li warajh kellu jiġi wieħed aqwa minnu.  U meta dan wasal, Ġwanni stqarr bla tlaqliq, "Jeħtieġ li niċkien jien u jikber hu. “Jeħtieg jikber Hu u niċkien jien.” (Ġw 3:30).

  • Jiena spiss inħossni komdu fil-grupp żgħir ta’ madwari, imma Ġesù kontinwament jisfidani ħalli naqdef ‘il barra fil-fond (Lq 5:4).

  • Iż-żewġ dixxipli semgħu s-sejħa u minnufih wieġbu għaliha.  Jien kemm inwieġeb malajr għas-sejħa ta’ Alla u għas-sinjali kontinwi li jurini f’ħajti?

  • Jekk jiena fdat bi tmexxija ta’oħrajn, per eżempju ġenitur f’familja, inkella f’għaqda jew grupp, kemm jiena lest li bħal Ġwanni l-Għammiedi nagħraf u nilqa’ il-mument meta jkolli nerħi minn idejja?

  • Fl-għajnuna li nagħti lill-oħrajn, kapaċi ngħidilhom, mhux jiena, imma Hu.  Mhux lejja ħarsu, imma lejH?

 

"Xi tridu?"

L-ewwel kelma ta’ Ġesù li nsibu fl-Evanġelju ta’ Ġwanni hija domanda, “Xi tridu?” Hija domanda li Ġesù kien spisss jagħmilha li dawk li jersqu lejh. Lil agħma ta’ Ġeriko staqsih, "Xi tridni nagħmillek ?" (Lq 18 :41) Lil omm Ġakbu u Ġwanni, staqsiha, "Xi trid ?" (Mt 20 :21) Liż-żewġ għomja għamlilhom l-istess domanda.  (Mt 20 :32)  Huwa jridna nistħarġu lilna nfusna u nfittxu x’hemm tassew fil-fond tagħna.  X'inhuma x-xewqat tagħna. 

  • U forsi jiena spiss ninqabad mal-kurrent u nidħol f’rutina ta’ attivitajiet li mhux dejjem naf għaliex qeegħed nagħmilhom. 

  • Illum din id-domanda Ġesú qiegħed jagħmilha lili wkoll.  Jiena naf x’irrid tassew ?  Jeħtieġ li spiss nieqaf mill-ġenn tal-ħajja u ngħarrex fija nnifsi, "Jiena x’irrid tassew ?"

 

"Fejn toqgħod, Rabbi?"

  • Ngħid li l-Imgħallem tiegħi huwa Ġesù.  Naf fejn joqgħod?  Jekk le, allura fejn se naqbad infittxu? Wara kollox, jiena interessat infittxu jew aktar moħħi nfittex ħwejjeġ u persuni oħra?

  • Jekk mingħalija naf fejn joqgħod Ġesù, allura sibtu f’ħajti?  Jiena ċert li qiegħed infittex f’post tajjeb ?

  • Forsi jiena wieħed minn dawk li ngħid li Alla qiegħed fis-sema, fl-art u kullimkien.  Imbagħad lest infittxu kullimkien minbarra fija nnifsi u f’ħajti?

  • Iż-żewġ dixxipli marru f’ras il-għajn. Staqsew lilu stess.  Min aktar minn Ġesù nnifsu jista’ jgħidli fejn huwa tassew joqgħod?  Fejn aktar milli fil-kelma tiegħu nista’ nsib it-tweġiba?

 

"Ejjew u taraw."

U Ġesù fit-tweġiba tiegħu ma jagħtinix indirizz u lanqas mappa, iżda jistedinni nimxi miegħu.  Jħajjarni nagħmel l-esperjenza tiegħu.

... d-dixxipli marru miegħu u raw fejn kien joqgħod. Din hija l-esperjenza personali li jiena rrid nagħmel biex inkun tassew dixxiplu.  Mhux biżżejjed ikolli tagħrif dwar Ġesù minn għand ħaddieħor. Anke l-istess kelma tiegħu ma tkun swietli xejn jekk jiena ma naċċettax l-istedina li jagħmilli biha.   Kien hemm bosta li semgħu kliemu, iżda għall-istedina tiegħu dawwru rashom. 

  • U jiena, x’għamilt ?

…   u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien biss l-ewwel pass li wassal għal esperjenzi oħra aktar fit-tul, sakemm ħajjithom saret ħaġa waħda ma tiegħu.  Imma Ġesù jħallini fil-libertà biex nagħmel jiena l-għażliet tiegħi.  Huwa hu li jimxi bil-pass tiegħi u mhux jgħaġgel lili biex nimxi bil-pass tiegħu.

  • Jiena qatt smajtu jistedinni biex nimxi miegħu?

  • Xi jfisser għalija li nimxi ma' Ġesù?  Forsi naħseb li din is-sejħa huwa jagħmilha biss lil dawk li jsiru saċerdoti jew reliġjużi?

  • Jekk jiena raġel jew mara bil-familja, din is-sejħa tgħodd għalija?

  • Jekk jiena kbir fl-età u m’għadnix żgħażaugħ, forsi anzjan sewwa, lili Ġesù jistedinni biex nimxi miegħu?

  • Jekk jiena marid f’qiegħ ta’ sodda, lili jsejjaħli bħall-oħrajn ukoll?

  • Jekk jiena midneb, forsi wkoll għadni qed ngħix fid-dnub, Ġesù jridi mmur miegħu?

 

Mar isib lil ħuh Xmun, u qallu : "Sibna l-Messija"

  • Li nkun xhud tal-esperjenzi tiegħi huwa wieħed mis-sinjali ta’ dixxipulat awtentiku.

  • Li mmur nagħti xhieda ta’ Ġesù fost ħuti, huwa riżultat naturali ta’ l-esperjenza li nkun għixt. 

  • Jekk għadni ma bdejtx inkun xhud tiegħu, allura aktarx ifisser li jiena għadni ma bdejtx insir nafu tassew.  Forsi smajt u qrajt fuqu.  Imma lilu għadni qatt ma ltqajt miegħu tassew.  Anke jekk għal ftit ħin, il-laqgħa miegħu tibdilli ħajti.

 

Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa" - jew Pietru.

Ġesù ħares lejh. L-ewwel kelma li Ġesù jagħmel lil dawk li jixtieqhom ikunu tiegħu hija permezz tal-ħarsa tiegħu.  Hija ħarsa ta’ mħabba li tkellem lill-qalb u mhux lill-widnejn.

Diversi drabi l-Evanġelisti jgħidulna li Ġesù jħares lejn il-persuna qabel ikellimha; Mt 19:26, Mk 5:32, Lq 19:5, Lq 20:17.  Għal Pietru, il-ħarsa biss ta’ l-Imgħallem tiegħu, kien biżżejjed biex jiftakar f’dak li kien qallu (Lq 22 :61).  Imma forsi l-aktar impressjonati huwa l-każ tar-raġel għani li dwaru l-Evanġelista jgħid li qabel ma sejjaħlu, Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba (Mk 10 :21).

Bħal fil-każ ta' Xmun Pietru, lili wkoll, Ġesù jafni sewwa.  Jafni sa minn ġuf ommi. Jaf min jien u bin min jien. Jaf x’insejjaħ lili nnifsi u kif isejħuli l-oħrajn.  Imma għalija hu għandu sejħa oħra. Ta’ Xmun naf x’kienet.  Riedu jkun sajjied tal-bnedmin u l-blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu (Mt 16:18).  

  • Imma is-sejħa li għamel lili, naf x’inhi? Skoprejtha?

 

T

Talb

 

 

 

 

 

Missier ħanin, inroddlok ħajr li inti, hekk ħabbejt id-dinja li għaliha tajt lill-istess Ibnek biex ikun il-Ħaruf li permezz tiegħu hija ssalva.

Spirtu Qaddis għinni nisma u nifhem kull kelma li inti tibgħatli permezz tal-profeti tiegħek ta’ żmienna u biex inwieġeb għaliha b’qalb miftuħa.

Mulej Ġesù, rrid li dak kollu li nagħmel ikun maħsub biss biex tikber int u niċkien jien.

Mulej, għinni nagħraf lili nnifsi biex dak li nkun rrid jien, ikun biss dak li trid għalija int.

Mgħallem, fejn toqgħod?  Irrid niġi miegħek u għandek, jiena wkoll.

Ġesù tiegħi, irrid inkun xhud tiegħek fost ħuti jiena wkoll.  Saffini int mid-dnub tiegħi sabiex ix-xhieda li nagħti tiegħek tkun tassew waħda ħajja u tħalli ħafna frott.

Kompli ħares lejja, Mulej, u tħallini qatt indawwar wiċċi mill-ħarsa tiegħek.

Mulej, għinni niskopri kuljum x’inhi s-sejħa tiegħek għalija.

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Fil-kontemplazzjoni tiegħi, illum, irrid nidħol għand Ġesù u hemm nistrieħ jiena wkoll fil-kumpanija tiegħu u fil-ħarsa tal-imħabba li għandu għalija. Issa l-waqt li nieqaf nitkellem jien biex inħalli lilu biss ikellimni. 

Għalkemm bl-għajnejn tal-ġisem tiegħi mhux qed narah, jien naf li huwa qiegħed maġenbi.  Għalkemm b’widnejja mhux qed nisemgħu, jiena naf li qed ikellimni. U għalhekk bħaż-żewġ dixxipli, ħa nistri għal ftit ħin mix-xogħol tiegħi tas-soltu, u jekk id-dinja tgħidli li dan huwa ħin moħli, allura, iva jiena lest li naħlih b’imħabba għalih.  L-aqwa li jiena qiegħed għandu.  Basta li jiena qiegħed iegħu.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta