Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

Il-Kotba Mqaddsa huma l-Kelma ta’ Alla u għaldaqstant fihom qawwa speċjali.  Imma spiss jiġri li din il-qawwa ndgħajfuha għaliex naqrawhom biss bħala sempliċi ġrajja li darba seħħet u issa ntemmet.  Ħafna drabi nisirqulhom il-Kelma u nħarsu biss lejn ir-rakkont.

Permezz tal-Lectio Divina, aħna nħallu l-Kelma ta’ Alla taħdem fina bil-qawwa kollha tagħha u jekk din nagħmluha tajjeb b’mod regolari, allura tiffurmana mill-ġdid  u tnissel fina għatx li ma nkunux nistgħu ngħixu mingħajrha. 

 

 

KIF TAGĦMEL IL-LECTIO DIVINA

 

Qabel tibda, itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinnek.

      

Lectio (Qari)

·         Aqra s-silta mill-Bibbja bil-mod u b’sens ta’ qima.

·         Iġbor il-fatti mis-silta.

·         Kun attent biex tisma' l-Kelma ta’ Alla tajjeb.

·         Ara liema Kelma jew silta għandha xi messaġġ speċjali għalik. Xi waħda hemm żgur.

·         Ieqaf fis-skiet għal żewġ minuti jew tlieta.

 

Meditatio (Meditazzjoni)

·         Aqra s-silta bilmod mill-ġdid.

·         Ħalli lil Alla jkellmek permezz tas-silta li qrajt.

·         Ieqaf aħseb fuq dak li qed jgħidlek.
Ibqa' fis-skiet għal żewġ minuti jew tlieta oħra.

 

Oratio (Talb)

·         Erġa aqra l-istess silta tal-Iskrittura.

·         Din id-dar wieġeb għaliha b’qalbek, aktar milli b’moħħok.

·         Ħalli lil Alla jkompli jdaħħlek f’din ir-relazzjoni speċjali miegħu.

·         U inti x’tixtieq tgħidlu lil Alla?  Ħallih ikellmek anke hu.

·         Kompli fis-skiet u l-ġabra għal xi erba’ jew ħames minuti oħra.

 

Contemplatio (Kontemplazzjoni)

·         Erġa' aqra l-istess silta għal l-aħħar darba.

·         Intelaq għal kollox fil-preżenza ta’ Alla. Tirreżistihx.

·         Strieħ f’Alla. Mhux bil-ħsiebijiet. Tippruvax toqgħod taħseb, lanqas fuq is-silta li qrajt. Intelaq fil-paċi, bħal tarbija mitluqa f’dirajn ommħa bla ma toqgħod taħseb.  Jekk tintebah li moħħok telaq bik, taqtax qalbek. Tajjar kull ħsieb u kompli fis-skiet u l-ħemda.  Mhux biss is-skiet ta’ barra, imma akatr u aktar is-skiet ta’ ġewwa.

 

Fl-aħħar itlob bilmod ħafna, il-Missierna.

 

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta