Mons. René Laurentin

DWAR IL-MESSAĠĠI MARJANI

LI JIRREFERU GĦAL DIŻASTRI NATURALI

Mons. René Laurentin - Teologu u Mariologu Franċiż

 

Fid-dawl tad-diversi dehriet tal-Verġni Marija, li uħud minnhom kienu aċċettati mill-Knisja, u fid-dawl ukoll tal-bosta messaġġi allegatament Marjani u li joħorġu minn diversi partijiet tad-dinja u li jitkellmu dwar diżastri naturali, huwa tajjeb li wieħed jifli sewwa r-riflessjoni tat-Teologu u Mariologu Franċiż, Monsinjur Rene’ Laurentin.  Fil-ktieb tiegħu, The Apparitions of the Blessed Virgin Mary Today, p. 123-127, huwa kiteb hekk:-

“Id-dehriet tal-lum, bħal dawk tal-imgħoddi, huma fl-istess ħin messaġġ profetiku u proposta mill-Vanġelu. Dil-proposta taf tkun ripetuta sa ma tinħass vojta wkoll. Smajnieha qabel. Iġġegħilna nħarsu bis-serjetà lejn realtà li ttraskurajna u nsejna, għax fil-każ tagħna spiss dak li hu urġenti issa jieħu l-post ta’ dak li hu essenzjali.

Il-messaġġ tad-dehriet, l-ewwelnett joffrilna eżami: id-dinja tal-lum intelqet bla kedda u bla nkwiet għad-dnub. Qed teqred lilha nnifisha. It-theddida hija tassew serja. Dan hu li qed jgħidu d-dehriet b’diversi modi: daqqa b’lingwaġġ maħsub biex jaħsad lil dak li jkun u daqqa b’lingwaġġ li jaħbi u oskur...

Id-dehriet irattbu u sa ċertu punt iħaffu l-qawwa ta’ meta jixxandru theddidiet li jkunu waslu biex iseħħu... għax l-intenzjoni mhix biex tbeżża’ lin-nies jew li tagħmilhom aktar anzjużi, iżda biex tistedinhom imorru lura lejn l-għajn li tfejqilhom id-dnewwa u l-ansjetajiet...

Id-dnub hu l-għerq tal-ħażen (insult għal Alla u qerda tal-bniedem)... Id-dnub tagħna jeqred l-ordni u l-ekoloġija tal-ħolqien ta’ Alla. Aħna niżviluppaw kif ukoll inħassru lid-dinja li fuqha nsaltnu. L-ekoloġisti dan jafuh fuq il-livell tar-rittmi naturali tad-dinja. Iżda l-livell morali u reliġjuż mhux mogħti biżżejjed attenzjoni. 

Dan hu dak li jżomm lill-ħolqien u lill-bnedmin f’bilanċ fir-relazzjoni essenzjali tagħhom mal-Ħallieq. Mingħajr dan il-bilanċ hemm ir-riskju li neqirdu lilna nfusna. Fl-isforz biex naqtgħu lilna nfusna ’l hemm mill-Ħallieq inkunu qisna wieħed li jisserra l-fergħa stess li qiegħed ipoġġi fuqha.

Dan il-bilanċ morali u divin fl-aħħar mill-aħħar huwa l-aspett l-aktar importanti... Id-dnub, peress li jeqred irrelazzjoni bejn il-ħlejqa u l-Ħallieq, jeqred lill-ħlejqa stess. Id-dnub iferina fuq livell fiżiku, f’ġisimna, fuq livell spiritwali, kif ukoll jeqred lid-dinja. L-evidenza ta’ dan hija ċara daqs il-jum.

Xejn minn dan ma hu vendetta mixħuta fuqna, iżda hi biss il-konsegwenza li hemm fl-iżbalji umani stess. Il-qerda tagħna nfusna hija forma ta’ ġustizzja li toħroġ mill-aġir ħażin tagħna stess. M’huwiex Alla l-awtur tal-ħażin li jiġrilna. Aħna stess l-awturi ta’ dan. M’għandniex ninsew ukoll li minħabba l-għaqda li hemm bejn il-bnedmin, il-ħażin jeffettwa saħansitra lill-innoċenti.”

 

Mons. René Laurentin fil-ktieb:

The Apparitions of the Blessed Virgin Mary Today, p. 123-127.

 

Min huwa Mons. Rene' Laurentin. ... > ikklikkja.

Ara wkoll it-test bl-Ingliż. ... > ikklikkja.